Sociologist, local councillor, activist from Malta

Wednesday, July 14, 2010

Divorzju, strategiji u effetti politici

Michael Briguglio

Chairperson Alternattiva Demokratika

Dan l-artiklu deher fl-orizzont, 14 ta’ Lulju 2010


M’inix interessat x’kien li wassal sabiex Jeffrey Pullicino Orlando (JPO) ipprezenta abbozz ta’ ligi fil-parlament biex jigi diskuss id-divorzju. Li jinteressani huwa l-effetti li dan jista’ jkollu.

Alternattiva Demokratika diga’ laqghet il-proposta ta’ JPO. Kien biss ftit granet ilu li AD kitbet lill-membri kollha tal-parlament bis-suggeriment li jiddiskutu l-kwistjoni tad-divorzju. Flimkien ma’ l-ittra taghna bghatna kopja tal-ligijiet tad-divorzju ta’ zewg pajjizi b’tradizzjoni kattolika, jigifieri ta’ l-Irlanda u l-Italja. Mid-69 membru tal-parlament, kien biss JPO li laqgha l-proposta taghna. Lil’hinn mir-retorika, l-ebda parlamentari ‘progressiv’ ma’ kellu l-kuragg jaghmel din l-azzjoni.

Kont tassew kuntent bl-istqarrija ta’ Arcisqof dwar din il-kwistjoni. Minkejja li ma naqbilx mal-pozizzjoni tieghu dwar id-divorzju, nirrispetta l-pozizzjoni tal-Knisja, li ghandha kull dritt li ssemma lehinha dwar dan is-suggett. L-Arcisqof kien korrett meta qal li Alternattiva Demokratika biss ghandha l-mandat li titkellem dwar dan is-suggett, ghax ahna biss nipproponu l-introduzzjoni tad-divorzju fil-manifesti elettorali taghna. Fil-fatt, filwaqt li l-PN huwa ufficjalment kontra u l-PL ghandu pozizzjoni ambigwa ghall-ahhar, AD ilha titkellem favur l-introduzzjoni tad-dritt tad-divorzju mit-twaqqif taghha fl-1989. Kemm il-PN kif ukoll il-PL dejjem bezghu jirreferu ghad-divorzju fil-Manifesti Elettorali taghhom.

Il-Partit Nazzjonalista jidher li qieghed f’paniku dwar il-mozzoni ta’ JPO. Din m’hijiex sorpriza, meta l-istess PN ghandu rabtiet daqshekk b’sahhtihom mal-forzi konservattivi tal-pajjiz. Izda l-istess PN huwa wkoll il-partit li jigbed il-vot tal-maggoranza ta’ nies mill-klassi tan-nofs il-‘gdida’, jigifieri ta’ nies b’xoghol professjonali, b’livell ta’ edukazzjoni gholja u b’valuri liberali. S’issa l-PN qal li hu l-‘poplu’ li ghandu jiddeciedi dwar id-divorzju (u ghalhekk hasel idejh, bhal Ponzu Pilatu), u anke li ser iressaq fil-Parlament proposta ta’ ligi dwar il-koabitazzjoni sa’ l-ahhar tas-sena. Filwaqt li din ta’ l-ahhar tista’ tkun pass pozittiv, bl-ebda mod ma tista’ titqies bhala sostitut adegwata ghad-dritt tad-divorzju. Wasal iz-zmien li Malta tinghaqqad mal-bqija tad-dinja dwar dan id-dritt civili daqshekk baziku. L-introduzzjoni tad-divorzju jippermetti lill-eluf ta’ kopji, fejn hemm ta’ l-inqas persuna wahda separata, li jizzewgu.

Ghalhekk, ma nkunx sorpriz jekk il-PN ibiddel il-pozizzjoni tieghu. Wara kollox, fuq kwistjoni bhas-shubija ta’ Malta fl-UE, l-istess PN gibed it-tapit minn taht il-PL u pprogetta ruhu bhala partit iktar ‘progressiv’.

Il-Partit Laburista, ghal darb’ohra, ppruva jaghti x’jifhem li ghandu xi strategija ‘intelligenti’ dwar id-divorzju, izda gie anticipat minn haddiehor. L-istrategija tal-PL, fl-opinjoni tieghi, iktar kienet wahda ta’ konvenjenza, fejn il-mexxej Joseph Muscat qal li hu favur id-divorzju izda li jressaq mozzjoni parlamentari biss wara l-elezzjoni li jmiss, jekk ikun rebbieh. Muscat kellu l-liberta’ kollha li jressaq mozzjoni issa, izda dan m’ghamlux. Ir-raguni hi semplici: Fil-PL hemm bosta membri tal-parlament li diga’ ddikjaraw pubblikament li huma kontra d-divorzju. Ghalhekk, issa l-PL irid jiddeciedi: jew jibqa’ pozizzjoni ambigwa li fl-ahhar mill-ahhar m’hi ser iggib l-ebda bidla, jew inkella li jiehu pozizzjoni cara favur id-divorzju. L-istess bhall PN, wiehed jista’ jistenna kunflitti interni fi hdan il-PL, f’kaz li jigri dan ta’ l-ahhar. Bir-retorika ‘progressiva’ tieghu kollha, il-PL hu l-istess partit li fih ihaddan tahlita shiha ta’ parlamentari u esponenti b’ideologiji differenti, mis-socjal-demokrazija san-nazzjonalizmu tas-sebghinijiet; minn liberalizmu fil-valuri sa fundamentalizmu tal-lemin estrem; minn pozizzjoni favur il-welfare state sa neo-liberalizmu ekonomiku.

Fil-qasam ta’ l-istampa hemm hafna spekulazzjonijiet u teoriji dwar il-mozzjoni ta’ JPO. Hemm min b’mod konvenjenti jew bi traskuragni, nesa jsemmi li kienet propju l-AD li qajmet din il-kwistjoni fost il-membri tal-parlament. Izda l-fatt jibqa’ car: sakemm ma jkunx hemm xi tibdil ‘revoluzzjonarju’ fil-partiti l-kbar dwar id-divorzju, hija biss il-presenza ta’ AD fil-Parlament li tista’ taghti garanzija li l-parlament jiccaqlaq dwar id-divorzju.

www.alternattiva.org.mt

No comments: