Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Saturday, November 20, 2010

L-importanza tal-AirMalta

Michael Briguglio

http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=2839
Il-Gens Illum 20 ta’ Novemberu 2010



Naħseb li kulħadd jaqbel li l-AirMalta għandha importanza kbira għal pajjiżna. L-AirMalta hija pilastru għas-settur tat-turiżmu f’Malta, u hija wkoll neċessarja għall-ħtiġijiet strateġiċi ta’ pajjiżna, minn provvista stabbli ta’ turisti sa ġarr ta’ pazjenti f’kundizzjonijiet kritiċi.

Għall-kuntrarju ta’ linji tal-ajru oħrajn li jiġu u jmorru, l-AirMalta dejjem qdiet il-ħtiġijiet tagħha għall-benefiċċju ta’ Malta u taċ-ċittadini Maltin sabiex isiefru barra mill-pajjiż.

Iżda l-AirMalta qed topera f’kuntest, u iktar ma dan jingħaraf malajr, iktar ikun hemm ċans li l-kumpanija tkampa fid-dawl tad-diffikultajiet kbar li għaddejja minnhom. It-telf f’sena ta’ €50 miljun mhuwiex ċajta. Jeħtieġ li jsir proċess serju ta’ ristrutturar, liema proċess għandu jkollu bilanċ bejn is-sostenibilità finanzjarja, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-importanza strateġika tal-kumpanija.

X’wassal għas-sitwazzjoni preżenti tal-AirMalta? Naħseb li hemm iktar minn fattur wieħed.

Ibda biex, il-kumpanija ġiet użata minn gvernijiet suċċessivi, inkluż il-Gvern Nazzjonalista mill-1987, bħala għodda elettorali, u fost oħrajn ġew impjegati nies għal raġunijiet li ma kellhomx x'jaqsmu ma’ vijabilità ekonomika.

Fl-istess ħin, il-maniġment tal-kumpanija naqas milli jagħmel il-kumpanija vijabbli, anki wara li l-ħaddiema tal-AirMalta ffirmaw memorandum fl-2004 li inkluda friża fil-paga, u f’xi każijiet anki tnaqqis, sabiex jgħinu s-sitwazzjoni.

Matul is-snin, saru wkoll numru ta’ żbalji strateġiċi, bl-appoġġ tal-Gvern, li swew ħafna flus. Eżempji ta’ dawn huma x-xiri ta’ ajruplani mhux bżonnjużi u x-xiri ta’ assi u ftuħ ta’ kumpaniji sussidjarji bħal lukandi, li ġabu telf, u li sussegwentement l-AirMalta ħelset minnhom. Il-Gvern u l-maniġment se jieħdu responsabilità ta’ dan kollu?

Hemm ukoll raġunijiet oħrajn, fosthom il-prezz għoli tal-fjuwil u l-kompetizzjoni ħarxa fis-suq ta’ l-avjazzjoni. Iżda dawn il-fatturi qed jeffettwaw linji tal-ajru oħrajn, u ma tantx hemm x’isir f’dan ir-rigward.

Hemm min jgħid li l-linji ta’ l-ajru ‘low cost’ huma l-ikbar kaġun tal-problemi li qed tiffaċċja l-AirMalta. Huwa veru li kumpaniji ‘low cost’ huma karatterizzati minn sfruttar kbir tal-ħaddiema, iżda huwa veru wkoll li dawn il-kumpaniji qed jaħdmu f’rotot li permezz tagħhom qed jiġu iktar turisti lejn Malta, apparti mill-fatt li qed jintużaw minn ħafna Maltin. L-AirMalta stess qed tgawdi mis-sistema maħluqa ta’ rotot ġodda sussidjati mill-Gvern, fejn il-kumpanija qed topera lejn Reggio fl-Italja.

Huwa pass pożittiv li l-Gvern mhux qed jaħdem għal rasu fil-kwistjoni tal-AirMalta. L-involviment tal-unjins huwa essenzjali sabiex jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-ħaddiema. Alternattiva Demokratika diġà ddikjarat li tapppoġġja lill-Gvern f’taħditiet mal-Unjoni Ewropea biex jiddefendi l-importanza strateġika tal-AirMalta.
F’dan ir-rigward, ikun għaqli jekk il-Gvern jenfasizza li l-AirMalta għandha importanza strateġika għall-pajjiż għaliex Malta, bħala gżira periferali u insulari, tiddependi fuq il-komunikazzjoni bl-ajru ferm aktar minn bosta pajjiżi oħra fl-UE. Għalhekk, dipendenza totali fuq kumpaniji barranin hija riskjuża kemm ekonomikament kif ukoll soċjalment, speċjalment meta dawn jistgħu jiddeċiedu li ma jibqgħux joperaw f’Malta. Nemmen li dan hu l-iktar argument b’saħħtu li jista’ juża l-Gvern fin-negozjati.

Barra minn hekk, il-Gvern għandu juri wkoll li kull self ta’ flus lill-AirMalta se jiġi akkumpanjat minn ristrutturar serju li jwassal għall-vijabilità tal-kumpanija.
Il-Gvern jista’ jargumenta wkoll li hekk bħal kif gżejjer żgħar li jappartjenu għal pajjiż ikbar (bħal Lampedusa u l-Italja rispettivament) igawdu mill-prinċipju Ewropew ta’ ‘kontinwità territorjali’, dan għandu jiġi applikat għal Malta wkoll, minkejja li Malta hi pajjiż minnha nnifisha.

Bażikament, permezz ta’ dan id-dritt, ir-residenti ta’ dawn it-tip ta’ gżejjer jistgħu jibbenefikaw minn prezz privileġġjat u għalhekk ajruplani li jsiefru minn dawn ir-rotot għal pajjiżi ikbar jibbenefikaw minn sussidji għal dawn ir-rotot.
Iżda hawnhekk irridu nkunu ċari: aktarx ikunu jistgħu japplikaw iktar minn linja waħda tal-ajru għal dawn is-sussidji.

Jekk l-AirMalta għandha wisq ħaddiema biex tkun tista’ ssir vijabbli, għandu jkun hemm sforz ġenwin biex ħaddiema żejda ma jispiċċawx bla xogħol. Jekk il-kumpanija tittermina l-impieg ta’ xi ħaddiema, dawn għandhom jiġu assorbiti f’xogħol produttiv u meħtieġ fis-settur pubbliku jew jinstabilhom impjieġ alternattiv fis-settur privat. Jekk dan mhuwiex possibbli, għandu jkun hemm skemi ta’ rtirar kmieni, iżda dan għandu jitqies bħala l-aħħar pass. Ikun aħjar li ħaddiem ikun f’xogħol produttiv milli jiġi kkunsidrat ‘żejjed’ u jitħallas talli ma jaħdimx!

Irridu nżommu f’moħħna li jekk l-AirMalta ma ssirx vijabbli, mhux se tkun tista’ tkampa fil-kuntest ta’ swieq liberalizzati tal-avjazzjoni. Għalhekk jeħtieġ li l-AirMalta jkollha viżjoni għat-tul, u mhux ristrutturazzjoni li titfa’ l-problemi taħt it-tapit.

Michael Briguglio huwa ċ-Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika
www.alternattiva.org.mt

No comments: