Sociologist, local councillor, activist from Malta

Wednesday, May 05, 2010

Għaxar proposti għal Jum il-Ħaddiem

minn Michael Briguglio, Cerpersin Alternattiva Demokratika

l-orizzont 5 ta’ Mejju 2010
http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=62575


Hekk kif Jum il-Ħad¬diem ġie u għadda, nemmen li din il-ġurnata jeħtieġ li tingħata l-importanza, u sservi ta’ pjattaforma għal proposti li jtejbu l-kundizzjoni tal-ħaddiema.

Għal din ir-raġuni, nhar is-Sibt li għadda Alternattiva Demokratika ppreżentat pakkett ta’ proposti li jistgħu jwasslu għal bilanċ ġust u sostenibilità ta’ fatturi soċjali, ambjentali u ekonomiċi.

L-ewwel proposta hi dik favur żieda fil-paga minima f’pajjiżna. Aħna l-uniku partit politiku b’politika ċara dwar dan is-suġġett, għax nem¬¬mnu li l-paga minima m’għadhiex waħda realistika. Din iż-żieda għandha tkun riflessa wkoll fir-rata fis-sie¬għa ta’ xogħol partajm. Ma naqblux mal-Prim Ministru u ma’ interessi tan-negozju me-ta jgħidu li din iż-żieda twassal għal inqas kompetittività f’pajjiżna.

Wieħed għandu jkejjel l-affarijiet b’mod olisitiku, fost¬hom il-produttività tal-ħaddiema, u anke l-ispejjeż żejda li qed iħallsu kumpaniji minħabba amministrazzjoni mhux professjonali, ineffiċjenzi u prattiċi ħżiena tal-Gvern. Pajjiżna għandu jimmira li jkun viċin pajjiżi oħrajn fl-UE li jirnexxilhom ikunu kompetittivi, produttivi u soċjalment ġusti.

It-tieni proposta hi li l-Gvern u l-imsieħba soċjali għandhom ukoll juru aktar determinazzjoni biex jiġġieldu l-pjaga tax-xogħol prekarju. Dan it-tip ta’ xogħol qie¬għed jiżdied fost kategoriji differenti ta’ ħaddiema b’ħi¬liet, esperjenzi u kwalifiċi dif¬ferenti, ngħidu aħna biż-żieda ta’ xogħol b’kuntratt definit kif ukoll iż-żieda ta’ ħad¬diema reġistrati bħala self-employed li jkunu qed ibigħu x-xogħol tagħhom lil kuntrattur wieħed bħall-Gvern jew sid ta’ negozju.

Ma jistax ikun li paj¬jiżna jib-qa’ jittollera li ħad¬diema ma jingħatawx dak li hu tagħ¬hom bi dritt, bl-iskuża ta’ kompetittività.

It-tielet proposta tagħna għandha x’taqsam mal-ħinijiet tax-xogħol. Ma jistax ikun lanqas li ħaddiema jiġu mġiegħla jaħdmu overtajm anke kontra r-rieda tagħhom, u għalhekk, naqblu li pajjiżna jaddotta d-direttiva għal-ħin tax-xogħol li hi proposta fl-UE, u li tistabbilixxi l-massimu ta’ kemm jista’ jinħoloq xogħol, bil-għan li jonqos l-isfruttar u jkun hemm aktar opportunitajiet ta’ xogħol għall-ħaddie¬ma qiegħda.

F’dan ir-rigward l-AD qed tingħaqad mal-Partiti tal-Ħodor Ewropej, mal-Konfederazzjoni tal-Unjins Ewro¬pej (ETUC), u mal-Kumitat tax-Xogħol fil-Parlament Ew¬ro¬pew li jinkorpora fih rap¬preżentanti ta’ partiti varji.

Ir-raba’ proposta tagħna hi li pajjiżna jkollu tassew politika tax-xogħol li hi aktar favur il-familji varji li jeżistu fis-soċjetà. Bir-retorika kollha tal-Gvern, pajjiżna joffri fost l-inqas drittijiet u opportunitajiet lill-forom varji ta’ familji. Biżżejjed wieħed isem¬mi l-ammont minimu ta’ ‘leave’ tal-ġenituri u n-nuqqas ta’ politika ħolistika u komprensiva dwar ic-‘childcare centres’, fejn ġenituri jkunu jistgħu jibbilanċaw ir-responsabbiltajiet ta’ ġenituri mal-attività tagħhom fl-isfera pubblika, bħax-xogħol, filwaqt li t-tfal jirċievu edukaz¬zjoni ta’ kwalità.

F’dan ir-rigward tajjeb ukoll li jinħolqu indikaturi li jagħtu valur lix-xogħol li għalih m’hemmx ħlas. Dan jinkludi xogħol fid-dar, xo¬għol ta’ ħarsien ta’ nies vul-nerabbli, u xogħol volontarju. Ikun tajjeb jekk il-Gvern jintroduċi politika fiskali u miżuri inklussivi li jippremjaw lil min jagħmel dan ix-xogħol, li hu tant meħtieġ għas-soċjetà.

Il-ħames proposta tagħna hi li hekk kif l-ETC tipprovdi programmi ta’ taħriġ għall-kategoriji differenti ta’ ħaddiema (anzjani, żgħażagħ, eċċ), ikun hemm ukoll l-istess tip ta’ sensibilità fil-politika soċjali tal-Gvern f’oqsma varji relatati max-xogħol.

Is-sitt proposta tagħna hi li jkun hemm aktar infurzar dwar is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li s-seba’ pro¬posta hi li jkun hemm moratorju (għal perjodu limitat) fuq self mill-banek għal dawk li jitilflu xogħolhom. It-tmien proposta tagħna hi li jkun hemm paga bażika (għal perjodu limitat) lil min qed isegwi kors ċertifikat tal-ETC li jwassal għal impjieg.

Id-disa’ proposta tagħna hi l-kultura ta’ konsultaz¬zjoni mas-soċjetà ċivili tiż¬died tassew, għax kemm-il darba jidher li hemm nuq¬ qas ta’ konsultazzjoni f’oq¬sma varji relatati max-xo¬għol. Ir-rieda tajba li turi l-MEUSAC, li fiha hemm rappreżentanza wiesgħa tas-soċjetà ċivili (li tinkludi wkoll l-Alternattiva Demokratika), għandha tkun riflessa wkoll f’konsultaz¬zjoni aktar strutturata mill-organi u aġenziji kollha tal-istat. L-aħħar u mhux l-inqas, bħala partit affiljat mal-partiti tal-Ħodor Ewro¬pej, nemmnu li Malta u l-Unjoni Ewropea għandhom jadottaw ‘Green New Deal’ li toħloq xogħol ġdid u stabbli, f’setturi bħall-ener¬ġija alternattiva, trasport pub¬bliku, immaniġġjar tal-iskart, informatika, turiżmu, agriko¬ltura u setturi oħrajn li joħolqu xogħol u ambjent aħjar.

Għalhekk, l-għaxar proposta tagħna hi li l-‘Green New Deal’ tingħata prijorità speċjalment meta jidher li fis-snin li ġejjin l-opportunitajiet f’dawn l-oqsma, bħall-produzzjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi, se jiżdiedu. F’isem AD, insellem lill-ħaddiema kollha u lill-unjins li kemm-il darba huma protagonisti fil-kisbiet tad-drittijiet tal-ħaddiema. Fl-istess ħin nappella li hi politika li tibbilanċja prijoritajiet soċjali, ambjentali u ekonomiċi li tista’ twassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema.

No comments: