Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Saturday, August 14, 2010

Riċerka ambjentali minn Oxford sa Malta

Michael Briguglio

Il-Gens Illum 14 ta'Awwissu 2010

http://www.il-gensillum.com/news.asp?issue=45&newscat=10&news=5751


Ftit tal-ġranet ilu kelli l-opportunità nipparteċipa fil-ħames konferenza annwali tal-Green Economics Institute, li saret fl-Università ta’ Oxford, fl-Ingilterra.
Din kienet it-tieni darba li pparteċipajt f’konferenza ta’ dan l-Istitut, li jien membru tiegħu. Fih ipparteċipaw akkademiċi, studenti, attivisti u politiċi minn bosta pajjiżi madwar id-dinja. Aħna qsamna l-interess komuni li l-ekonomija għandha tkun xi ħaġa progressiva, għan-nies u speċi tad-dinja kollha, bil-għan li jkun hemm ġustizzja ekoloġika u soċjali u sostenibilità.

Fil-konferenza kien hemm diversità sħiħa ta’ preżentazzjonijiet. Minn dawk li juru l-benefiċċji tal-enerġija alternattiva u rinnovabbli, għal dawk li juru li ġustizzja soċjali u ġustizzja ambjentali huma relatati – per eżempju f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kundizzjonijiet tajbin fuq il-post tax-xogħol, ugwaljanza bejn is-sessi, u eżempji oħra.

Kien hemm min tkellem dwar proġetti fejn komunitajiet lokali pparteċipaw fis-sħiħ għal politika ambjentali, per eżempju fl-immaniġġjar tal-iskart. Kelliema oħrajn qablu l-qagħda ambjentali ta’ pajjiżi differenti, fejn jidher biċ-ċar li fuq livell globali hemm problemi kbar li ġejjin minn sistema kapitalista bbażata fuq konsum sfrenat – liema sistema qed twassal għall-qirda ambjentali, inugwaljanzi soċjali, telfien ta’ biodiversità u tibdil fil-klima.

Fil-każ tiegħi, jien ippreżentajt riċerka li qiegħed nagħmel dwar l-għaqdiet non-governattivi tal-ambjent f’Malta. Tkellimt dwar l-impatt tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fuq il-mod kif jagħmlu pressjoni dawn l-għaqdiet. Din ir-riċerka tifforma parti mit-teżi li qiegħed nagħmel bil-għan li nġib dottorat fis-Soċjoloġija.

Fil-preżentazzjoni tiegħi, argumentajt li d-dħul ta’ Malta fl-UE għenet biex jissaħħu l-għaqdiet tal-ambjent. Dan seħħ minħabba fatturi bħall-politika u tibdil fil-liġijiet li Malta kellha tadotta permezz ta’ sħubija fl-UE. Dan qiegħed iwassal biex bosta għaqdiet qed jiġu istituzzjonalizzati permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fir-riformi ambjentali, u b’hekk jibbenefikaw minn iktar konsultazzjoni, fondi u riżorsi fost oħrajn.

L-istess għaqdiet qed ikollhom iktar opportunità li jagħmlu pressjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE. Iżda jeżistu fatturi oħrajn li jxekklu s-saħħa tal-għaqdiet, fosthom l-ideoloġija neo-liberali, pressjoni ekonomika u pressjoni minn gruppi oħrajn fi ħdan is-soċjetà.

Ir-riċerka tiegħi wriet ukoll li mhux l-għaqdiet kollha ġew affettwati bl-istess mod. Dawk li jiffukaw fuq il-konservazzjoni tal-ambjent ibbenefikaw l-iktar, u dawk li għandhom viżjoni ta’ żvilupp sostenibbli bbenefikaw kważi daqshom.

Minn naħa l-oħra, l-għaqdiet radikali u dawk li jiffukaw fuq kwistjonijiet lokali ġew affettwati b’mod ambivalenti – jiġifieri b’taħlita ta’ effetti pożittivi u negattivi.

Nuri wkoll li l-għaqdiet li jridu l-ikbar bidliet soċjali, li jiffukaw f’oqsma mhux koperti mill-legiżlazzjoni tal-UE, li huma l-iktar viċin l-Alternattiva Demokratika u li huma l-inqas viċin l-istat Malti u l-istituzzjonijiet Ewropej, huma l-inqas għaqdiet li bbenefikaw mis-sħubija ta’ Malta fl-UE. Għalhekk, hemm ‘tensjoni kreattiva’ bejn l-għaqdiet tal-ambjent, fost l-affarijiet komuni u differenti li hemm bejniethom.

Fir-riċerka tiegħi nagħti interpretazzjoni tiegħi ta’ dan kollu, fejn fuq kollox nargumenta li l-qagħda prekarja tal-ambjent Malti juri li t-tisħiħ tal-għaqdiet tal-ambjent mhux bilfors qed iwassal għal titjib sostanzjali fl-ambjent Malti, minkejja x-xogħol kbir u siewi li qed jagħmlu l-għaqdiet. Għax ħa ngħiduha kif inhi, jeħtieġu bidliet radikali jekk għandna ntejbu s-sitwazzjoni ambjentali….

Iktar tagħrif dwar il-konferenza tista’ tinkiseb minn fuq:
http://www.greeneconomics.org.uk/

Michael Briguglio huwa Ċerpersin Alternattiva Demokratika

No comments: