Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Sunday, June 13, 2010

Taf x'inhi ME?

Michael Briguglio

Il-Gens Illum
12 ta'Gunju 2010
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=4543


Tul ix-xahar li għadda, attivisti ta’ ‘ME Sufferers Malta' għamlu ħilithom biex iqajmu kuxjenza dwar ME (Myalgic Encephalomyelitis). Iżda kemm hawn minna li nafu x’inhi ME?

Skond l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), ME hija kundizzjoni newroloġika li twassal għal forom ta’ diżabilità. Din il-kundizzjoni għandha sintomi varji bħal sturdament, uġigħ, għejja kbira u problemi konjittivi. Inzertajt naf lil min ibati minn din il-kundizzjoni, u nikkonferma li verament toħloq tbatijiet.

Bosta nies li jbatu mill-ME jkollhom joqogħdu ġewwa, u ħafna drabi fis-sodda. Għalhekk, anki jekk jixtiequ jqajmu kuxjenza dwar il-qagħda tagħhom, kemm-il darba ma jistgħux jagħmlu dan.

F’Malta ma teżistix statistika jew riċerka komprensiva oħra dwar l-ME. Iżda stimi preliminari ta’ Dr John H Greensmith, (www.mefreeforall.org), jispekulaw li hemm madwar 800 persuna li jbatu minn din il-kundizzjoni f’Malta, u ħafna minnhom x’aktarx mhumiex konxji li għandhom l-ME, minħabba nuqqas ta’ kuxjenza dwar din il-kundizzjoni.

In-nuqqas ta’ kuxjenza dwar l-ME f’pajjiżna huwa rifless fl-assenza ta’ politika soċjali dwar din il-kundizzjoni. Sfortunatament, dan qed ikollu impatt negattiv fuq nies b’din il-kundizzjoni kif ukoll fuq dawk l-iktar qrib tagħhom. Nies bl-ME mhumiex intitolati għal servizzi soċjali speċifikament minħabba l-kundizzjoni tagħhom, u għalhekk ma jibbenefikawx minn għajnuniet li jingħataw lil nies b’kundizzjonijiet rikonoxxuti mill-Istat.

Alternattiva Demokratika tappella sabiex l-awtoritajiet ikunu iktar konxji tat-tbatijiet ta’ dawk bl-ME. Il-politika soċjali tal-Istat għandha tinkludi, u mhux teskludi lil dawn in-nies, sabiex b’hekk ikollhom l-istess drittijiet ta’ nies oħra b’diżabilità jew mard kroniku.

Bħala l-ewwel pass, ikun tajjeb li l-appelli ta’ ‘ME Sufferers Malta’ ma jaqgħux fuq widnejn torox. Ikun tajjeb li din l-għaqda, kif ukoll esperti mediċi fuq din il-kundizzjoni jingħataw widen mill-awtoritajiet. F’dan ir-rigward, ‘ME Sufferers Malta’ għamlu numru ta’ appelli lill-awtoritajiet, liema appelli jistgħu jinqraw f’www.mesufferersmalta.org.

L-appelli ta’ ‘ME Sufferers’ huma vuċi ‘ġdida’ fis-soċjetà ċivili li qed tipprova twassal il-messaġġ tagħha favur inklużjoni soċjali ta’ grupp li jħossu emarġinat. F’soċjetà demokratika, dawn it-tip ta’ appelli jistħoqqilhom l-appoġġ kollu neċessarju. Id-demokrazija mhijiex biss dwar min jiġi elett fil-Parlament u l-kunsilli lokali, iżda hija wkoll dwar ir-rappreżentanza wiesgħa tal-ilħna diversi f’soċjetà inklussiva: id-demokrazija ta’ kuljum.

Michael Briguglio huwa ċ-Chairperson Alternattiva Demokratika – The Green Party
www.alternattiva.org.mt

No comments: