Sociologist, local councillor, activist from Malta

Saturday, March 05, 2011

Riżoluzzjoni għal kwalità ta' ħajja aħjar

Michael Briguglio

Il-Gens Illum 5 ta'Marzu 2011
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=6616



Nhar is-Sibt li għadda, il-membri preżenti ta’ Alternattiva Demokratika eleġġew eżekuttiv ġdid u approvaw numru ta’ riżoluzzjonijiet għall-pjan ta’ ħidma tal-partit għal din is-sena. Dan seħħ waqt il-laqgħa ġenerali annwali ta’ AD.

Waħda mir-riżoluzzjonijiet, li ġiet proposta minni permezz ta’ mozzjoni, kienet dwar l-għoli tal-ħajja u l-faqar f’pajjiżna.

Fil-mozzjoni ġie nnutat li skond statistika uffiċjali, f'Malta hawn madwar 61,000 persuna li huma fir-riskju tal-faqar. Fost dawn hemm 19,000 persuna li għandhom nuqqasijiet materjali serji u ma jaffordjawx erbgħa jew iktar ħtiġijiet bażiċi għall-ħajja ta' kuljum.

Ġie nnutat li r-rata tal-faqar f'Malta żdiedet meta mqabbla mas-snin ta' qabel, u issa laħqet il-15 fil-mija. Huwa veru li pajjiżna m’għandux waħda mill-iktar rati għoljin ta’ faqar fl-Unjoni Ewropea, iżda huwa veru ukoll li wieħed għandu jinkwieta meta jara li l-faqar qiegħed jiżdied.

Għalhekk, fil-laqgħa ġenerali ġie riżolt li għandhom jiddaħħlu miżuri konkreti u realistiċi sabiex jikkumpensaw għall-piż żejjed li qed jitqiegħed fuq in-nies permezz tal-għoli tal-ħajja.

Għalhekk, Alternattiva Demokratika qed tipproponi li ssir evalwazzjoni realistika għall-aġġustament għall-għoli tal-ħajja, sabiex il-kumpens li jingħata kull sena tassew jirrifletti ż-żieda fl-inflazzjoni.

Għaldaqstant, il-metodu li jintuża fil-preżent, li fuqu hija bbażata l-COLA, għandu jiġi aġġornat. Huwa veru li l-mekkaniżmu tal-COLA jirrifletti qbil storiku madwar 20 sena ilu bejn sidien, unjins tal-ħaddiema u l-Gvern. Iżda l-mekkaniżmu li qed jiġi wżat ma tantx jidher li għadu wieħed realistiku meta wieħed iqis li l-kumpens għall-għoli tal-ħajja għal din is-sena kien biss ta’ €1.16 fil-ġimgħa.

Fil-laqgħa ġenerali ġie riżolt ukoll li għandha tiżdied il-paga minima f'Malta, inkluż għax-xogħol part-time u kuntrattwali. Dan sabiex ikopri mhux biss lill-ħaddiema ‘full-time’, iżda wkoll dawk il-ħaddiema li qed jaħdmu xogħol prekarju, liema xogħol dejjem qiegħed jiżdied.

Eżempju ta’ dan huma ħaddiema li qed jiġu sfurzati jiddikjaraw lilhom infushom bħala ‘self-employed’ meta l-kumpanija li tħaddimhom tingħata xi tender, anki mill-Gvern, anki jekk l-istess kumpanija tiddikjara li l-ħaddiema jaqilgħu inqas mill-paga minima. Ta’ min jinnota li żieda fil-paga minima twassal għal iktar flus fl-idejn u għalhekk għal titjib ekonomiku.

AD rriżolviet ukoll li għandu jkun hemm riforma ġusta u sostenibbli tal-pensjonijiet f'Malta. F’dan ir-rigward, AD diġà tkellmet kemm-il darba dwar il-ħtieġa li jkun hemm it-tieni pilastru fis-sistema tal-pensjonijiet sabiex ħaddiema jkollhom pensjoni diċenti meta jirtiraw. Iżda AD temmen ukoll li l-Gvern għandu jkollu responsabilità aħħarija ta’ dan il-fond, u li l-Gvern għandu wkoll jieħu responsabilità ta’ ċittadini li ma jifilħux iħallsu għat-tieni pilastru.

L-aħħar u mhux l-inqas, irrisolvejna wkoll li l-aħjar garanzija għall-kontijiet tad-dawl u ilma affordabbli hi li n-nefqa tal-Gvern tagħti prijorità lill-enerġija alternattiva, li hija l-aħjar garanzija kontra ż-żieda fl-ispejjeż ta' enerġija maħmuġa. Il-verità hi li l-prezz taż-żejt se jkompi jogħla minħabba skarsezza u fatturi politiċi u ekonomiċi, u għalhekk wieħed ikun qed jilludi lilu nnifsu jekk jemmen li kontijiet ibażati fuq din l-enerġija maħmuġa jistgħu jorħsu għal medda twila ta’ żmien.

AD temmen ukoll li għandha tiġi ppenalizzata l-ħela u mhux l-użu bażiku tad-dawl u l-ilma, u li r-regoli dwar insulazzjoni tajba fil-bini għandhom jiġu nfurzati, għax dan jgħin biex tittaffa d-domanda għal iktar użu ta’ enerġija.

Għalhekk, fil-laqgħa ġenerali annwali, AD kkonfermat li ma taqbilx ma’l-użu ta’ diskors populista li jipprova joħloq aspettattivi foloz. Għall-kuntrarju, il-partit irriżolva li għal darb’oħra jippreżenta proposti responsabbli, sostenibbli, ġusti u realistiċi.

Wieħed jista’ jaqra dwar riżoluzzjonijiet oħrajn li ġew approvati mill-AD billi jmur f’www.alternattiva.org.mt


Michael Briguglio huwa ċ-Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika

No comments: