Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Saturday, April 02, 2011

It-traġedja tal-Ġappun: Eku tas-soċjetà ta' riskju

Michael Briguglio

Il-Gens Illum 2 ta' April 2011
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=7209


It-tsunami u t-terremot li laqtu l-Ġappun kienu diżastri naturali. Iżda l-impjant nukleari kien maħluq mill-bniedem. Kien monument ta’ ‘ċertezza’ xjentifika, simbolu ta’ progress assolut, xbieha tat-teknokrazija.

Illum sar bil-kontra. L-impjant nukleari sar simbolu ta’ biża’, inċertezza, mistoqsijiet u konfużjoni. Sar ċertifikat ta’ riskju.

Dan ifakkarni bil-ħsibijiet tas-soċjologu Ġermaniż Ulrich Beck, li fit-tmeninijiet ħoloq it-teorija tas-soċjetà ta’ riskju, wara d-diżastru nukleari ta’ Chernobyl.

Beck jgħid li qed ngħixu f’soċjetà moderna li hi differenti minn dik li kienet fis-seħħ iktar kmieni. Fejn qabel il-moderiżmu kien jirrappreżenta ċertezzi xjentifiċi, stabilità, uniformità, u sigurtà, illum qed ngħixu f’sitwazzjonijiet instabbli, individwalizzati, u ta’ inċertezza.

Konsegwenzi li ma kinux previsti jew intenzjonati jsiru forza dominanti fis-soċjetà ta’ żminijietna. U dawn il-konsegwenzi – bħar-radjazzjoni nukleari – m’għandhomx fruntieri. Jimxu tul il-fruntieri, nazzjonijiet, ġenerazzonijiet, klassijiet u żminijiet. F’dan il-kuntest, ‘l-iżmogg huwa demokratiku’, u ‘dak li jipperpetwa u l-vittma jsiru identiċi’.

Beck jisħaq li ‘l-ħolma tas-soċjetà tal-klassi hi li kulħadd irid u jistħoqqlu parti mill-ġid. L-utopija tas-soċjetà tar-riskju hi li kulħadd għandu jiġi eżentat mill-velenu’.

L-ansjetà ssir forza dominanti fis-soċjetà. U dan mhux fil-qasam ambjentali biss. Anki, ngħidu aħna fil-ħarsien soċjali nibdew naraw eżempji ta’ riskju. Per eżempju, is-sistema ta’ pensjonijiet li suppost inħolqot biex tassigura ħajja aħjar għall-pensjonanti, issir waħda insonstenibbli u b’riskju ta’ kollass finanzjarju u għal bosta raġunijiet tkun hi stess li toħloq il-faqar fost l-anzjani.

Beck għalhekk jippreżenta aspett oskur u kważi makabru tal-progress, kważi bħal kif Shelley kitbet fuq Frankenstein fis-seklu 19. Iżda dan is-soċjologu mhuwiex xi reazzjonarju li jixtieq li mmorru lura għal xi żmien tad-deheb li x’aktarx qatt ma eżista.

Minflok, Beck josserva li s-soċjetà tar-riskju hija karatterizzata minn riflessività, fejn in-nies isiru iktar konxji mill-perikli u l-opportunitajiet f’ħajjithom, u jibdew jafdaw inqas f’awtoritajiet teknokratiċi li huma mdorrijin b’monopolju fuq il-verità. Eżempju ta’ dan hu meta l-konsum taċ-ċanga naqas drastikament meta kien hemm il-marda tal-mad cow.

Għalhekk, iktar nies jibdew joħolqu l-bijografiji tagħhom b’mod awtonomu, u jibdew ifaqqsu wkoll iktar gruppi organizzati li jippropagaw politika ġdida, lil hinn mill-‘katedrali ta’ poter bil-kummerċi, xjenza u l-istat’. Il-politika tal-ħodor, il-koalizzjonijiet ambjentali, l-alleanzi lokali, huma kollha xbieha ta’ dan. Beck iqabbel lil dawn ma’ David fil-ġlieda tiegħu kontra Gulija.

Id-diżastru tal-Ġappun jikkonferma li spiċċa ż-żmien li naċċettaw kulma jgħidu t-teknokratiċi, il-kummerċjanti armati b’diskors xjentifiku, u l-awtoritajiet li jaħdmu minn wara l-kwinti. Minflok, ix-xjenza stess għandha tiġi iktar demokratizzata, f’kultura verament ibbażata fuq il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. U l-politika ma tibqax iddominata minn forzi monopolistiċi li jħokku dar il-kummerċjanti l-kbar.

Malta se taħrab minn dan il-proċess?


Michael Briguglio huwa ċ-Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika.
www.alternattiva.org.mt

No comments: