Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Wednesday, June 16, 2010

Il-proġett tal-White Rocks u investiment fl-isports

minn Michael Briguglio, Cerpersin tal-Alternattiva Demokratika

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=63682

l-orizzont 16 ta’ Gunju 2010

Wieħed irid ikun tassew ċiniku biex ma jaqbilx mal-proposta biex iż-żona mitluqa magħrufa bħala White Rocks tiġi rijabilitata biex tintuża għal attivitajiet spor­tivi. M’għandix dubju li l-pjani tas-Segretarju Parlamentari għall-Isports u Żgħa­żagħ Clyde Puli huma għall-benefiċċju tal-isports f’Malta. Pajjiżna tassew jeħtieġ iktar investiment fl-isports, anke biex nilħqu l-livelli li laħqu pajjiżi żgħar oħrajn f’oqsma fejn ma tantx avvanzajna.

Il-ħeġġa li qiegħda tintwera għall-proġett tal-White Rocks għandha tkun akkumpanjata b’impenn ċar biex l-iżvilupp ikun wieħed sostenibbli u konsistenti mad-diskors programmatiku tal-Gvern fil-ftuħ tal-Parlament fl-2008 fejn ġie ddikjarat solennement li l-Gvern se jkun illuminat mill-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli.

Ta’ min jikkunsidra l-fatt li ż-żona tal-White Rocks tmiss ma’ żona speċjali ta’ kon­servazzjoni (‘special area of conservation’) li allura min­na nnifisha tillimita x’tip ta’ żvilupp u attività tista’ ssir fl-inħawi. Dan huwa wieħed mill-obbligi li Malta daħlet għalihom bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea meta kien il-Gvern innifsu li identifika ż-żona biex tagħmel parti min-Natura 2000 tal-UE. L-obbligi kollha dwar dan joħorġu mid-Direttiva tal-Habitats.

Għaldaqstant, wieħed japprezza jekk jiġu ppublikati pjani dettaljati dwar il-pro­ġett biex il-pubbliku jkun informat kif dawn l-obbligi se jkunu onorati. F’dan ir-rigward għalhekk Alternattiva Demokratika iddikjarat li filwaqt li tilqa’ l-pjan biex is-sit tal-White Rocks jiġi ttrasformat f’kumpless sportiv, AD tkun tista’ tikkummenta fid-det­tall dwar il-proġett meta l-pjani kollha dettaljati jkunu pubbliċi.

Ta’ min wieħed jitkellem ukoll dwar tip ta’ investiment ieħor li jista’ jsir biex l-isports ikompli jiżviluppa f’pajjiżna. Dan jista’ jinkludi, fost oħrajn, iktar emfasi fil-kurrikulu edukattiv, biex l-iskejjel jagħtu iktar prominenza lill-isports u t-taħriġ fiżiku.

Jista’ jinkludi wkoll iktar investiment fil-komunità. F’dan ir-rigward, hija ħaġa tajba li l-Gvern qiegħed jiddiċentralizza bosta bini sportiv u jħallih f’idejn organizazzonijiet spor­tivi biex ikunu jistgħu jilħqu l-miri tagħhom, li jinkludu wkoll dawk finanzjarji.

Iżda wieħed għandu jżomm f’moħħu li biex tipprattika xi sports m’hemmx għalfejn tkun membru ta’ xi klabb jew ieħor. Mhux kulhadd jista’ jagħti dak l-impenn. Għalhekk naħseb li għandu jkun hemm iktar emfasi biex f’kull lokalità jkun hemm postijiet fejn wieħed jista’ jipprattika sports varju mingħajr ma jkun membru ta’ xi organizzazzjoni.

Il-kunsilli lokali jistgħu jkunu responsabbli ta’ dan il-qasam, u jistgħu jintużaw l-iskejjel biex jaqdu dawn il-ħtiġijiet. Hija ħasra li wara nofsinhar u filgħaxija il-faċilitajiet sportivi ta’ ħafna skejjel jingħalqu, meta dawn jistgħu jintużaw mill-pubbliku. Nif­ta­kar meta kont żgħir kont immur nilgħab il-futbol Tignè, fejn il-grawnds kienu aċċessibbli għal kulħadd. Illum il-post inbena u l-uniku grawnd li hemm se jintuża minn Sliema Wanderers, li hija ħaġa minna nnifisha po­żittiva. Iżda possibli ma setax ikun hemm spazju miftuħ għall-pubbliku għall-użu sportiv?

Ta’ spiss qed ikun hemm pressjoni biex postijiet li jistgħu jintużaw għall-isports jinbnew jew jintużaw għall-parkeġġ tal-karozzi. Għalhekk, nappella biex ikun hawn politika sportiva li telenka postijiet f’kull lokalità, li jkunu għad-dispożizzjoni tal-pub­bli­ku, speċjalment għal dawk li mhumiex affiljati ma’ xi klabb iżda jixtiequ jagħmlu xi forma ta’ attività sportiva.

L-isports mhuwiex biss jekk wieħed iżomm mat-Taljani jew mal-Ingliżi u jekk nistgħux naraw logħob mal-Melita jew mal-GO. L-isports huwa wkoll ikkaratterizzat minn dimensjoni politika – li fost oħrajn tinkludi d-dritt taċ-ċittadini b’identitajiet varji li jkollhom aċċess għal faċilitajiet sportivi tul ħajjithom. Barra minn hekk, l-isports jista’ jrawwem sens ċiviku fost dawk li jipprattikawh. Kif kien qal darba l-ħassieb Albert Camus “kulma naf dwar moralità u obbligazzjonijiet, nafu mill-futbol”. Naħseb dan nistgħu nużawh ukoll għall-isports inġenerali. Makrokożmu tas-soċjetà, bit-tajjeb u l-ħażin…

www.alternattiva.org.mt

No comments: