Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Saturday, June 04, 2011

X'inhu jiġri tas-Sliema?

Michael Briguglio

Il-Gens Illum 4 ta'Gunju 2011
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=8483


Il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema qiegħed f’sitwazzjoni staġnata. Jidher li xi kunsilliera mhumiex jattendu laqgħat, li qed iwassal għal nuqqas ta’ kworum u nuqqas ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. U meta l-kunsill jasal biex jiddeċiedi xi ħaġa, ħafna drabi jiddeċiedi li ma jiddeċidix. Mill-esperjenza tiegħi ta’ Kunsillier f’Tas-Sliema bejn l-2003 u l-2009, m’għandix dubju li hemm kunsilliera b’rieda tajba, iżda m’għandix dubju wkoll li s-sitwazzjoni preżenti tal-Kunsill m’hijiex sostenibbli.

Mhux se nirrepeti stejjer li smajna dwar il-Kunsill fix-xhur li għaddew, dwar kif inbidel is-sindku, dwar kif l-elezzjoni tal-2009 kienet ikkaratterizzata minn infiq sproporzjonat ta’ flus minn xi kandidati u minn ħafna wegħdi fiergħa fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni. Se nitkellem dwar affarijiet li qed jiġru fil-preżent fil-Kunsill. Dawn qed iwasslu għal frustrazzjoni kbira fost residenti u għaqdiet volontarji fil-lokalità.

Ħa nibda bil-proġett ta’ Townsquare. Fl-10 ta’ April 2010, fi IL-ĠENSillum online (http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=3308), jiena ktibt dwar l-iżvilupp propost ta’ torri ta’ 23 sular u ta’ żvilupp ieħor kummerċjali u residenzjali, kif ukoll parkeġġ, f’żona f’Tas-Sliema li diġà huwa kkaratterizzat minn żvilupp estensiv (Fort Cambridge u Tignè Point) u konġestjoni kbira ta’ traffiku.

Riċentement, studji ambjentali għall-MEPA juru li bil-proġett ta’ Townsquare se jkun hemm żieda ta’ 4,430 karozza kuljum fl-inħawi ta’ Qui-si-sana, biex b’hekk ikun hemm 28,874 karozza kuljum li tgħaddi minn din iż-żona. Il-Kunsill Lokali jidher li huwa sieket ferm dwar din il-kwistjoni.

Hemm ukoll żvilupp ieħor propost fiż-żona ta’ Villa Bonici, li hi meqjusa bħala l-aħħar pulmun aħdar f’Tas-Sliema. Hawnhekk, għaqdiet tal-ambjent qed jappellaw lill-MEPA sabiex il-ġonna ta’ din iż-żona estensiva jiġu skedati, u b’hekk jiġu protetti mill-iżvilupp. Għal darb’oħra, jidher li l-Kunsill ta’ Tas-Sliema mhux qed jesprimi x’pożizzjoni għandu dwar il-kwistjoni.

Proġett ieħor li qajjem kontroversja hu dak li jikkonċerna l-klabb tal-waterpolo tal-Exiles, li ngħata permess li jikber b’mod sproporzjonat. Nistieden lill-qarrejja ta’ IL-ĠENSillum online biex jaqbżu qabża sal-bandli ta’ Tas-Sliema (ħdejn Ġnien Indipendenza) u jaraw b’għajnejhom il-mostrożità ta’ żvilupp li hu għaddej fl-Exiles.
Alternattiva Demokratika ilha topponi dan l-iżvilupp sproporzjonat, u konna kkonvinċejna lill-Kunsill sabiex joġġezzjoni għalih. Iżda wara li l-MEPA approvat l-iżvilupp, l-istess Kunsill seta’ jappella iżda naqas milli jagħmel dan.

Dawn it-tliet eżempji riċenti juru li l-Kunsill qed jonqos milli jieħu pożizzjoni dwar affarijiet li qed jolqtu lir-residenti Slimiżi. Mhux ta’ b’xejn li l-għaqdiet tar-residenti fil-lokalità dan l-aħħar esprimew id-diżappunt tagħhom għal kif qed jimxu l-affarijiet.

X’għandu jsir biex jinbidlu l-affarijiet?

L-ewwel: nistieden lill-Kunsill biex jippubblika figuri li juru kemm qed jattendu jew ifallu laqgħat il-kunsilliera. Qed nirreferi kemm għal-laqgħat tal-Kunsill, kif ukoll għal dawk li jirrigwardaw lis-sotto-kumitati.

It-tieni: il-Kunsill għandu jikkunsidra jekk jistax jibqa’ għaddej b’dan l-istaġnar. Jekk jibqa’ f’pożizzjoni li ma jistax jieħu deċiżjonijiet, jista’ jkun li l-aħjar soluzzjoni tkun li jkun hemm elezzjoni mill-ġdid għall-kunsilliera.

It-tielet: l-elettorat Slimiż jista’ jqabbel kunsilli differenti f’Tas-Sliema u jara liema minnhom kienu l-iktar effettivi. F’dan ir-rigward, l-elettorat għandu l-arma tal-vot. Jekk wieħed verament irid il-bidla, għandu l-faċilità li jivvota għaliha!

Michael Briguglio huwa ċ-Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika
www.alternattiva.org.mt

No comments: