Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Saturday, July 03, 2010

Prekarjetà, ansjetà

Michael Briguglio

Il-Gens Illum 3 ta'Lulju 2010

http://www.il-gensillum.com/news.asp?issue=39&newscat=10&news=4960


Fis-soċjetajiet ta’ żminijietna, il-klassi soċjali għadha forma kbira ta’ inugwaljanza. Għadha tinfluwenza l-esperjenzi tan-nies f’oqmsa bħax-xogħol, is-saħħa u l-edukazzjoni. Iżda l-klassi soċjali ma tistax tispjega kollox.

Minkejja l-influwenza tal-identita’ ta’ ‘kapitalist’ jew ‘ħaddiem’, wieħed ma jistax iħares lejn in-nies biss b’dan il-mod. Illum qed ngħixu fi żmien fejn in-nies għandhom identitajiet plurali u frammentati. L-identitajiet tagħna mhumiex neċessarjament fissi, u huma influwenzati kemm minn strutturi soċjali kif ukoll minn dak li nagħmlu aħna f’ħajjitina. Għalhekk, wieħed irid jikkunsidra fatturi bħall-ġeneru, sesswalità, twemmin, affiljazzjonijiet, etniċità, familja, metodi ta’ konsum u preferenzi, fost oħrajn.

Qegħdin fi żmien fejn bħal qatt qabel nistgħu nibnu l-bijografiji tagħna. M’aħniex sempliċiment roti f’magna, iżda aħna wkoll atturi riflessivi. Tista’ tkun ħaddiem sfruttat f’ħanut, iżda li l-iktar affarijiet li tqis importanti f’ħajtek ikunu affarijiet li tagħmel barra x-xogħol, bħall-familja, divertiment u delizzji. Jista’ jkollok karattru ‘indipendenti’ iżda fl-istess ħin issegwi etika morali ta’ xi reliġjon jew oħra. Insomma, aħna parti minn soċjetà iżda wkoll atturi li kapaċi nbiddlu lilna nfusna u lis-soċjetà nnifisha.

Għandna aktar ħelsien mill-ġenerazzjonijiet preċedenti, iżda dan jista’ jwassal għal paradoss. Iktar ħelsien jista’ jwassal għal inqas ħelsien fl-istess ħin. Per eżempju, meta sid ta’ post tax-xogħol ikollu iktar libertà li jimpjega u jkeċċi ħaddiema b’kuntratt, il-ħaddiema ‘prekarji’ jkollhom inqas ħelsien.

Il-ħelsien tal-ekonomija kapitalista ġġib magħha possibilitajiet kbar ta’ żvilupp. Iżda fl-istess ħin, din tiddependi mill-isfruttar tal-ħaddiema u mill-qerda bla rażan tal-ekoloġija.

Iktar ħelsien fil-komunità tista’ twassal għal iktar kriminalità, żvilupp li jdejjaq lir-residenti, kummerċjalizzazzjoni u storbju.

Fl-imħabba l-istess. Għandna iktar ħelsien li niffurmaw relazzjonijiet ġodda u noħorġu minn relazzjoni eżistenti. Iżda din tista’ twassal għall-inqas ħelsien għall-persuna l-oħra fir-relazzjoni, jekk din ma tixtieqx li r-relazzjoni tispiċċa.

Għalhekk, il-ħelsien ta’ żminijietna jista’ jwassal ukoll għal iktar prekarjetà, f’kull qasam tal-ħajja. Kollox isir disponibbli, f’soċjetà kkaratterizzata minn riskji li noħolqu aħna stess. Kulħadd differenti, iżda kulħadd anzjuż. Min minħabba x-xogħol, min minħabba l-iżvilupp bieb ma’ bieb, min minħabba s-sieħeb / sieħba u min minħabba t-Tazza tad-Dinja.

Minkejja li qed ngħixu fi żminijiet ta’ riskju, prekarjetà u ansjetà, miniex qed nipproponi li nnaqqsu l-ħelsien. Personalment, ma nixtieqx ngħix f’soċjetà li timponi stil ta’ ħajja fuq l-individwu jew li taċċetta biss identità waħda. Iżda nemmen li jista’ jkun hemm kunċetti li permezz tagħhom inkunu iktar konxji mil-limiti tal-ħelsien.

Waħda minn dawn hi s-sens ta’ responsabilità. Per eżempju, il-politika tal-ħodor tagħmilna konxji mill-bżonn li nkunu responsabbli għall-ġenerazzjonijiet tal-futur permezz ta’ prattiċi sostenibbli fil-konsum, żvilupp, politika u affarijiet oħrajn.

Eżempju ieħor hu li jkun hemm politika soċjali li ma taħsibx biss f’identità waħda, iżda li tkun inklussiva għal gruppi varji, iżda li fl-istess ħin tqabbel id-drittijiet ma’ dmirijiet.

Is-sens ta’ responsabilità għandu jkun parti minn vokabolarju politiku li jirrispetta d-diversità iżda li jixtieq iktar ugwaljanza u inklużjoni soċjali. Għax, fl-aħħar mill-aħħar, huwa veru li qatt ma kellna ħelsien daqs illum, iżda huwa veru wkoll li bid-diversitajiet kollha tagħna, qatt ma konna f’riskji universali – bħat-tibdil fil-klima – daqs dawk li qed ngħixu fihom fil-preżent.


Michael Briguglio huwa ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika (Partit tal-Ħodor)

www.michaelbriguglio.com

No comments: