Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Tuesday, October 12, 2010

Michael Briguglio intervistat minn Michael Grech

Michael Briguglio intervistat minn Michael Grech - Zminijietna Ottubru-Dicembru 2010

Min huma dawk il-klassijiet u gruppi fis-soċjetà tagħna li l-Alternattiva taspira li tirrapreżenta politikament?

Bħala partit tal-Ħodor aħna partit li jaspira li jirraprezenta cross section minn kull parti tas-socjeta’ Maltija b’politika li tirrispetta l-minoranzi, dawk il-gruppi li huma soċaljment esklużi jew oppressi minħabba sess, sesswalità, twemmin jew stil ta’ ħajja. Barra minn hekk, bħala partit li għandu politika soċjali progressiva, aħna wkoll partit li jappella lill ħaddiema, speċjalment dawk li għandhom dħul baxx, kif ukoll lil dik li tissejjaħ New Middle Class. Din ġenerlament tkun magħmula minn nies ta’ klassi tan-nofs, li spiss ikollhom livell ta’ edukazzjoni pjuttost għolja u aktarx ikollhom twemmin u valuri li jkunu qrib dawk tal-partiti tal-ħodor. Ngħidu aħna, ikunu favur id-diversita u l-pluraliżmu, u li jkollhom valuri post-materjalisti bħat-tollerazna, id-difiża tal-ambjent u l-ugwaljanza tas-sessi.

Hemm ukoll l-idea li l-politika tal-ħodor hi politika ta’ kulħadd, minħabba li kulħadd qed jiġi mheeded minn affarijiet bħat-tniġġis, tibdil fil-klima u ħwejjeġ bħal dawn. Hemm ukoll min jgħid, u jien naqbel ma dan, li fis-soċjeta’ ta’illum, il-bniedem m’għandux identità waħda, imma bosta. Mhux qed ngħid hekk biex narmi politika li tappella lill-klassi tal-ħaddiema, imma għax naraf li s-soċjetà illum hi wisq kumplessa. Ngħidu aħna, jista’ jkollok ħaddiem li hu razzist, jew mara li taqbel ma twemmin politiku jew reliġjuż li hu kontra n-nisa, jew tkun gay u timmilta f’partit li għandu ideat konservattivi kontra dawn in-nies (f’Malta eżempji bħal dawn hawn bosta). Jekk titlaq minn l-interessi ta’ grupp wieħed biss, jista’ jkollok anomaliji bħal dawn. Il-politika saret kumplessa ħafna, u ma tistax tgħid jien nappella għall-ħaddiema jew għall-klassi tan-nofs biss. Hemm identitajiet diversi. Din tagħmel l-isfida għall-politiku aktar diffiċli.


Teżisti l-impressjoni li l-AD hu partit li l-uniku territorju li hu marbut miegħu hu dak tad-distrett ta’ Tas-Sliema. Hemm il-ħsieb li l-partit jipprova jrabbi għeruq f’distretti oħra?

Naħseb li l-Alternattiva aktar għanda ċansijiet elettorali fid-disgħa distrett, milli f’dak ta’ tas–Sliem. Jien u l-eks leader Harry Vassallo t-tnejn minn Tas-Sliema, u anke Arnold Cassola għandu għeruq Slimiżi. Għalhekk nafu d-distrett sew. Minkejja li hi belt kosmpolitana, f’Tas-Sliema ħafna mill-elettorat hu konservattiv; kemm f’dik li hi ekonomija u kemm soċjalment u kulturalment. Hemm limitu għalhekk ta’kemm l-AD tista’ iġġib voti hemm.

Iva. L-Alternattiva qed nippruvaw inrabbu għeruq f’distretti oħra. Meta jien sirt chairperson, kienet waħda mill-affarijeit li sħaqt li għandna nagħmlu. Biex tagħmel dan madankollu, hi aktar faċli tgħida milli twettaqa. Partit li għandu riżorsi limitati irid ikollu l-prijoritajiet tiegħu. Qed nippruvaw nespandu f’reġjuni li m’humiex dawk tat-Tramuntana. Madankollu, wieħed irid iżomm f’moħħu li l-Alternattiva l-aktar li għanda ċans tiġi eletta hi fit-Tramunta. Dan mhux qed ngħidu biex infarfar ir-responsabiltà min-Nofsinhar ta’ Malta. Hawnhekk ta’ min isemmi li membru ewlieni tal-AD, Carmel Cacopardo, ġie ippremjat mill-Kunsill ta’ Birżebbuġa għall-ħidma li qed jagħmel għar-residenti ta’ dan il-lokal. Ġa wkoll għanda ċeri kandidati f’moħħna għan-Nofsinhar tal-pajjiż. Anke din iż-żona ta’ Malta hi f’moħħna, anke għalhiex, jekk nieħdu l-qasam tal-Ambjent, in-naħa t’isfel ta’ Malta hi dik li hi l-aktar milquta minn numru ta’ problemi bħal dawk ta’ċerti dħaħen (issa ser ikun hemm ukoll żieda t’emissions mill-power station ta’ Marsaxlokk), biex ma nsemmux ċerti problemi t’esklużjoni u ta’ faqar. L-isforutna, kif għidt, hi li r-riżorsi huma limitati.

L-Ambjent hu wieħed mit-temi li l-elettur jassoċja mal-AD. Problema kbira marbuta ma dan il-qasam hi dik tal-bini bla rażan li qed jeqred lil ambjent ta’ pajjiżna. Min-naħa l-oħra, bil-mewt tal-qasam tal-manifattura, l-industrija tal-bini hi waħda mill-ftit li fadal li huma ‘labour intesive’. X’jipproponi l-partit tiegħek biex mhux biss ikun imħares l-ambjent, imma ikun hemm alternattivi realistiċi ta’ xogħol ghal dawk li jaħdmu f’din l-industrija?

Biex nibdew, tajjeb ngħidu li s-settur tal-bini jista’ jaħdem b’mod sostenibbli, ngħidu aħna billi jsir enfasi fuq l-irranġar ta’ djar aktar milli fuq il-bini ta’ djar ġodda. Hemm djar li jistgħu jiġu rinnovati, imma li sfortunatament qed jaqgħu biċċiet. L-Alternattiva, bħal partiti ħodor ewropej u numru ta’ trade-unions, qed nipproponu il-‘Green New Deal’, fejn qed ngħidu li jista’ jinħoloq xogħol, inluż xogħol li hu labour intenstive, li jkun kemm soċjalment u ekonomikmanet, imma anke ekoloġikament, sostentibli. F’dan ir-rigward il-parlament ewropew għadu kemm approva riżoluzzjoni mressqa minn MEP tal-ħodor. Biex nieħdu eżempju prattiku, Malta għandna problema kbira fl-immaniġjar tal-iskart. Dan ma jinvolvix biss li tiġbor iż-żibel. Jinvolvi wkoll inġenerija, riċerka u affarijiet bħal dawn. L-istess dwar it-trasport pubbliku. Malta għanda lura ħafna f’dan il-qasam, minkejja li ġejja riforma li għad irridu naraw kif ser tkun. L-informatika hu qasam ieħor li jista’ joħloq ħafna xogħol, ngħidu aħna f’reġjuni bħal Għawdex.; li jista’ jsir hub u tiġi eliminata l-insularita li normalment din il-gżira tbati minnha. Hemm setturi oħra. Setgħa sar xogħol simili fix-shipyards, fejn dawn setgħu iddiversifikaw fil-manifattura ta’ solar panels jew karozzi tal-linja ekonoliġiċi.

Li jista’ jkun hemm għażliet favur l-ambjent li jkunu ekonmikament vjabbli hi ħaġa li mhux qed ngħida jien, imma qed jgħiddua diversi esperti, bħal fir-rapporti tal-
Green European Foundation, li jsosntu li hemm bosta xogħol minn dan it-tip li jista’ jinħoloq.

Ovvjament, irid ikollna saqajna mal-art. Hemm ċertu industriji li ma jistgħux jeżistu, u mhux qed ngħid għal Malta biss, imma globalment. Ħu l-industrija tal-armi. Din toħloq ix-xogħol, imma hu tajjeb li din teżisti? Ħdejn Malta ser ikollna Oil Rig. Din toħloq ix-xogħol. Imma hi din ħaġa tajba, meta wieħed iqis ir-riskji li hemm? Ix-xogħol hu importanti u għandu jkun prijorita. Imma mhux xogħol li jagħmel ġid għal sena u dannu għal bosta snin. Għalhekk irridu nitkellmu dwar żvilupp sostenibbli. L-ekonomija, l-ekoloġija u l-aspett soċjali għandhom jimxu alenija ma xulxin.


• F’temi bħal Ambjent u d-divorzju l-AD, kien prekursur ta’ dibatti li l-partito l-oħra għal bidu kienu jaħarbu, u li issa b’xi mod kellhom jidħlu fihom. Liema huma t-temi l-ġodda li l-AD beħsieba tippreżenta fix-xena politika Maltija fil-futur?


Hemm numru ta’ oqsma li fihom il-partit għadu prekursur. Ngħidu aħna, f’dak li għandu x’jaqsam ma drittijiet ta’ omossesswali. Hemm oqsma oħra li fihom l-AD saret l-uniku partit li jitkellem dwarhom, ngħidu aħna il-ġustizzja soċjali. Din hi tema li nħoss li l-Partit Laburista m’għadhiex wisq għal qalbu, minħabba li lanqas għandu l-kuraġġ jgħid affarijiet bħal li għanda tolgħa l-paga minima jew li jappoġja l-working time directive tal-Unjoni Ewropea minkejja li l-unions kollha fl-Ewropa u l-partiti tax-xellug kollha jappoġawha. Inħoss li fuq temi tax-xellug hi l-Alternattiva biss li għadha titkellem.

Int semmejt id-divorzju u l-ambjent. Ma naħsibx li l-partiti l-oħra qed verament jitrattaw dawn it-temi. Fuq id-divorzju ħadd m’għandu l-kuraġġ li jitkellem favur dan id-dritt. Fil-PN kien deputat wieħed, Jerffrey Pullicino Orlando li kellu l-kuraġġ jipproponi liġi, u dan tajjeb ngħid wara li aħna konna ktibna lill-membri tal-parlament u ippreżentajnielhom l-istess liġi li ippropona hu, u li hi bażikament hi dik li hemm l-Irlanda. Il-Partit Laburista, min-naħa l-oħra, nħoss li qed jidħaq bin-nies. Joseph Muscat setgħa jagħmel private members bill, u dan m’għamlux. Biex issa Pullicino Orlando ħadlu t-tapit minn taħt saqajh. Barra minn hekk, ma kien kapaċi jikkonvinċi lill-partit tiegħu jieħu stand serja dwar il-kwestjoni. Fil-Partit hemm numru ta’ membri li huma b’mod ċar kontra d-divorzju.

L-istess dwar l-ambjent. Kif jistgħu iż-żewġ partiti ewlenin jittieħdu bis-serjetà meta huma iffinanzjati mill-kuntratturi l-kbar? Wieħed jista’ min jistaqsi bena l-kwartieri tal-PN, jew jistaqsi għalfejn ħadd miż-żewġ partiti ma ikkritika lill-Midi li f’Tigne tefa materjali tal-bini il-baħar u ħa maħfra ta’ 3 miljuni. Dan hu fatt li aħna biss ikkritikajna, u ħadd mill-partiti l-kbar. Għalhekk ma jistgħux jittieħdu bis-serjetà, anke meta nitkellmu dwar tibdil fil-finanzjament tal-partiti.

Fil-passatt l-AD kien jigbed numru ta’ voti ta’ protesta; ta’ dawk li huma diżillużi bil-partiti mainstream u li jridu bidla fis-sistema politika. Madankollu, fl-aħħar elezzjoni bosta minn dawn mid-dehra ippreferew ma jivvutawx. X’ser jagħmel il-partit biex jerġa jibda jidher bħala tassew alternattiva għal dak li hemm?

Din hi sfida kbira għall-Alternattiva, u nixtieq li għadni s-soluzzjoni hawn, imma m’għandhix. Irridu nikkonvinċu lil dak li jkun li jekk hu jew hi huma diżillużi bil-politika, għandu arma li hi l-vot u li din għanda tintuża. Inutli tgerger u ma tagħmel xejn. Jekk ma tivvotax ser tħalli kollox kif inhu.

Madankollu, hemm fenomenu ieħor li deher ħafna fl-aħħar elezzjoni; fl-elezzjoni tal-Ewropa u dawk tal-kunsilli lokali, votanti, l-aktar nazzjonalsiti, li jew ma jivvutawx biex jgħatu messaġġ lill-partit (minħabba li dawn, billi huma eżenti mid-data protection law, jistgħu iżommu informazzjoni fuq persuni, u jniżżlu minn mingħalihom hu magħhom u min mhux). Dawn in-nies jagħmlu dan biex jirrikattaw u jkunu jistgħu jitallbu pjaċir. Hemm madankollu votanti nazzjonalisti li, bħala protesta kontra t-tmexxija tal-PN, jivvutaw lil ribelli fl-istess partit. Din hi ħaġa li batjet minnha fl-aħħar elezzjoni tal-kunsill lokali ta’ Tas-Sliema, fejn permezz tal-influwenza ta’ Robert Arrigo, li dak iż-żmien kien ribell fil-partit tiegħu, tela Nikki Dimech, bil-konsegweni li hemm issa fejn donnu hemm fazzjonijiet u alleanzi strambi fil-kunsill.

Hawnhekk nerġgħa immur għal dak li għidt l-ewwel. Jekk trid il-bidla ivvota għal bidla. Inutli tivvota għall-partit li ġabek fil-qagħda li qiegħed fiha, u hu inutli ma tivvutax. Ser iżżom l-istatus quo.

Hemm min madankollu jgħid li għandek tagħżel l-anqas ħażin bejn tnejn li għandhom ċans jirbħu?

Il-mistoqsija hi, hemm illum l-anqas ħażin, meta għandek partit fil-gvern u partit fl-oppożizzjoni li donnu jrid isir fotokopja ta’ dak fil-gvern? Jekk taqra bejn il-linji tal-kitbiet ta’ ċerti ħassieba qrib il-PL tinduna li dawn kull ma jridu hu li l-partit tagħhom ikun Partit Nazzjonalista ieħor. L-uniku differenza li ser ikun hemm jekk il-PL ikun waħdu fil-gvern hi l-bdil ta’ ċertu kuntratturi li jieħdu t-tenders, u laqnas dik għax bosta jiffinanzjaw lit-tnejn. Innota kif illum, taħt Joseph Muscat, ċertu kuntratturi kbar m’għadhomx jiġu ikkritikati, waqt li bid-difetti kollha li kien hemm, sa ftit ilu, meta kien għad hemm Alfred Sant, dawn kienu jaqilgħu bosta kritika?

X’inhi l-pożizzjoni tal-AD dwar ix-xogħol prekarju u l-abbuż mill-part-timers?

Jekk wieħed jara l-istqarrijiet tal-AD, jinduna li spiss aħna tkellimna dwar ix-xogħol prekarju. Wieħed jista’ jara dak li ngħidu fil MUESAC, fejn aħna l-uniku partit li jitkellem b’mod ċar dwar ix-xogħol prekarju. U fuq ċertu issues, m’aħniex biss l-uniku partit, imma l-unika għaqda, għax l-unions Maltin – kuntrarju għal dawk ewropej – mhux kollha jaqblu li f’pajjiżna tidħol il-working time directive. Aħna per eżempju, ilna ngħidu li għanda togħla l-paga minima, mhux biss għal min hu full-timer, imma wkoll togħla pro-rata għal min jaħdem part-time. Aħna nitkellmu b’mod ċar dwar żieda fil-maternity leave, anke jekk biex inkunu ġusti, fuq din l-issue il-PL iċċaqlaq ftit.

Dwar ix-xogħol, tkellima ħafna fuq ħaddiema li huma sfruttati, inkluż dawk emigranti. Hawnhekk jiddispjaċini ngħid li fl-aħħar elezzjonijiet għall-parlament ewropew iż-żewġ partit l-kbar għamlu skandlu nazzjonali, jippruvaw jikkompetu bejniethom min hu l-aktar xenofobiku. Aħna konna lesti nitilfu l-voti għax għidna li immigranti għandhom jiġu trattati bħan-nies. Għax għidna hekk, tlifna l-voti. Imma nippreferu nitiflu l-voti u nkunu ta’ prinċipju. Jekk il-PL qed ibigħ ruħu biex jiġi elett akkost ta’ kollox jagħmel hu. Jekk il-PN, bil-Kristjaneżmu kollu li jiftaħar bih, jibni kampanja elettorali billi jbeżża bl-emigranti, jagħmel hu. Aħna mhux lesti naqgħu għal dan.


• Il-qasam tas-saħħa hu qasam fejn donnu morna lura erbgħin sena; qasam fejn il-kwalita tas-servizz b’xejn marret lura tant li bosta qed ikollhom iħallsu mhux b’kapriċċ imma biex jinqdew sew b’mod ragonevli. X’jaħseb il-partit tiegħek dwar dan?


Dan hu qasam għal qalbna, u s-sena l-oħra, meta l-gvern ippropona white paper, konna minn tal-ewwel li bgħatna l-proposti tagħna. Aħna nemmnu li s-saħħa għadna tkun dirtt bażiku u universali, irrispettivament mill-qliegħ ta’ dak li jkun.

Jien ma naqbilx li s-saħħa b’xjen għanda tkun biss għal min jaqla’ ftit. Jekk jiġri hekk ser ikun hemm aktar antagoniżmu kontra n-nies bi qliegħ baxx. Tibda d-diska li ‘jien qed inħallas it-taxxa għal ħaddieħor’. Ser tinħoloq stigma, li bl-istudju tal-poltiika soċjali, nafu l-effet qawwi tagħha. Ta’ min jinnota li f’Malta hawn diskriminazzjoni mhux biss jekk tista’ tħallas aktar, imma anke jekk int inxurjat. Mhux għax aħna kontra min hu inxurjat, imma għax min hu inxurjat jista’ jaqbeż ċertu kjuwijiet, u dan mhux sewwa għal min mhux.

Irridu insemmu wkoll fattur ieħor – il-bżonn li tiġi miġġielda l-ħela. Din hemm bżonn li tkun imrażżna. Sfortunatament, meta kien hawn min ried jikkkontrolla l-ħela qam infern politiku u ma sar xejn. Il-ħela trid tkun ikkontrollata, imma mhux li bl-iskuża ta’ dan jitnaqqru d-drittijiet tal-ħaddiema. Is-saħħa universali hi prijorita’ ewlenija., u b’dan mhux qed nifhem biss sptar. Nifhem ukoll il-kwalita’ tal-ħajja, l-ikel li nieklu, d-dritt li tgħix f’post li mhux imniġġes –aspett li jmorru l’hinn mis-sempliċi kura tal-mard.


L-AD kien partit li dejjem kien favur li Malta tkun fl-UE, mingħajr ma wiegħed – kuntrarju għal ħaddiehor – li l-EU tista’ tkun kollox għal kulħadd. Kif tiġġudika l-performance ta’ pajjiżna f’dawn l-ewwel snin ta’ sħubija? Liema huma dawk l-oqsma li fihom il-pajjiz baqgħalu x’jaqdef?

F’ċerti affarijiet morna il-quddiem, f’oħrajn morna lura (ngħidu aħna l-bidla tal-flixkien minn ħġieġ għall-plastik, għalkemm il-gvern jista’ jiġġieled din permezz ta’ eko-taxxa) u f’oħrajn għad baqa’ ħafna xi jsir. Ngħidu aħna fil-qasam tal-ambjent, bħala liġijiet morna l-quddiem, imma billi ftit kien hawn infurzar, dawn ma issarfu f’xejn. Ċerti affarijiet l-UE tħallihom f’idejn il-pajjiż, u hawn jiddependi minn min imexxi; minn min ikun fil-gvern. Fil-qasam soċjali wkoll. Ċerti drittijiet daħlu biss fuq il-karta, bħal dak tas-sigurta fuq ix-xogħol.

Però hemm areas oħrajn, u hawn nerġa immur għad-direttiva tax-xogħol, fejn il-Partit Nazzjonalista – li dejjem suppost riedna nidħlu fl-Ewropa – qed jagħmel minn kollox biex din ma tidħolx, u l-istess il-Partit Laburista li suppost hu partit xellugi. Dan għalia hu skandlu. L-istess dwar oqsma oħraj marbuta ma drittijiet ċivili. Fl’Unjoni Ewropea qed tiġi diskuss l-Anti-Discrimination Directive; li ngħidu aħna hi favur ċerti drittijiet ugwali għall-minoranzi li qed jigu eskluzi bħal benefiċji u sigurta soċjali u li ma jkun hemm ebda diskrimiazzjoni fl-ebda qasam. L-Alternattiva hi favuriha kompletament, waqt li l-partiti l-oħra qed jopponu ċertu oqsma. L-istess dwar id-divorzju. Waqt li l-UE ma tilleġslax favur dan, kullimkien hu meħud li hu dritt ċivili. Il-PN min-naħa l-oħra, jilgħaba li suppost hu partit ewropew, hu kontra. Aħna konna favur li nidħlu fl-UE mhux biss għad-direttivi, imma anke għall-mentalità u dimesjoni ewropea u kosmopolitana; ewropa ta’ diversita’ u ta’ tolleranza. Jekk aħna, f’pajjiżna, ma nitollerawx lil min irid jiddiovrzja, jew lil xi ħadd li għandu sesswalita’ differenti minn tal-mainstream u li jixtieq jirregola r-relazzjoni tiegħu, ma tantx aħna ewropej.

Fil-passat l-AD spiss ipprotestat dwar il-coverage li tingħata fil-media. X’inhuma il-ħsibijiet tiegħek?

Jien mhux daqshekk ċinku dwar dan il-qasam. Mhux dejjem kont naqbel ma dikjarazzjonijeit li ħareġ il-Partit fil-passat. Din hi ħaġa naturali li mhux kulħadd jaqbel ma dikjarazzjonijiet li min żmien għal żmien kien joħroġ il-partit.

Naħseb li ċerti gażetti jagħtuna coverage tajjeb. Dwar il-media nazzjonali, naqbel li hemm fejn wieħed jilmenta, għax spiss ma tagħtiniex il-coverage li jistħoqqilna. Ngħidu aħna, biex niġu irrapurtati, irridu nagħtu konferenza stampa. Issa wieħed mhux dejjem irid/jista’ jagħti konferenza stampa biex jesponi kull pożizzjoni tiegħu. Jekk ikollok pożizzjoni fuq kwestjoni; nieħdu d-direttiva tax-xogħol li semmejt jew id-divorzju; ma jidhirlix li għandna nagħmlu konferenza stampa fuq kull waħda. Barra minn hekk, ġieli nagħmlu konferenza stampa u l-ġurnalisti ma jiġux għax ikun hemm oħrajn. Jiġifieri hawn aħna żvantaġġati.

Hemm ukoll il-problema, mhux marbuta neċessarjamnet mal-partit tagħna, dwar il-media indipendenti li hi propjetà u hi ikkontrollata minn ċerti interessi individwali. Ir-risposta għal din naħseb li wkoll hi li jkun hemm xandir statali tajjeb u verament miftuh għal kulħadd.

Naħseb li għandu ikun hemm riforma serja fl-Awtorità tax-Xandir. Din hi nominata mill-partiti l-kbar u ovvjament dawn jinsabu f’sitwazzjoni ta’ gwerra birda; l-aqwa li huma t-tnejn jibbilanċjaw lil xulxin. Din li kull ma rridu hu li n-Net u l-One jibbilanċjaw lil xulxin ma tistax titqies bħala xi ħaġa ġiusta, tant li kien hemm ruling li jgħid hekk. Xi jiġifieri fil-kampanja elettorali l-istazzjonjiet taż-żewġ partiti jistiednu biss il-kandidati ta’ xulxin, jew inkella biss il-kandidati tal-partit tagħhom? Jien naħseb li m’għandux ikun hemm stazzjoniejit tat-televiżjoni tal-partiti politiċi. Fuq radio m’għandix din il-probelma. Anke għax-xandir tal-istat, qabel ma jkun hemm riforma fl-Awtorità tax-Xandir, ma nistax nimmaġina qagħda aħjar milli hi. Ir-rappreżentanti jeħtieġ li jkunu maħtura b’mod ekwu mis-soċjetà ċivili, u mhux miż-żewġ partiti l-kbar.

Hemm l-impressjoni li bil-hatra tieghek bhala leader, l-Alternattiva icċċqalqet definittivament lejn ix-xellug. Ghalfejn persuni li jemmen f’dawn l-ideali għandu jivvota AD?


Naħseb li persuna xellugija għanda tivvota AD għax aħna l-uniku partit li hu bil-fatti favur il-ġustizzja soċjali, li m’aħna iffinanzjati minn ebda neguzjant kbir, li verament favur politika serja ekoloġika u li verament favur id-drittijiet ċivili. Jidhirli li l-Partit l-ieħor tax-xellug għandu politika ta’ konvenjenza, li trid togħoġob lil kulħadd (lill-kaċċaturi tgħidilhom mod, u l-ambjentalisti mod ieħor; lill-omosesswali mod u lill-konservattivi mod ieħor; lill-ħaddiema mod u lilll-business chamber tal-partit stess mod ieħor). Il-partit Nazzjonalistia hu ovvjament tal-lemin, u na nistgħax nifhem kif jista’ jkun hemm xi ħadd xellugi li jivvutalu. Aħna verament il-partit li favur id-drittijiet tal-ħaddiema, dawk tal-minoranzi u li hu favur il-ġlieda kontra l-faqar u kontra l-esklużjoni soċjali, u li hu favur il-ġustizzja ekoloġika.

No comments: