Sociologist, local councillor, activist from Malta

Thursday, November 04, 2010

L-urġenza li nipproteġu l-ilma

minn Michael Briguglio, Cerpersin tal-Alternattiva Demokratika
l-orizzont 3 ta’ Novembru 2010


(Nota: fl-artiklu kif gie stampat fl-orizzont hemm zball, ghax minflok ma hemm miktub li “Skont Cremona, fi 15-il sena l-ilma tal-pjan tant se jkun mielaħ li ma jkun tajjeb għal xejn”, hemm miktub 215-il sena)

GĦaddiet maltempata oħra u fil-mid¬ja reġa’ qam dibattitu dwar jekk u kif għandu jkun hemm miżuri ta’ kif nikkonservaw l-ilma kollu li jkun hemm jiġri mal-pajjiż. Iżda kemm verament qegħdin jittieħdu miżuri f’dan ir-rigward? Aħna konxji li Malta hu wieħed mill-iktar pajjiżi nieqsa mill-ilma fid-dinja? Jew mingħalina li l-provvista tal-ilma qisha xi bir bla qiegħ?

Skont l-espert Marco Cremona, Malta se tiffaċċja kriżi kbira fl-ilma, fejn l-ilma tal-pjan qed jitmellaħ u ma jkunx tajjeb għat-tis¬qija u wisq anqas għax-xorb aktar ma jgħaddi ż-żmien. Dan minħabba l-użu eċċessiv ta’ boreholes. Skont Cremona, fi 15-il sena l-ilma tal-pjan tant se jkun mielaħ li ma jkun tajjeb għal xejn. Dan il-proċess diġà qegħdin narawh, u fil-fatt il- WSC minn sena għall-oħra qiegħ¬da jkollha tnaqqas il-produzzjoni mill-boreholes tagħ¬¬¬ha minħabba deterjorazzjoni fil-kwalità.
B’hekk pajjiżna qiegħed jimxi lejn sitwazzjoni fejn inkunu totalment dipendenti mill-ilma tar-reverse osmosis, li jiġi mill-baħar, iżda li jirrikjedi ħafna ener¬ġija biex jiġi mibdul f’ilma tajjeb għall-użu għan-nies. Fi ftit kliem, jekk jiġri bħal ma qed jipprevedi Cremona, u din il-kwistjoni ma tingħatax prijorità mill-Gvern, nistgħu nistennew kriżi fil-provvista tal-ilma, u b’hekk kontijiet tad-dawl u l-ilma li jibqgħu jogħlew.

Tajjeb ngħidu li f’pajjiżna hemm madwar 8,000 bore¬hole privata, li jieħdu l-ilma mill-pjan għal użu varju fost¬hom produzzjoni ta’ soft drinks, trobbija tal-annimali, manifattura, manifattura tal-konkrit, pixxini, agrikoltura, u ġonna – mingħajr ħlas ta’ xejn. Probabbli pajjiżna għandu l-ikbar rata ta’ boreholes fid-dinja, meta tqis id-daqs tal-pajjiż.

Iż-żieda fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma fl-aħħar snin inkoraġġiet lill-iktar nies biex jagħmlu użu mill-boreholes, speċjalment meta din il-prattika s’issa qiegħda ssir b’mod liberu. L-ammont ta’ ilma li jittella’ mill-boreholes privati hu aktar mill-ammont ta’ ilma li tipproduċi l-WSC mill-impjanti tar-Reverse Osmosis. Fi ftit kliem, filwaqt li l-maġġoranza tal-poplu jħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, uħud jisirqu l-ilma li jiġi mill-bore¬holes.

Wasal iż-żmien li l-ilma tal-pjan jiġi protett u li jkun hemm miżuri sostenibbli, per eżempju dwar ilma riċiklat. Il-boreholes mhux irreġistrati għandhom jitwaqqfu minnufih, u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha jkollha l-prijorità fl-użu tal-ilma tal-pjan. B’hekk il-Korporazzjoni tkun f’pożizzjoni aħjar li tippjana użu sostenibb¬li ta’ dan ir-riżors strateġiku u anke tkompli twassal ilma liċ-ċittadini kollha bi prezz raġonat. Dan jagħmel sens ekonomiku, soċjali u ambjentali. Huwa pożittiv li l-Gvern se jdaħħal sistema fejn il-bore¬holes ikollhom arloġġ biex wieħed ikejjel il-konsum tal-ilma, iżda żgur li l-Gvern beda tard u mhux miexi bl-urġenza li titlob din il-kwistjoni. U hemm bosta miżuri oħrajn li għandhom jittieħdu mill-iktar fis.

Il-bdiewa għandhom jitħallew jużaw l-ilma tal-pjan, iżda għandu jkun hemm sistema razzjonali u ppjanata li tinkoraġġixxi użu sostenibbli. Għal¬hekk għandu jkun hemm jew kwota mingħajr ħlas jew ħlasijiet minimi għall-użu ta’ dan l-ilma, skont id-daqs tal-għelieqi li jaħdmu fuqhom l-istess bdiewa. Iżda fuq medda itwal ta’ żmien, l-agrikoltura għand¬ha tuża ilma riċiklat ta’ kwalità tajba, permezz ta’ sussidju – u tnaqqas id-dependenza fuq il-boreholes.

L-industrija m’għandhiex titħalla tuża ilma tal-pjan, u għandha tħallas rati kummer¬ċjali għall-użu ta’ ilma tal-mains. Tajjeb li nsemmu li kumpanija prinċipali tas-soft drinks, li dan l-aħħar ironikament ingħatat premju ambjentali qiegħda tuża ilma tal-pjan għall-prodotti tagħha. Jekk kumpanija ma tistax tħallas il-prezz kummerċjali tal-ilma, dan hu sinjal li l-istess kumpanija qiegħda tagħ¬mel użu minn prattiċi insos¬tenibbli.

Irridu nifhmu li m’hemmx ammont infinit ta’ ilma għall-użu tagħna. Li qiegħed jittella’ mill-boreholes privati qiegħed jittieħed mill-produzzjoni tal-WSC u minn ħalq uliedna.

Għandha tittieħed azzjoni ċara biex ma jibqax jiġi inkoraġġit l-użu b’xejn tal-ilma tal-pjan.

Tajjeb ngħidu wkoll li Malta diġà qiegħda f’sitwazzjoni prekarja f’dak li għandu x’jaqsam mal-provvista tal-ilma. Ġaladarba kważi 60% tal-ilma tax-xorb tagħna ġej mir-rev¬erse osmosis, dan ifisser li jekk per eżempju jkun hemm xi inċident ta’ xi tanker taż-żejt ħdejn Malta, jkollna diżastru sħiħ! Malta għandha faċilitajiet ta’ ħażna tal-ilma ta’ 48 siegħa biss! U biex inkomplu ngħaxxquha, l-BP se jħaffru għaż-żejt viċin il-Libja. Iva l-BP, l-istess kumpanija li għamlet diżastru sħiħ fil-Golf tal-Messiku permezz tat-tħaffir taż-żejt. Hija ħasra li ż-żewġ partiti l-kbar huma siekta dwar din il-kwistjoni.

Huma bosta li tkellmu dwar l-urġenza li nippproteġu l-ilma. Apparti esperti bħal Marco Cremona, kien hemm ukoll il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli – liema kummisjoni tidher li ġiet żarmata mill-Gvern – kif ukoll l-Alternattiva Demokratika. Ta’ min isemmi li Carmel Cacopardo, f’isem AD, kemm-il darba qajjem il-kwistjoni tal-ilma f’dak li għandu x’jaqsam ma’ direttivi Ewropej f’laqgħat tal-MEUSAC, fejn jiġu diskussi affarijiet relatati mal-UE.

Nappella biex organizzazz¬jonijiet u individwi jifformaw xi forma ta’ alleanza biex nassiguraw li din il-kwistjoni tingħata l-attenzjoni li jixirqilha.

www.alternattiva.org.mt

No comments: