Sociologist, local councillor, activist from Malta

Saturday, April 10, 2010

Mega-proġett ieħor f'Tas-Sliema

Michael Briguglio

10 ta'April 2010
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=3308


Jidher li m’hemmx waqfien għall-iżvilupp ta’ mega-proġetti ta’ żvilupp fi Qui-si-sana u Tignè, f’Tas-Sliema. Apparti l-iżvilupp massiv tal-proġett tal-MIDI u Fort Cambridge, hemm ukoll proposta ta’ żvilupp ta’ Townsquare. L-iżvilupp jikkonsisti minn żvilupp kummerċjali u residenzjali, kif ukoll parkeġġ.

Oriġinarjament, il-proposta ta’ żvilupp ta’ Townsquare, li saret numru ta’ snin ilu, kienet tidher pożittiva, speċjalment minħabba li kienet se żżid żoni pedonali f’Tas-Sliema, li hi karatterizzata minn konġestjoni ta’ traffiku u tniġġiż tal-arja.
Iżda eventwalment, l-iżvilupp propost sar wisq estensiv. Huwa veru li t-torri ta' 32 sular se jiġi mnaqqas għal 23 sular, iżda dan huwa ferm iktar għoli mill-15-il sular li kienu indikati oriġinarjament.

Barra minn hekk, bini ieħor fl-istess żvilupp se jogħla. Studji kkummissjonati mill-iżviluppaturi juru li l-iżvilupp se jwassal għal iktar dellijiet fuq partijiet mill-promenade ta' Qui-si-sana u fuq partijiet mill-baħar u mill-blat, u se jkollu impatt negattiv fuq il-veduta, li diġà se jkollha impatt negattiv bl-iżvilupp ta' Fort Cambridge u l-MIDI fil-viċin.

Id-dellijiet tat-torri fuq id-djar tan-nies se jfisser li min investa f’apparat li juża l-enerġija mix-xemx qisu rema l-flus fil-baħar, għax issa għalih ix-xemx qisha ma teżistix. B’id waħda l-Gvern jinkoraġġik tinvesti f’sistemi ta’ enerġija alternattiva u bl-id l-oħra (il-MEPA) jarmi kollox il-baħar!

Il-proposti ġodda mressqa mill-iżviluppaturi mhumiex suffiċjenti sabiex jiġu protetti d-drittijiet tar-residenti u se jwassal għal iktar problemi ambjentali bħat-tniġġiż u konġestjoni tat-traffiku f'Tas-Sliema. Għalhekk, Alternattiva Demokratika oġġezzjonat mal-MEPA, fejn għedna li l-iżvilupp se jikkonsisti minn wisq żvilupp u pressjoni fuq is-servizzi, impatt negattiv fuq it-traffiku, u iktar tniġġiż tal-arja u ħsejjes. Dan se jaffetwa b'mod negattiv is-saħħa tan-nies.

F’dan il-kuntest, wieħed ma jistax ma jsemmix il-fatt li, sfortunatament, il-MEPA tqis kull proposta ta’ żvilupp b’mod individwali, minflok b’mod ħolistiku. Dan qed iwassal għal nuqqas serju ta’ pjanar u jmur kontra l-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli, li jikkunsidra fatturi soċjali, ambjentali u ekonomiċi b’mod ħolistiku.

Per eżempju, il-MEPA ma tantx tidher li qed tagħti importanza għall-fatt li Malta diġà għandha madwar 60,000 binja residenzjali vojta. Ma tantx jidher li l-MEPA jimpurtaha li l-konġestjoni tat-traffiku se tiżdied, u dan aktarx li se jwassal biex
Malta tkun qed tikser direttivi tal-UE dwar il-kwalità tal-arja.

Tas-Sliema diġà qed tesperjenza żieda qawwija ta’ traffiku permezz tal-ftuħ tal-kumpless kummerċjali ‘The Point’ f’Tignè – aħseb u ara x’inhu ġej la jkunu lesti l-kumplessi residenzjali fl-iżvilupp tal-MIDI, Fort Cambridge u Townsquare!
Ikun tajjeb jekk il-MEPA u Transport Malta jinfurmaw lill-pubbliku minn fejn se jgħaddi dan it-traffiku kollu. Ikun tajjeb, ukoll, jekk il-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema jitkellem dwar dawn il-problemi, u mhux bis-skiet tiegħu jappoġġja lill-iżviluppaturi għax m’hemmx elezzjonijiet fil-viċin.

Iżda, fl-aħħar mill-aħħar, ikun tajjeb ukoll li nirrikonoxxu li d-deċiżjonijiet tal-MEPA huma influwenzati mhux ftit minn ideoloġija li tpoġġi l-kostruzzjoni l-ewwel u qabel kollox, liema ideoloġija hija mbuttata minn interessi kummerċjali u mill-Gvern.

Ma naħsibx li Membri tal-Parlament Nazzjonalisti huma wisq kredibbli meta jgħidu lill-kostitwenti tagħhom li l-MEPA hi tort ta’ kollox – meta l-istess MEPA hi karatterizzata minn indħil kontinwu. Ir-riforma tal-MEPA mhux se tbiddel l-istrutturi li permezz tagħhom jittieħdu d-deċiżjonijiet. Għal darb’oħra nindunaw li l-aħjar arma biex jinbidlu l-affarijiet hi dik tal-vot. Ejja nużawha!

www.alternattiva.org.mt

Michael Briguglio huwa ċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika – The Green Party

No comments: