Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Saturday, November 06, 2010

Riflessjonijiet dwar il-Bagit

Michael Briguglio

Il-Gens Illum 6 ta'Novembru 2010

http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=2443


Il-Baġit tal-Gvern għas-sena 2011 għandu taħlita ta’ miżuri, li wħud minnhom huma pożittivi, filwaqt li oħrajn huma pjuttost vagi. Il-Baġit ukoll ma ħax azzjoni konkreta fuq ċerti materji soċjali u ambjentali.

Qabel xejn, kollox għandu jitpoġġa f’kuntest. Ma nistgħux naħarbu mill-fatt li d-dinja kollha għaddejja minn problemi ekonomiċi. Għalhekk, huwa fatt pożittiv li f’dan il-kuntest, il-Gvern qed jimmira li jnaqqas id-defiċit. Naħseb li kull kritika kontra l-Baġit li tinjora dan il-fatt bażiku, hija kritika b’nuqqasijiet kbar. Dan speċjalment meta wieħed jara l-miżuri ta’ awsterità iebsa li qed jieħdu gvernijiet madwar id-dinja kollha, hu x’inhu l-orjentament politiku tal-Gvern.

Nittama biss li sena qabel l-elezzjoni l-Gvern Malti ma jiddeċidix li jbiddel ir-rota, u b’hekk jitfa’ l-piż fuq min irid iħallas għad-dejn li jiġi ġġenerat.

Għalhekk, huwa tajjeb li l-Gvern irażżan l-infiq tiegħu. Dan m’għandux ifisser li l-Gvern jabdika mir-responsabilitajiet tiegħu, iżda li jagħmel prijoritajiet xierqa.
Il-miżuri li permezz tagħhom il-Gvern iħallas ħaddiema bil-paga minima li jagħmlu programmi ta’ taħriġ, u li l-Gvern jagħmilha eħfef għall-persuni fuq assistenza soċjali li jagħżlu li jaħdmu, huma pożittivi, dment li dawn in-nies ma jiffaċċjawx xkiel ieħor biex itejbu s-sitwazzjoni tagħhom.

Min-naħa l-oħra, kont nistenna li jkun hemm żieda fil-paga minima nazzjonali u bis-siegħa, inkluż dak għall-partajmers u ħaddiema kuntrattwali fuq bażi pro-rata. Din ilha ma togħla s-snin, u jekk tigi implimentata, ikun hemm iktar flus fl-idejn.
Huwa fatt pożittiv ukoll li l-Gvern ħabbar li se jieħu miżuri kontra min iħaddem li jisfruttaw ħaddiema barranin. Ikun għaqli li l-Gvern jaħdem id f’id mal-unjins u ma’ għaqdiet non-governattivi f’dan ir-rigward, minħabba l-esperjenza li għandhom f’dan il-qasam.

Fir-rigward tal-għoli tal-ħajja u l-benefiċċji soċjali ż-żieda fl-assistenza supplimentari u fin-nefqa għal gruppi vulnerabbli bħal tfal fostered huma pożittivi. Iżda seta’ kien hemm nefqa ikbar għal nies b’diżabilità – per eżempju fin-nefqa kapitali u fl-assistenza li jingħataw. Il-Gvern seta’ wkoll jinkludi gruppi bħal dawk li jbatu bl-ME u l-FM ma’ dawk intitolati għall-benefiċċji ta’ nies b’diżabilità.

Fir-rigward tas-saħħa, huwa wkoll pożittiv li l-Gvern qed jinvesti fiċ-Ċentru tal-Kanċer fl-Isptar Mater Dei. F'dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed jinnota li l-kanċer għandu wkoll ikun ikkonfrontat permezz ta’ politika ambjentali aħjar, li bħalissa hija nieqsa. Il-Gvern għandu wkoll jagħmel ħafna aktar biex jiġu indirizzati prezzijiet mediċinali għaljin, inkluż li jiġi kkunsidrat l-importazzjoni tagħhom flimkien ma’ importaturi mis-settur privat.

Wieħed ma jistax ma jaqbilx ma’ zieda fl-allokazzjoni għall-edukazzjoni, iżda nemmen li kien ikun aħjar kieku l-Gvern gaħmel investiment akbar fl-edukazzjoni pubblika u childcare centres minflok fl-edukazzjoni privata.

Miżuri oħrajn pożittivi jinkludu l-investiment fis-swieq tal-bdiewa u fiċ-ċentru għall-ħarsien tal-annimali. Huwa wkoll pożittiv li l-Gvern jagħmel inċentivi li jħeġġu trasport aktar nadif. Iżda dwar dan, s’issa d-dettalji huma vagi wisq biex nikkummenta f'aktar dettall.

Min-naħa l-oħra, il-Gvern għandu jagħmel ħafna aktar għall-iżvilupp sostenibbli, per eżempju li jerġa’ jattiva l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli. In-nefqa tal-Gvern dwar l-enerġija rinnovabbli hija sempliċiment mhux biżżejjed, speċjalment meta wieħed iżomm f'moħħu l-fjuwil maħmug li se jintuża fl-estensjoni tal-power station. Il-Gvern għandu jelabora wkoll dwar l-iskemi ta 'assistenza għall-enerġija sostenibbli’.

Nuqqas kbir ieħor fil-Bagit hi dik relatata mal-politika fqira tal-Gvern dwar l-ilma. Hemm urġenza kbira li nipproteġu l-ilma. Irridu nifhmu li m’hemmx ammont infinit ta’ ilma għall-użu tagħna. Għandha tittieħed azzjoni ċara biex ma jibqax jiġi inkoraggit l-użu b’xejn tal-ilma tal-pjan, fejn f’pajjiżna hemm madwar 8,000 borehole privata, li jieħdu l-ilma mill-pjan għal użu varju fosthom produzzjoni ta’ soft drinks, trobbija tal-annimali, manifattura, manifattura tal-konkrit, pixxini, agrikultura, u ġonna.

Wasal iż-żmien li l-ilma tal-pjan jiġi protett u li jkun hemm miżuri sostenibbli, per eżempju dwar ilma riċiklat. Il-boreholes mhux reġistrati għandhom jitwaqqfu minnufih, u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandu jkollha l-prijorità fl-użu ta’ l-ilma tal-pjan.

Ovvjament, il-bagit m’huwiex biss dwar infiq, u jkun tajjeb li min jikkritika l-bagit jagħmel proposti dwar kif il-Gvern jista’ jiġġenera d-dħul.
F’dan ir-rigward, miżura li seta’ faċilment jieħu l-Gvern hi dik li jintroduċi miżuri fiskali fuq l-ispekulazzjoni tal-propjetà, mit-tielet proprjetà vojta ’l fuq, partikolarment meta Malta u Għawdex huma sit tal-bini perpetwu u meta kwart tal-proprjetajiet huma vojta. Din il-proposta tinkoraġġixxi wkoll il-kiri u l-bejgħ ta’ proprjetajiet li huma miżmumin vakanti għal għanijiet ta' spekulazzjoni u użu ta’ bini eżistenti milli l-bini ta’ aktar postijiet.

Il-Gvern seta’ wkoll jintroduċi taxxa fuq tranżazzjonijiet fiskali u fuq profitti straordinarji tal-banek u istituzzjonijet finanzjari sabiex tonqos l-ispekulazzjoni finanzjarja.

Nittama li l-miżuri pożittivi li hemm fil-bagit jiġu implimentati matul is-sena, għax kemm-il darba jkun hemm miżuri li jibqgħu biss parti mid-diskors tal-Ministru. Għaldaqstant ikun tajjeb li matul is-sena l-Gvern jinforma lill-poplu dwar x’qed jiġri mill-miżuri tal-baġit.

Biex nikkonkludi, nistqarr li bħala Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika, kburi li flimkien mal-kelliema tal-partit, nedejna 32 proposta lill-Gvern għall-bagit 2011. Bħala Partit nemmnu li xogħolna mhux li noqogħdu nikkritikaw ta’ xejn b’xejn iżda li nipproponu politika responsabbli u sostenibbli. Huwa għalhekk li ma nistgħux inqisu l-Bagit la bħala sħaba sewda u lanqas bħala s-soluzzjoni għall-opportunitajiet u l-problemi kollha tal-pajjiż.

Il-proposti ta’ Alternattiva Demokratika jistgħu jinqraw f’
http://www.alternattiva.org.mt/filebank/documents/Budget_2011_-_AD_proposals.pdf


Michael Briguglio huwa ċ-Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika.

No comments: