Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Saturday, December 04, 2010

Twissijiet f'kuntest ta' riskji u awsterità

Michael Briguglio

http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=4650
Il-Gens Illum 4 ta’ Dicembru 2010


Ftit tal-jiem ilu l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Michael Bonello, ma qagħadx jomogħdha. . . qal ċar u tond li fl-opinjoni tiegħu, pajjiżna jeħtieġ li jnaqqas in-nefqa pubblika sabiex l-ekonomija tagħna tkun waħda iktar sostenibbli.

Fl-istess żmien, il-Fond Monetarju Dinji qal li filwaqt li pajjiżna ma daqx il-kriżi ekonomika li daqu pajjiżi oħrajn, jeżistu bosta riskji fl-ekonomija f’oqsma bħal dawk finanzjarji u l-proprjetà.

Ejja ngħiduha kif inhi. Malta mhix qed tesperjenza l-miżuri ta’ awsterità severi li qed jaħkmu pajjiżi madwar id-dinja kollha, irrispettivament minn min hu fil-gvern. Anki gvernijiet li jipproklamaw lilhom infushom bħala ‘gvernijiet tal-ħaddiema’ qed jintroduċu bosta miżuri iebsa.

Minkejja li f’pajjiżna jeżistu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, wieħed ma jkunx qed ikun leali lejn ir-realtà meta jqabbel lil pajjiżna ma’ xi soċjetà fejn l-ikla ta’ kuljum hija verament kwistjoni ta’ ħajja jew mewt.

Fir-rapport għas-sena 2010, il-Programm tal-Iżvilupp tal-Ġnus Magħquda, permezz tal-indiċi ta’ l-iżvilupp uman (HDI Index) għadha kif poġġiet lil pajjiżna fit-33 post minn 169 pajjiż. Pajjiżna tela’ ħames postijiet, speċjalment minħabba li n-nies jgħixu medja ta’ 80 sena u minħabba li d-dħul medju huwa ta’ $21,000 għal kull persuna. Dan l-indiċi jinkorpora fih statistika relatati mad-dħul, is-saħħa u l-edukazzjoni.

Fi ftit kliem, l-ekonomija ta’ pajjiżna s’issa laqgħet tajjeb għar-riċessjoni globali, iżda jeżistu bosta riskji. F’dan il-kuntest, minkejja li ma naqbilx ma’ kulma jipproponi l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, naqbel miegħu meta jgħid li ma nistgħux naġixxu daqslikieku m’aħniex parti mid-dinja. F’dan ir-rigward, jeżistu bosta kwistjonijet li wieħed ma jistax jinjorahom.

Per eżempju, niskanta kif il-Gvern Nazzjonalista jibqa’ jgħaddas rasu fir-ramel u ma jintroduċix politika ekonomika li timmira li trażżan il-ħela u l-ispekulazzjoni f’żewġ riżorsi skarsi f’pajjiżna: l-art u l-ilma. Jekk ma titteħiedx azzjoni konkreta f’dawn iż-żewġ oqsma, qed nistiednu problemi kbar fis-snin li ġejjin.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-art, donnu l-Gvern qed jibqa’ jippremja l-ispekulazzjoni fil-proprjetà, meta f’pajjiż ċkejken bħal Malta, kwart tal-bini huwa vojt. Kemm tista’ tibqa’ tiġi ttollerata din is-sitwazzjoni insostenibbli? F’dan ir-rigward, jagħmel sens li jkun hemm miżuri fiskali fuq spekulazzjoni tal-proprjetà.

Alternattiva Demokratika qed tipproponi li dan għandu jsir mit-tielet proprjetà vojta ’l quddiem. Mekkaniżmi fiskali għandhom jinkoraġġixxu l-kiri u l-bejgħ ta’ proprjetà li tinżamm vojta għall-ispekluazzjoni. Dan mhux biss jiġġenera dħul għall-Gvern, iżda wkoll irażżan l-ispekulazzjoni u b’hekk jagħmel pressjoni fuq il-prezzijiet tal-proprjetà. Iżda diffiċli wieħed jimmaġina li ssir xi ħaġa f’dan il-qasam jekk l-Alternattiva Demokratika ma tkunx rappreżentata fil-Parlament.

Il-fatt jibqa’ li hija l-AD biss li ma tiddependix minn finanzjament mill-industrija tal-kostruzzjoni.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-ilma, pajjiżna għandu jagħmel ħafna iktar biex ikun hemm użu sostenibbli ta’ dan ir-riżors skars. Tajjeb ngħidu li f’Malta hemm madwar 8,000 bore-hole privata, li jieħdu l-ilma mill-pjan għall-użu varju fosthom produzzjoni ta’ soft drinks, trobbija tal-annimali, manifattura, manifattura tal-konkrit, pixxini, agrikultura, u ġonna – mingħajr ħlas ta’ xejn.

L-ammont ta’ ilma li jittella’ mill-boreholes privati hu aktar mill-ammont ta’ ilma li tipproduċi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) mill-impjanti tar-Reverse Osmosis. Fi ftit kliem, filwaqt li l-maġġoranza tal-poplu tħallas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, uħud jisirqu l-ilma li jiġi mill-bore-holes. Għalhekk, teħtieġ tittieħed azzjoni ċara biex ma jibqax jiġi inkoraġġit l-użu b’xejn tal-ilma tal-pjan.

Fuq medda qasira ta’ żmien, il-boreholes mhux reġistrati għandhom jingħalqu. Iżda fuq medda itwal ta’ żmien, jeħtieġ li, b’eċċezzjonijiet ta’ kunsiderazzjonijiet strateġiċi bħall-agrikultura, il-prezz veru tal-ilma jiġi rifless fil-konsum tiegħu.

Il-WSC għandu jkollha kontroll totali tal-ilma kollu li jiġi prodott f’Malta, biex imbagħad dan jiġi ridistribwit skond il-ħtieġa tal-pajjiż.

Kwistjonijiet oħrajn relatati mas-sostenbilità jinkludu, fost oħrajn, dik tal-pensjonijiet, fejn jeħtieġ li filwaqt li s-sistema l-ġdida tkun waħda karatterizzata minn ġustizzja soċjali, tkun waħda wkoll fejn il-pajjiż iġemma’ iktar flus biex isostni s-sistema tal-pensjoni. Ir-raġuni hi waħda sempliċi: peress li n-nies qed jgħixu iktar, il-persentaġġ ta’ ħaddiema li jikkontribwixxu għall-pensjoni qiegħed dejjem jiċkien meta mqabbel man-numru ta’ pensjonanti. Kwistjoni oħra hi dik tal-arretrati li għandu jiġbor il-Gvern.

Iktar ma toqrob l-elezzjoni ġenerali, inqas hemm ċans li l-Gvern Nazzjonalista jagħmel xi ħaġa sew biex jikkonfronta kwistjonijiet bħal dawn.

Niskanta wkoll meta nara li l-Partit Laburista, minflok ma joħroġ bi proposti serji, sostenibbli u responsabbli, jibqa’ jinqeda bi propaganda rħisa.

Per eżempju, minflok ma qagħad janalizza x’qal il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, u jirribatti bi kritika kostruttiva, il-PL għażel li jagħmel kampanja ta’ tgħajjir personali.

Il-PL qiegħed ukoll jirrepeti d-diska skaduta tal-bżonn ta’ tnaqqis fuq it-taxxa tad-dħul meta fl-istess ħin jippretendi li jonqos id-defiċit u jitjiebu s-servizzi pubbliċi. Huwa possibbli li l-PL mhux qed jara x’inhu jiġri f’pajjiżi oħra bħalissa?

Filwaqt li ċertu tnaqqis għal min għandu dħul baxx jew medju jista’ jkun aċċettabbli għax jirriżulta f’iktar flus fl-idejn u b’hekk iktar attività ekonomika, ma nistax nifhem kif partit li jridha ta’ wieħed progressiv jibqa’ jħambaq biex tonqos it-taxxa tad-dħul għal kullħadd u jibqa’ jopponi kull miżura fiskali li tista’ tiġġenera d-dħul għall-Gvern. Nistaqsi lill-Partit Laburista: jekk irid li Malta tkun l-aħjar fl-Ewropa, minn fejn se jiffinanzja n-nefqa tiegħu, meta qiegħed iwiegħed kollox lil kulħadd?

Għalhekk, filwaqt li n-nefqa pubblika għandha tibbilanċja l-ħtiġijiet soċjali, ambjentali u ekonomiċi, ikun tassew żbaljat min joħroġ bi proposti li donnhom jappartjenu għal xi dinja tal-ħolm li ma teżistix. Proposti serji dwar l-ekonomija ma jistgħux jinjoraw tliet realtajiet: L-ewwel, li d-dħul biex tiffinanzja din in-nefqa għandha tiġi minn x’imkien. It-tieni, li r-riżorsi naturali huma limitati. It-tielet, li qed ngħixu f’kuntest globali.

Michael Briguglio huwa ċ-Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika
www.alternattiva.org.mt

No comments: