Sociologist, local councillor, activist from Malta

Wednesday, June 02, 2010

Koabitazzjoni, divorzju u konvenjenza politika

Konvenjenza politika

minn Michael Briguglio, Cerpersin tal-Alternattiva Demokratika

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=63286

l-orizzont, 2 ta’ Gunju 2010



Il-kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Soċjali, immexxi minn Edwin Vassallo, u li jinkludi Membri Parlamentari Nazzjonalisti u Laburisti, qiegħed imexxi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-introduzzjoni ta’ leġislazzjoni dwar il-koabitazzjoni.

Minnu nnifsu, dan hu pass pożittiv. Alternattiva Demokratika ilha s-snin tisħaq għall-bżonn ta’ leġislazzjoni f’dan ir-rigward.

Iżda huwa ċar li din it-tip ta’ leġislazzjoni mhijex se tikkumpensa għal nuqqas ta’ drittijiet u leġislazzjoni f’oqsma oħrajn li jittrattaw drittijiet bażiċi tal-familja – bħalma huma d-divorzju u d-drittijiet LGBT (ta’ nies omosesswali, bi-sesswali u trans-sesswali rispettivament).

Sfortunatament, jidher li l-proposti tal-Gvern dwar il-koabitazzjoni huma parti minn strateġija politika konvenjenti biex jiġu posposti diskussjonijiet dwar riformi oħrajn li huma essenzjali għad-drittijiet tal-familji.

L-introduzzjoni ta’ liġijiet dwar id-divorzju mhux se jsolvi l-problemi kollha tas-soċjetà Maltija, iżda żgur li tneħħi d-diskriminazzjoni eżistenti, fejn divorzju minn pajjiż ieħor – anke bejn żewġ Maltin – jiġi rikonuxxut f’pajjiżna. L-intrdouzzjoni tad-divorzju għalhekk tista’ ssir flimkien ma’ miżuri oħrajn bil-għan li jsaħħu lill-familji. F’pajjiż verament demokratiku, l-istat għandu r-responsabilità li jipprovdi l-qafas legali li jirrispetta l-għażliet tal-individwi. Ta’ min jinnota li apparti Malta huma biss il-Filippini u l-Vatikan li ma jippermettux id-divorzju.

Alternattiva Demokratika tapprezza r-rwol tal-Knisja Kattolika bħala vuċi leġittima fis-soċjetà Maltija. Il-Knisja għandha kull dritt li tgħid li hi kontra d-divorzju u li tistenna lill-fidili tagħha jsegwu t-tagħlim tagħha. Iżda wieħed għandu japprezza wkoll li f’soċjetajiet moderni u sekulari, fejn id-drittijiet ċivili għandhom rwol importanti, l-identità Kattolika hija waħda fost oħrajn. Ħadd mhu obbligat li jiddivorzja, iżda l-possibilità ta’ dan id-dritt għandu jeżisti.

Wieħed għandu jżomm f’moħħu wkoll li l-Gvern qed jabdika mir-responsabilitajiet tiegħu meta qed jagħti monopolju lill-Knisja fl-edukazzjoni ta’ preparament għaż-żwieġ. Dan ifisser li min ma jridx żwieġ fil-Knisja m’għandux possibilità ta’ tħejjija għaż-żwieġ.

Hija sfortuna kbira li l-Partit Nazzjonalista qed jirrifjuta li jgħix fid-dinja moderna fi kwistjonijiet importanti bħad-divorzju. Il-PN jidher li qiegħed maqtugħ sew mir-realtà ta’ eluf ta’ Maltin f’dan ir-rigward.

Min-naħa l-oħra l-Partit Laburista qed jipprova jingħoġob ma’ kulħadd bil-proposta’ ta’ ‘free-vote’ fil-Parlament dwar id-divorzju, speċjalment meta huwa ċar li ‘free-vote’ x’aktarx ifisser li ma jidħolx id-divorzju minħabba l-Oppożizzjoni ta’ xi Membri Parlamentari Laburisti flimkien ma’ dawk Nazzjonalisti.

Għalhekk, filwaqt li l-PN qiegħed juża politika ta’ konvenjenza billi jiddiskuti l-koabitazzjoni u jeskludi oqsma importanti oħrajn, il-PL m’għandux viżjoni u tmexxija b’saħħitha biżżejjed u b’mod konvenjenti jitkellem dwar ‘free-vote’. Bl-istess mod, missu jkun hemm ‘free-vote’ fuq kollox!

Alternattiva Demokratika hija l-uniku partit li b’mod ċar qed tgħid li hija favur l-introduzzjoni tad-divorzju f’Malta. Mhux biss minħabba d-diskriminazzjoni li tippermetti d-divorzju minn pajjiżi oħrajn, iżda ikar u iktar minħabba li d-divorzju huwa dritt bażiku għal dawk li jixtiequ jiffurmaw familja ġdida permezz taż-żwieġ.

Minkejja n-nuqqas ta’ divorzju, is-separazzjonijiet f’pajjiżna qegħdin jiżdiedu minħabba raġunijiet varji fosthom stress ekonomiku u sitwazzjonijiet varji, iżda anke minħabba li l-individwu qed jagħti iktar valur lill-kuntentizza fir-relazzjoni li jkun/tkun fiha. Ħafna nies separati jixtiequ jingħataw iċ-ċans li jerġgħu jiżżewġu. Permezz ta’ din il-perspettiva, id-divorzju jista’ jitqies bħala dritt favur il-familja, minħabba li jippermetti lill-koppji li jirregolarizzaw ir-relazzjonijiet tagħhom.

Il-legalizzazzjoni tad-divorzju, l-istess bħall-legalizzazzjoni ta’ drittijiet oħrajn tal-familji (bħal dawk LGBT) jirrikjedu kuraġġ politiku. L-istat għandu jinjora din ir-realtà, u jeskludi lil eluf ta’ ċittadini minn drittijiet ċivili bażiċi?

Għalhekk, il-kelliema ta’ Alternattiva Demokratika għad-Drittijiet Ċivili ,Yvonne Arqueros Ebejer, u jien ktibna lill-Kumitat Soċjali tal-Parlament b’dan il-messaġġ. Barra minn hekk, issottomettejna l-liġijiet tad-divorzju ta’ żewġ pajjiżi b’wirt Kattoliku – l-Italja u l-Irlanda – biex b’hekk Edwin Vassallo u l-membri l-oħrajn Nazzjonalisti u Laburisti tal-Kumitat Parlamentari, ikunu jistgħu jevalwawhom bħala bidu ta’ diskussjoni, flimkien mal-kollegi parlamentari.

www.alternattiva.org.mt

No comments: