Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Thursday, April 07, 2011

Ghaliex ser nivvota iva fir-referendum dwar id-divorzju

Michael Briguglio

(Dan l-artiklu deher f’Zminijietna Harga April-Gunju 2011)


Fis-sajf li ghadda, Alternattiva Demokratika kitbet lill-membri tal-parlament kollha u appellat biex jibdew diskussjoni dwar l-introduzzjoni tad-divorzju. Bghatnilhom il-ligijiet tad-divorzju ta’ l-Irlanda u ta’ l-Italja biex ikollhom mudelli ta’ ligijiet ta’ pajjizi b’kulturi simili ghal ta’ Malta.

Ftit tal-granet wara, id-deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando qal li ser jaghmel private members’ bill dwar id-divorzju biex b’hekk tkun tista’ tigi diskussa fil-parlament. Hekk kif id-diskussjoni bidet tiehu iktar prominenza fl-isfera pubblika, gie mahluq il-moviement IVA ghad-divorzju, li fost ohrajn kellu bhala membri lil Pullicino Orlando u Michael Falzon mill-kamp Nazzjonalista, lil Evarist Bartolo u Marlene Mizzi mill-kamp Laburista u lill-Yvonne Arqueros Ebejer u lili mill-kamp ta’ l-Alternattiva Demokratika (AD).

Ta’ min ifakkar li l-AD ilha favur l-introduzzjoni tad-divorzju sa minn meta twaqqfet fl-1989 u dan kien inkluz f’kull manifest elettorali taghha. Dan ghamlitu ghaliex temmen li f’socjeta sekulari u pluralista, id-drittijiet civili ghandhom ikunu garantiti.

Eventwalment, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi ta’ x’jifhem li ser ikun hemm referendum dwar id-divorzju, gie mahluq il-Moviment LE, u l-parlament iddecieda li ser ikun hemm referendum ghal divorzju specifiku, dak responsabbli, ibbazat fuq il-mudell Irlandiz.

Galadarba huwa car li ser ikun hemm referendum f’Malta, kull diskussjoni politika dwar id-dhul tad-divorzju f’pajjizna ghandu jitpogga f’dan il-kuntest. L-ghazla li ser ikollna quddiemna fit-28 ta’ Mejju hi dik ta’ referendum.

Kull diskussjoni dwar possibilitajiet ohra, tkun diskussjoni purament akademika li fil-kuntest prezenti huma jew irrelevanti jew inkella iservu biex ikun hemm frammentazzjoni fis-sejha ghall-introduzzjoni tad-divorzju. U bhal ma tghallimna l-politika ta’ l-Imperaturi Rumani, l-istrategija ta’ ‘ifred u ahkem’ isservi sew lil min hu fil-poter u jrid izomm kollox kif inhu. U lkoll nafu x’inhi s-sitwazzjoni prezenti.

F’Malta qeghdin f’sitwazzjoni unika fid-dinja, fejn, divorzju migjub minn kull pajjiz tad-dinja, anke jekk minn cittadini Maltin, jigi rikonoxxut mill-istat. Ghalhekk l-istat qed jiddiskrimina kontra c-cittadini li jghixu fil-pajjiz. Min jiflah ihallas ghal divorzju barra l-pajjiz jista’ jaghmel dan. Min qal li klassi socjali spiccat?

Sa dan it-tant, minkejja n-nuqqas tad-dritt tad-divorzju gewwa pajjizna, is-separazzjonijiet qegħdin jiżdiedu minħabba raġunijiet varji. Dawn jinkludu stress u sitwazzjonijiet varji fil-hajja ta’ kuljum. Iżda hemm rargunijiet ohra wkoll, anke minħabba li l-individwu qed jagħti iktar valur lill-kuntentizza fir-relazzjoni li jkun/tkun fiha. Ghalhekk, il-verita; hi li certi zwigijiet ifallu u ghandna nkunu sensittivi ghall-istress emozzjonjali u finanzjarju li hafna nies ikollhom jghaddu minnu minhabba n-nuqqas ta’ legizlazzjoni dwar id-divorzju ghal dawk f’Malta.

Ħafna nies separati jixtiequ jingħataw iċ-ċans li jerġgħu jiżżewġu. Permezz ta’ din il-perspettiva, id-divorzju jista’ jitqies bħala dritt favur il-familja, minħabba li jippermetti lill-koppji li jirregolarizzaw ir-relazzjonijiet tagħhom.

F’pajjiż fejn tirrenja d-demokrazija ta’ kuljum, l-istat għandu r-responsabilità li jipprovdi l-qafas legali li jirrispetta l-għażliet tal-individwi. L-introduzzjoni tad-divorzju tista’ ssir flimkien ma’ miżuri oħrajn bil-għan li jsaħħu lill-familji. Izda dan jirrikjedi kuraġġ politiku. L-istat għandu jinjora din ir-realtà, u jeskludi lil eluf ta’ ċittadini minn drittijiet ċivili bażiċi?

Wiehed ghandu tapprezza r-rwol tal-Knisja Kattolika bħala vuċi leġittima fis-soċjetà Maltija. Il-Knisja għandha kull dritt li tgħid li hi kontra d-divorzju u li tistenna lill-fidili tagħha jsegwu t-tagħlim tagħha. Iżda wieħed għandu japprezza wkoll li f’soċjetajiet moderni u sekulari, fejn id-drittijiet ċivili għandhom rwol importanti, l-identità Kattolika hija waħda fost oħrajn.

Huwa f’dan il-kuntest li jien ser nivvota IVA fir-referendum. Bhala attivist li nemmen fid-demokrazija ta’ kuljum, fil-pluralizmu u fid-drittijiet civili, kont nippreferi li d-divorzu jidhol fil-legizlazzjoni ta’ Malta minghajar referendum, ghax dan huwa dritt tal-minoranza u hadd m’hu ser ikun obbligat jiddivorzja jekk dan jigi legalizzat. Izda r-realta’ hi li ser ikun hawn referendum, u ma rridx naghmilha ta’ Ponzu Pilatu u nahsel idejja mir-responsabilita’ f’dan il-mument storiku.

Ser nivvota IVA fir-referendum, ghax irrid li cittadini Maltin ikollhom l-istess drittijiet li ghandhom cittadini fid-dinja kollha, specjalment fil-pajjizi demokratici u li jirrispettaw id-dinjita’ tal-bniemed.

Ser nivvota IVA fir-referendum ghax irrid li tispicca d-diskriminazzjoni li tippermetti d-divorzju minn pajjiżi oħrajn.

Ser nivvota IVA fir-refererendum ghax nemmen li d-divorzju huwa dritt bażiku għal dawk li jixtiequh, inkluz dawk li jixtiequ jergghu jizzewgu. Id-divorzju jaghti cans iehor lil min kellu zwieg li ma rnexxiex.

Ghalhekk, nappella lil dawk kollha li jaqblu ma’ l-introduzzjoni tad-divorzju kif ukoll dawk li ma jaqblux mad-divorzju izda li ma jridux icahhdu lill-haddiehor minn dan id-dritt biex jivvutaw iva fir-referendum. M’ghandniex naghtu rebha lil min irid icahhad lill-eluf minn dan id-dritt civili.

Ma naqghux ghan-nassa li nkunu favur bojkott ta’ referendum, ghax dan ipaxxi lil min ma jridx idahhal id-divorzju f’Malta. Bhal ma jghidu l-Inglizi, let us stand up and be counted! Fl-ghaqda hemm is-sahha!




Abbona fir-rivista Zminijietna, u tircievi kopja kull darba bill- posta. Sena (4 hargiet) : Euro 5. Ibghat ismek u l-indirizz flimkien ma' cash, bollol jew cheque lil: Zminijetna, PO Box 35 Sliema. Cekkijiet ghandhom jigu indirizzati lil: Ghaqda Zminijietna

No comments: