Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Wednesday, May 19, 2010

Il-ġlieda għall-ħin ħieles mix-xogħol

minn Michael Briguglio, Cerpersin alternattiva Demokratika

L-orizzont, 19 ta’ Mejju 2010
http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=62907


Dan l-aħħar xi ħad¬diema tal-id ilmentaw miegħi dwar il-fatt li qegħdin jiġu mġegħlin jaħ¬dmu sahra eċċessiva kontra r-rieda tagħhom u li dan hu ta’ dannu għal saħħit¬hom. Dan kollu fakkarni fil-kwistjoni tal-‘working time directive’ li bħalissa qiegħda tiġi diskussa fl-Unjoni Ewropea.

F’artiklu riċenti li jien ktibt f’l-orizzont (“Għaxar pro¬posti għal Jum il-Ħad¬diem”, fil-5 ta’ Mejju), jien għidt li ma jistax ikun lanqas li ħaddiema jiġu mġegħlin jaħdmu s-sahra anki kontra r-rieda tagħhom. Emfasizzajt li l-Alternattiva Demokratika taqbel li pajjiżna jadotta l-‘working time direc¬tive’, li tistabbilixxi l-massi¬mu ta’ sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa (medja ta’ 48). Il-pożizzjoni tagħna hi mnebbħa mill-bżonn li jonqos l- is¬fruttar u li jkun hemm aktar opportunitajiet ta’ xogħ¬ol għall-ħaddiema qiegħda. Għal¬¬¬hekk, aħna nemmnu f’xogħol ta’ kwalità b’paga diċenti.

Tajjeb wieħed ipoġġi din il-proposta f’kuntest wiesgħa. Analiżi storika turi li l-ġlieda għal ħin ħieles minn dejjem kienet ta’ importanza kbira għall-ħaddiema, tant li, per eżempju fil-ktieb “Das Kapital”, Karl Marx jiddedika kapitli sħaħ b’eżempji ta’ kif fis-Seklu 19, ħaddiema u sidien kienu f’kunflitt dwar is-sigħat ta’ xogħol. Illum m’għadniex ngħixu f’dawk iż-żminijiet u soċjo¬loġi kontemporanji bħal Andrè Gorz juru li bl-avvanzi li qegħdin isiru f’oqsma bħat-teknoloġija, żgur li l-ħad¬¬¬diem jista’ jgawdi b’si¬għat inqas ta’ xogħol! Għalhekk, il-ġlieda tal-‘working time directive’ hi simili għal ġlidiet oħrajn bħal ngħidu aħna, dik biex jiżdied il-‘leave’ tal-ġenituri meta jkoll¬hom wild.
Fil-kwistjoni tal-‘working time directive’, l-Alternattiva Demokratika qiegħda tap¬poġġja l-pożizzjoni tal-Partiti tal-Ħodor Ewropej, tal-Konfederazzjoni tal-Unjins Ew¬¬ropej u tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar ix-Xogħol. Bħala rappreżen¬tant tal-Alternattiva Demo¬kratika fil-MEUSAC, fejn jiġu diskussji proposti relatati mal-Unjoni Ewropea, ressaqt il-pożizzjoni tal-AD f’laqgħa apposta tal-‘core group’, fejn kien hemm rap¬preżentanza wiesgħa mis-soċjetà ċivili.

Sfortunatament, kemm ir-rappreżentanti tas-sidien (kif mistenni) kif ukoll l-unjins (għall-kuntrarju ta’ unjins oħ¬rajn fl-Unjoni Ewropea) ma qablux li Malta għandha tadotta din id-direttiva. Kienet biss rappreżentanta mis-soċje¬tà ċivili li tkellmet b’mod aktar pożittiv dwar il-proposta.

Il-‘working time directive’ għandha tiġi adottata għall-bosta raġunijiet. Se nelenka ftit minnhom.

L-ewwel, għax din tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Meta ħad¬diem jaħdem sigħat eċċessivi, dan jista’ jkun ta’ periklu kemm għalih kif ukoll għal ħaddieħor. L-istress mhux biss huwa ħażin għas-saħħa, iżda wkoll għall-ekonomija, għax dan jiswa l-flus minħabba xogħol ħażin.

It-tieni, għax il-massimu ta’ 48 siegħa xogħol fil-ġimgħa hija medja u għalhekk xorta jista’ jkun hemm ġimgħat fejn ħaddiem jaħdem aktar minn 48 siegħa. Iżda dan imbagħad ipatti għalih b’inqas sigħat ta’ xogħol f’ġimgħat oħrajn. Din hi ta’ importanza għas-setturi bħat-turiżmu, li huma kkaratterizzati minn xogħol staġjonali.

It-tielet, għax Malta għand¬ha l-inqas rata ta’ nies b’im¬pjieg fl-Ewropa u dan minħabba per¬sentaġġi baxxi ta’ nisa u ta’ anzjani b’impjieg. Permezz ta’ din id-direttiva, jista’ jinħoloq xogħol għal ħad¬diema “ġodda”, minflok ma jkun hemm ħaddiema mġegħ¬lin jaħdmu sigħat twal.

Il-‘working time directive’ tinvolvi bosta kwistjonijiet oħ¬rajn, li minħabba raġuni¬jiet ta’ spazzju, mhux se nelabo ra dwarhom. Fost oħrajn, wie¬ħed għandu jżomm f’moħ¬ħu li s’issa, ħaddiema li jaħdmu għal rashom mhu¬miex inklużi fid-direttiva. Hemm ukoll il-kwistjoni tal-ħin ‘on call’ – fejn aħna nemmnu li dan għandu jiġi meqjus bħala ħin ta’ xogħol.

Il-‘working time directive’ għandha tiġi kkonsidrata wkoll flimkien ma’ politika soċjali li ttejjeb il-qagħda tal-ħaddiem. F’dan ir-rigward, l-Alternattiva Demokratika hi l-uniku partit li temmen li wasal iż-żmien biex togħla l-paga minima f’pajjiżna (in¬kluż għall-ħaddiema partajm).

Nemmnu li għan¬du jkun hawn politika aktar kom¬pren¬siva li tibbilanċja x-xogħol mal-ħtiġijiet tal-individwu. Ovvjament, is-sidien jgħidu li dan jista’ jnaqqas il-kompetittività tal-pajjiż… iżda jien infakkarhom li huma bosta l-pajjiżi fl-Unjoni Ewro¬pea li jirnexxilhom iżewġu l-kompetittività u l-produttività mal-ġustizzja soċ¬jali.

Bħalma diġà għidt hawn fuq, infakkarhom ukoll li l-istess, anzjetà u mard ikkaw¬żat minn sigħat twal ta’ xogħol huma ta’ dan¬nu kemm għan-nies kif ukoll għall-ekonomija.

Nittama li l-unjins Maltin ibiddlu l-pożizzjoni tagħhom rigward din il-kwistjoni!

www.alternattiva.org.mt

No comments: