Sociologist, local councillor, activist from Malta

Saturday, May 07, 2011

Sfidi għall-ħaddiema ta' żminijietna

Michael Briguglio

Il-Gens Illum 7 ta'Mejju 2011
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=7909


Hekk kif ftit tal-ġranet ilu ġie ċċelebrat Jum il-Ħaddiem, nixtieq naqsam xi ħsibijiet mal-qarrejja ta’ Il-ĠENSillum online. Kull sena nieħu l-okkażjoni biex nikteb dwar din il-ġurnata. Din is-sena, bħala Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika, nixtieq nitkellem dwar sfidi li qed jiffaċċjaw ħaddiema f’Malta. Fost dawn żgur hemm il-bżonn li nikkumbattu x-xogħol prekarju, l-inugwaljanza, l-esklużjoni soċjali, u l-bżonn ta’ politika li tinkoraġġixxi bilanċ xieraq bejn xogħol u familja kif ukoll il-ħolqien ta’ green jobs.

L-ekonomija Maltija sejra mhux ħażin, iżda dan ma jfissirx li m’għandhiex problemi. F’dak li għandu x’jaqsam mal-qagħda tal-ħaddiema, wieħed jinnota li, bħal oqsma oħrajn fis-soċjetajiet ta’ żminijietna, ix-xogħol qed isir iktar individwalizzat u diversifikat. Dan iġib miegħu iktar opportunijiet iżda wkoll iktar riskji. Dawn tal-aħħar jinkludu l-qgħad u x-xogħol prekarju.

Malta għandha waħda mill-iktar rati baxxi ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea. Iżda hawn ħafna ħaddiema li għalkemm għandhom xogħol, mhux qed jaħdmu f'kundizzjonijiet xierqa. Mhux qed isir biżżejjed sforz biex jinqatgħu l-abbużi li qed isofru ċerti ħaddiema vulnerabbli bħal dawk li jkunu mġiegħla jaħdmu bla ktieb jew jirreġistraw bħala self-employed biex ma jingħatawx il-benefiċċji li huma intitolati għalihom.

Hawn ħafna ħaddiema li m'għandhomx sigurtà fuq il-post tax-xogħol għax jaħdmu b'kuntratti qosra kontra qalbhom. Ċerti kategoriji ta' ħaddiema bħal ħaddiema manwali, immigranti, persuni b'diżabilità, eks-ħabsin, nisa, ħaddiema anzjani u ħaddiema żgħażagħ huma aktar vulnerabbli minn oħrajn. Ta’ min isemmi li fost il-pajjiżi fl-UE, Malta għandha l-iktar persentaġġ baxx ta’ parteċipazzjoni ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol, l-iktar minħabba l-persentaġġi baxxi ta’ parteċipazzjoni ta’ ħaddiema nisa u ħaddiema anzjani.

Hemm bżonn li dawn il-gruppi mhux biss ikollhom aċċess akbar għax-xogħol, imma li jingħatawlhom kundizzjonijiet xierqa u li jiġu mħarsin id-drittijiet tagħhom. Jeħtieġ ukoll tingħata aktar importanza għall-bżonn li kemm nisa kif ukoll irġiel ikunu jistgħu jibbilanċjaw ir-responsabbiltajiet tagħhom tax-xogħol u tal-ħajja personali, speċjalment f'każi ta' familji bi tfal żgħar, biex b'hekk ikunu jistgħu jagħtu sehemhom fl-ekonomija u kif ukoll jieħdu sehem attiv fit-trobbija tat-tfal. F’dan ir-rigward, tajjeb wieħed isemmi l-ħsibijiet tas-soċjologa Nancy Fraser, li tipproponi l-mudell ta’ universal caregiver, fejn minflok duwaliżmu u segregazzjoni sesswali, il-politika soċjali tibda tqis lil kulħadd bħala individwu li għandu drittijiet u dmirijiet fl-oqsma pubbliċi (bħax-xogħol) u f’dawk privati (bħall-ħarsien tat-tfal fil-familja).

Ta’ min wieħed isemmi wkoll l-għoli tal-ħajja, fejn jeħtieġ li jkun hemm kalkoli realistiċi tal-COLA biex il-kumpens li jingħata kull sena jirrifletti verament l-għoli tal-ħajja. Żgur li ż-żieda li ngħatat fl-aħħar bagit, jiġifieri ta’ €1.16 fil-ġimgħa mhumiex realistiċi! Għalhekk għandu jkun hemm sforz ġenwin sabiex il-metodoloġija ta’ kif tinħadem il-COLA tiġi riveduta.

Bħalma diġà stqarrejt fil-passat, hemm bżonn urġenti wkoll li tiżdied il-paga minima. Mhux biss għax din ilha s-snin ma’ togħla, iżda wkoll għax dan jgħin biex tiżdied il-produttività u, fuq kollox, biex dawk li għandhom dħul baxx, jiżdidulhom il-flus f’idejhom peress li dawn huma l-aktar li ġew milquta mir-riċessjoni dinjija. Din iż-żieda għandha tkopri ukoll lill-ħaddiema part-time u kuntrattwali.

Jeħtieġ ukoll li r-riforma fil-pensjonijiet isseħħ mill-iktar fis, fejn aktar flus jistgħu jiġu mfaddla fis-sistema tal-pensjonijiet tal-istat. Jekk dan ma jsirx, hemm riskju li pajjiżna jkollu pensjonanti iktar foqra fis-snin li ġejjin, minħabba li aktarx se jkun hemm rata iktar għolja ta’ pensjonanti meta mqabbla man-numru ta’ ħaddiema. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-Gvern ikun iktar sensittiv lejn il-ħtiġijiet ta’ pensjonanti preżenti, speċjalment minħabba li l-pensjoni hi baxxa wisq għal bosta pensjonanti.

L-aħħar u mhux l-inqas, tajjeb li tingħata prijorità lill-investiment u inċentivi biex Malta tkun tista’ timxi lejn il-Green New Deal, fejn jiġu maħluqa green jobs f’oqsma bħal servizzi, turiżmu sostenibbli, immaniġġjar tal-iskart, trasport pubbliku u enerġija alternattiva. Din hi l-ekonomija tal-futur, u permezz tagħha nkunu inqas dipendenti fuq enerġija maħmuġa bħaż-żejt, li l-prezz tagħha qiegħed dejjem jogħla, u fl-istess ħin inkunu qed noħolqu mpjiegi ġodda.

Bħala attivist tal-Ħodor, nemmen li l-attiviżmu u s-solidarjetà fost il-ħaddiema għandhom ikunu globalizzati, lil hinn mill-egoiżmi u s-simboliżmi nazzjonalistiċi. Għal din ir-raġuni nemmen f’Ewropa Soċjali u Ekoloġika. F’dan ir-rigward, nagħlaq billi, f’isem Alternattiva Demokratika nesprimi l-appoġġ tagħha għall-isħubija tal-ForUM tal-Unjins Maltin fil-Konfederazzjoni Ewropea tal-Unjins tal-Ħaddiema.


Michael Briguglio huwa ċ-Ċerpersin Alternattiva Demokratika. www.alternattiva.org.mt

No comments: