Sociologist, local councillor, activist from Malta

Monday, February 07, 2011

Ir-roti m'għandhomx jitneħħew mill-promenade!

Michael Briguglio

Il-Gens Illum 5 ta' Frar 2010
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=6070



Kont verament diżappuntat meta qrajt li s-Sindku ta' San Ġiljan qed jipproponi bye-law biex ċiklisti adulti ma jitħallewx jużaw il-promenade. Nittama li din il-proposta ma tkunx approvata. F’każ li jiġri hekk, din tkun daqqa ta’ ħarta kbira għall-bżonn li f’Malta jkun hawn ċaqliq ikbar lejn użu ta’ trasport sostenibbli li hu tajjeb għall-ambjent u għas-saħħa tan-nies.

Proposta bħal din turi nuqqas ta' sensittività għaliex se ġġiegħel liċ-ċiklisti jużaw it-triq li hija magħrufa għas-sewqan bl-addoċċ u għat-traffiku li jgħaddi minnha. Hija wkoll illoġika għax tmur kontra l-kampanja pożittiva li bħalissa qed jagħmel il-Gvern biex jippromwovi forom differenti ta' attività fiżika biex ikollna stil ta ħajja b'saħħitha, innaqqsu l-istress u l-obeżità bir-riskji ta' mard li jġibu magħhom.

Barra minn hekk, il-proposta li jinqata' ċ-ċikliżmu għal kollox ma tagħmilx sens jekk tikkunsidra l-fattur ambjentali u jekk pajjiżna verament irid inaqqas it-tniġġiż fl-arja.

Jien spiss nimxi fuq il-promenade ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan, u huwa ta’ sodisfazzjon kbir li nara nies differenti jippassiġġaw, jiġru, jirrikreaw ruħhom u jsuqu r-roti. U hekk għandu jkun. Il-promenades għandhom ikunu aċċessibbli kemm għaċ-ċiklisti kif ukoll għal min ikun miexi, speċjalment tfal żgħar u anzjani. Jista' jinħoloq bilanċ bejn il-protezzjoni ta' min ikun miexi u d-drittijiet taċ-ċiklisti li jipprattikaw il-passatemp tagħhom mingħajr periklu.

Għaldaqstant, ftit tal-ġranet ilu, Alternattiva Demokratika organizzat konferenza stampa fuq il-promenade ta’ San Ġiljam, u pproponejna li, fejn hu possibbli, għandhom jiġu introdotti passaġġi għar-roti immarkati b'mod ċar.

F'postijiet fejn ma jkunx hemm dawn il-passaġġi, iċ-ċiklisti jkunu mitlubin isuqu aktar bil-mod u dejjem iċedu lil min ikun miexi. Jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll ċerti ħinijiet speċifiċi meta jkun hemm ħafna nies mixjin fuq il-promenade fejn ma jkunx jista' jsir sewqan bir-roti.

Tajjeb wieħed jitkellem ukoll dwar il-passaġġi għar-roti fit-toroq, speċjalment meta ġieli smajna dwar inċidenti koroh – u anke fatali – f’dan ir-rigward. Dawn il-passaġġi għandhom jiġu riveduti u mtejbin sabiex ċiklisti jkunu jistgħu jsuqu fit-triq ukoll, mingħajr ma jkollhom perikli u passaġġi li jieqfu ħesrem.

Sewwieqa tal-karozzi għandhom ikunu edukati u jitgħallmu jikkonvivu maċ-ċiklisti fit-toroq. It-toroq għandhom jinżammu tajjeb sabiex ma jkunx hemm affarijiet perikoliżi bħal ħofor, xaħx u ħġieġ imkisser.

Meta jiena kont Kunsillier f'Tas-Sliema, flimkien ma’ xi kunsilliera oħra, kont ikkonvinċejt lill-Kunsill tal-lokal biex ma jilqax proposta li ma jitħalliex isir sewqan bir-roti fuq il-promenade ta' Tas-Sliema.

Nittama li l-kunsilliera preżenti ta’ San Ġiljan jagħmlu l-istess, u minflok jaħdmu sabiex ikun hemm bilanċ bejn il-ħtiġijiet varji ta’ dawk li jiffrekwentaw il-promenade. Jekk dan il-bilanċ intlaħaq fi bliet u rħula oħra madwar id-dinja, ma nistax nifhem kif dan ma jistax jintlaħaq f’pajjiżna.


Michael Briguglio huwa Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika.

www.alternattiva.org.mt

No comments: