Sociologist, local councillor, activist from Malta

Saturday, May 01, 2010

Biex Jum il-Ħaddiem ma tkunx biss kommemorazzjoni

Michael Briguglio

Il-Gens Illum ’ ta’ Mejju 2010
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=3720


Kull sena niċċelebraw Jum il-Ħaddiem. Kemm-il darba, meta niddiskutu din il-ġurnata, nikkommemoraw x’ġara fil-passat, nitkellmu ftit dwar xi kwistjonijiet tal-lum, u probabbli nabbinaw it-tajjeb jew ħażin ma’ xi partit politiku jew ieħor. Almenu hekk jidhru l-affarijiet fil-midja.

Iżda naħseb li għal bosta nies, Jum il-Ħaddiem ma tfisser xejn għajr għal fatt li hi festa pubblika oħra. Ma nagħtix tort lil min jaħseb hekk, speċjalment meta qed ngħixu ħajja mgħaġġla qisha xi tellieqa kontra l-ħin, fejn irridu nlaħħqu ma’ kollox, inkluż l-għoli tal-ħajja. Apparti minn hekk, naħseb li qed jiżdiedu n-nies li ma tantx jagħtu kas x’qed tgħid il-klassi politika, u għalhekk Jum il-Ħaddiem ma jiġi jfisser xejn għajr lok ieħor għal propaganda partiġġjana.

Nixtieq tieħu l-okkażjoni u nsellem lill-eluf ta’ ħaddiema f’Malta u Għawdex, li minkejja d-differenzi ta’ bejniethom (bħal tip ta’ xogħol, paga, sess, età, nazzjonalità u oħrajn), kollha qed ibiegħu x-xogħol tagħhom għal paga.

Nixtieq insemmi xi proposti ta’ Alternattiva Demokratika, fejn nemmnu li jista’ jkun hemm bilanċ ġust u sostenibbli ta’ fatturi soċjali, ambjentali u ekonomiċi.
Bħala partit affiljat mal-partiti tal-Ħodor Ewropej, nemmnu li Malta u l-Unjoni Ewropea għandhom jadottaw ‘Green New Deal’ li toħloq xogħol ġdid u stabbli, f’setturi bħall-enerġija alternattiva, trasport pubbliku, immaniġġjar tal-iskart, informatika, u setturi oħrajn li joħolqu xogħol li permezz tiegħu ikollna ambjent aħjar.

Dan is-settur jeħtieġ jingħata iktar importanza, speċjalment meta jidher li fis-snin li ġejjin l-opportunitajiet f’dawn l-oqsma, bħall-produzzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi, se jiżdiedu. Jekk l-UE u Malta ma jaħtfux l-okkażjoni, dan se jinħataf x’imkien ieħor, u x’aktarx b’kundizzjonijiet ta’ xogħol inferjuri.

Nemmu wkoll li hemm bżonn ta’ żieda fil-paga minima f’pajjiżna, liema paga minima m’għadhiex waħda realistika meta mqabbla ma’ l-għoli tal-ħajja. Din iż-żieda għandha tkun riflessa wkoll fir-rata fis-siegħa ta’ xogħol part-time. Ma naqblux mal-Prim Ministru u ma’ sidien ta’ intrapriżi meta jgħidu li din iż-żieda twassal għal inqas kompetittività f’pajjiżna.

Wieħed għandu jkejjel l-affarijiet b’mod ħolistiku, fosthom il-produttività tal-ħaddiema, u anki l-ispejjeż żejda li qed iħallsu kumpaniji minħabba amministrazzjoni mhux professjonali, ineffiċjenza u prattiċi ħżiena tal-Gvern.

Barra minn hekk, pajjiżna m’għandux jikkompeti f’tiġrija sal-qiegħ f’bir tas-skieken, iżda għandu jimmira li jkun viċin pajjiżi oħrajn fl-UE li jirnexxilhom ikunu kompetittivi, produttivi u soċjalment ġusti fl-istess ħin.

Il-Gvern u l-imsieħba soċjali għandhom ukoll juru iktar determinazzjoni biex jiġġieldu l-pjaga tax-xogħol prekarju, liema xogħol qiegħed jiżdied fost kategoriji differenti ta’ ħaddiema b’ħiliet, snajja’ u kwalifiki differenti, ngħidu aħna biż-żieda ta’ xogħol b’kuntratt definit.

Filwaqt li hu veru li hemm min jagħżel xogħol part-time jew b’kuntratt definit minħabba prijoritajiet oħrajn f’ħajtu, ma jistax ikun li pajjiżna jibqa’ jittollera li ħaddiema ma jingħatawx dak li hu tagħhom bi dritt, bl-iskuża ta’ kompetittività. F’dan ir-rigward jeħtieġ li d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xogħol jingħata iktar setgħa biex jinvestiga każijiet ta’ sfruttar fuq il-ħaddiem.

Ma jistax ikun lanqas li ħaddiema jiġu mġiegħla jaħdmu s-sahra anki kontra r-rieda tagħhom, u għalhekk naqblu li pajjiżna jadotta l-working time directive, li tistabbilixxi l-massimu ta’ kemm jista’ jinħoloq xogħol, bil-għan li jonqos l-isfruttar u jkun hemm iktar opportunitajiet ta’ xogħol għal ħaddiema qegħda. F’dan ir-rispett, aħna nappoġġjaw il-pożizzjoni tal-Partiti tal-Ħodor Ewropej, tal-Konfederazzjoni tal-Unjins Ewropej u tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar ix-Xogħol.

Pajjiżna jeħtieġ ukoll politika tax-xogħol li hi iktar favur il-familja. Bir-retorika kollha tal-Gvern, pajjiżna joffri fost l-inqas drittijiet u opportunitajiet lill-forom varji ta’ familji li għandhom it-tfal. Biżżejjed wieħed isemmi l-ammont minimu ta’ leave tal-ġenituri u n-nuqqas ta’ politika ħolistika u komprensiva dwar iċ-childcare centres, fejn ġenituri jkunu jistgħu jibbilanċjaw ir-responsabilitajiet ta’ ġenituri mal-attività tagħhom fl-isfera pubblika, bħax-xogħol. Tajjeb insemmu wkoll li ħafna drittijiet li għandhom ħaddiema fis-settur pubbliku huma nieqsa għal kollox fis-settur privat.

F’dan ir-rigward tajjeb ukoll li jinħolqu indikaturi li jagħtu valur lix-xogħol li għalih m’hemmx ħlas. Dan jinkludi xogħol fid-dar, xogħol ta’ ħarsien ta’ nies vulnerabbli, u xogħol volontarju. Ikun tajjeb jekk il-Gvern jintroduċi politika fiskali u miżuri inklussivi li jippremjaw lil min jagħmel dan ix-xogħol, li hu tant meħtieġ għas-soċjetà.

Tajjeb ukoll li bħalma l-ETC tipprovdi programmi ta’ taħriġ għal kategoriji differenti ta’ ħaddiema (anzjani, żgħażagħ u oħrajn), ikun hemm ukoll l-istess tip ta’ sensibilità fil-politika soċjali tal-Gvern f’oqsma varji relatati max-xogħol.
F’isem Alternattiva Demokratika nsellem lill-ħaddiema kollha u lill-unjins li kemm-il darba huma protagonisti fil-kisbiet tad-drittijiet tal-ħaddiema. Fl-istess ħin, nappella li hija politika li tibbilanċja prijoritajiet soċjali, ambjentali u ekonomiċi li tista’ twassal għal titjib sostenibbli fil-qagħda tal-ħaddiema.

Michael Briguglio huwa ċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika – The Green Party

www.alternattiva.org.mt

www.michaelbriguglio.com

No comments: