Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Saturday, September 04, 2010

Troy Davis m'għandux jinqatel




Michael Briguglio

Il-Gens Illum 4 ta'Settembru 2010
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=6122


“Li tieħu ħajja meta ħajja ntilfet hija tpattija u mhux ġustizzja” (L-Arċisqof Desmond Tutu)

"Il-piena kapitali hi l-iktar att ta’ qtil premeditat” (Albert Camus)

Kultant żmien nirċievi aħbarijiet mill-għaqda internazzjonali Amnesty International dwar xi ħabsin politiċi, abbuż ta’ drittijiet umani, ħabsin li ġew ikkundannati għall-mewt, u każijiet simili.

Amnesty tiddeppendi mill-appoġġ ta’ nies mid-dinja kollha permezz ta’ azzjonijiet ta’ solidarjetà ma’ dawn il-vittmi.

Każ riċenti li qiegħed fl-aħbarijiet globali hu dak ta’ Troy Davis, li huwa kkundannat għall-mewt fl-Istati Uniti tal-Amerika. Il-każ tiegħu hu wieħed tassew ta’ sogħba, speċjalment meta jidher li skond Amnesty, dan hu każ mimli dubji, żbalji u preġudizzji.

Amnesty International, li tgawdi kredibilità globali fil-kampanji tagħha, qed tgħid li m’hemm l-ebda prova fiżika jew xjentifika li turi li Troy Davis hu ħati ta’ reat ta’ qtil ta’ uffiċjal tal-pulizija. Il-Papa Benedittu XVI, ir-rebbieħ tal-Premju Nobel l-Arċisqof Desmond Tutu u l-eks-President Amerikan Jimmy Carter, ilkoll qed jappellaw għall-ġustizzja lejn Davis.

Iżda l-qrati ma ħasbuhiex hekk, u skond Amnesty, qed jistrieħu fuq evidenza li skond il-maġistrat m’hijiex kredibbli!! Maġġoranza ta’ xhieda ammettew li gidbu 19-il sena ilu, meta dan il-każ beda, u erba’ xhieda stqarrew min hu l-persuna li skond huma jista’ jkun il-qattel vera tal-uffiċjal tal-pulizija Mark MacPhail.

Tinstema' stramba ħafna din il-ħaġa, iżda sfortunatament dan l-aħħar il-qrati ta’ Savannah, Georgia, qalet li l-petizzjoni ta’ Troy Davis ma laħqitx il-livell għoli meħtieġ biex jipprova l-innoċenza tiegħu! Fi ftit kliem, se jkun hemm vittma ta’ qtil premeditat mill-istat, anki jekk m’hemmx provi ċari dwar dan.

Personalment ma naqbilx mal-piena kapitali fl-ebda ċirkostanza, u f’dan il-każ, żgur li m’hemm xejn li jiġġustifika li Davis jinqatel. Jekk xejn, dan il-każ juri li politika favur il-piena kapitali hi waħda diffettuża u falza. Mhux ta’ b’xejn li din ġiet abolita f’bosta pajjiżi madwar id-dinja, fosthom dawk kollha fl-Unjoni Ewropea.

Sakemm tibqa’ t-tama, għandna nibqgħu niġġieldu għal Troy Davis u għal dawk kollha li huma mhedda mill-eżekuzzjoni mill-istat, hu liema hu l-pajjiż.

Għalhekk, nappella lil dawk kollha li jixtiequ juru s-solidarjetà ma’ Troy Davis biex jidħlu f’wieħed minn dawn il-links u jieħdu azzjoni proposta mill-Amnesty, liema azzjoni ddum biss ftit minuti.

http://www.amnestyusa.org/lte/troy.php
http://blog.amnestyusa.org/deathpenalty/speak-out-for-troy-davis/

Michael Briguglio huwa ċ-Chairperson Alternattiva Demokratika

No comments: