Sociologist, local councillor, activist from Malta

Thursday, October 14, 2010

Il-paga minima għandha togħla

Michael Briguglio

http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=1931
Il-Gens Illum, 9 ta’ Ottubru 2010


Riesaq il-Baġit, u bosta ilħna mis-soċjetà ċivili qed iressqu l-proposti tagħhom. Fil-ġranet li ġejjin, Alternattiva Demokratika se tkun qed tippreżenta proposti li jkopru oqsma varji bħall-politika ekonomika u fiskali; politika soċjali u saħħa; politika ambjentali; enerġija; trasport; ħarsien tal-annimali; edukazzjoni; kultura; żgħażagħ; sport u politika barranija.

F’dan l-artiklu nixtieq nitkellem dwar waħda mill-proposti ewlenin tagħna: dik li togħla l-paga minima.

Fil-fatt, bħal ma diġà għamilna f’baġits preċedenti, qed nipproponu żieda fil-paga minima, inkluż għall-ħaddiema partajm u dawk kuntrattwali. Sfortunatament, kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista qed jopponu din il-proposta li ttejjeb il-qagħda tal-ħaddiema fi żminijiet ta' miżuri ta' awsterità.

Kif inhi bħalissa, il-paga minima ma tkoprix għall-għoli tal-ħajja. Barra minn hekk, iktar u iktar ħaddiema qed jaħdmu xogħol prekarju, b'pagi baxxi u nuqqas ta' sigurtà, speċjalment f'impjiegi partajm u b'kuntratt. Ħafna jkollhom jaħdmu iktar minn xogħol wieħed biex ilaħħqu mal-bżonnijiet tagħhom.

Żieda fil-paga minima, inkluż għall-ħaddiema partajm jew b'kuntratt (pro-rata), ittejjeb is-sitwazzjoni tal-iktar ħaddiema vulnerabbli. Din tinkoraġġixxi wkoll lil iktar nies biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol formali, għax ikun jaqbel li wieħed jagħmel dan.

Nemmnu li żieda fil-paga minima għandha tkun realistika għall-ħtiġijiet tal-lum. Din m'għandhiex teskludi assessjar realistiku tal-benefiċċji soċjali, fejn uħud huma baxxi wisq jew anki ineżistenti għal ċerti gruppi vulnerabbli.

Hemm min jgħid li żieda fil-paga minima tgerrex l-investiment fil-pajjiż. Iżda nistaqsi: Kieku dan hu l-każ, kif jista' jiġi spjegat li pajjiżi b'pagi iktar għoljin minna jattiraw investment? Il-pagi huma biss fattur wieħed importanti fost oħrajn f'dan ir-rigward.

Fatturi oħrajn jinkludu l-produttività, il-burokrazija, l-infrastruttura, fatturi ambjentali, inċentivi fiskali u oħrajn.

Kif diġà għedt iktar kmieni f’dan l-artiklu, dawk li qed jopponu żieda fil-paga minima jinkludu l-PN u l-PL. Riċentement, il-Partit Laburista ippropona l-kunċett ta’ 'living wage' , iżda din hija vaga għall-aħħar u tiddependi mir-rieda volontarja ta’ min iħaddem. Għalhekk, il-proposta Laburista tbiddel id-drittijiet tal-ħaddiema ma' karità minn sidien b' qalbhom tajba.

Alternattiva Demokratika mhijiex partit li titfa’ l-proposti tagħha kif ġie ġie, u lanqas m’aħna partit li jilgħab għall-gallarija. Barra minn hekk, nemmnu fi proposti ċari u konkreti, u mhux fi proposti vagi bil-għan li jogħġbu lil kulħadd iżda li effettivament iħallu kollox kif inhu.

Bl-ikbar responsabilità ngħidu li hemm ħtieġa kbira li togħla l-paga minima f'pajjiżna. X’qed jistenna l-Gvern biex jintroduċi din ir-riforma progressiva tant meħtieġa?

Michael Briguglio huwa ċ-Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika.
www.alternattiva.org.mt

No comments: