Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Thursday, March 11, 2010

L-għajtiet tal-ambjentalisti

minn Michael Briguglio, Ċerpersin Alternattiva Demokratika

L-orizzont, 10 ta’ Marzu 2010
http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=61083

Nhar is-Sibt li ġej numru ta’ għaqdiet tal-ambjent se jorganizzaw dimostrazzjoni il-Belt Valletta, fl-10.00 a.m. L-għaqdiet qegħdin jargumentaw li l-Prim Ministru mhux qed jagħti widen lill-appelli tagħhom għall-protezzjoni tal-ambjent urban u rurali, u li l-MEPA qiegħda tgħawweġ ir-regoli għall-benefiċċju ta’ interessi privati għad-detriment tal-interess nazzjonali.

Bħala attivist li ili 16-il sena sħaħ involut fl-oqsma ambjen¬t¬ali u soċjali, nappoġġja din il-pro¬¬testa, u se nkun wieħed fost numru ta’ attivisti oħrajn tal-AD¬¬ li se nipparteċipaw. Iżda rrid nagħmilha ċara li AD m’għandha l-ebda konnessjoni mal-organizzazzjoni ta’ din l-attività. Fil-fatt, bosta għaqdiet ambjentali jippreferu ma jidhrux ma’ partiti politiċi.

Personalment, filwaqt li nirrispetta l-fatt li bosta ambjentalisti ma jridux jiġu ttimbrati li jippreferu partit minn ieħor, ma naqbilx ma din il-pożizzjoni, peress li nemmen li l-ambjent hi kwistjoni politika.

Huwa ċar li AD hi l-uniku partit konsistenti u kredibbli f’dan il-qasam – l-istess bħalma huma l-Partit tal-Ħodor Ewropej. Din tal-aħħar mhux jien qed ngħidha, iżda qiegħda tgħidha l-għaqda Friends of the Earth wara li għamlet studju dwar kif jivvutaw id-deputati tal-partiti varji fil-Parlament Ewropew.

Hija ċara wkoll li biex ikollna politika verament sostenibbli fil-qasam ambjentali, irid ikun hemm tibdil politiku. Dan jinkludi mhux biss tibdil fil-liġijiet u fil-mod kif isir l-ippjanar u l-infurzar, iżda wkoll rifor¬-ma fil-liġi elettorali u liġijiet serji dwar l-iffinanzjar tal-partiti. Fis-sitwazzjoni preżenti, ir-rabtiet tal-poter bejn interessi ekonomiċi u politiċi huma ta’ dannu mhux biss għall-ambjent, iżda wkoll għad-demokrazija ta’ pajjiżna.

Iżda, kif diġà għidt, jien nirrispetta l-pożizzjoni ta’ dawk l-ambjentalisti li ma jridux jidhru qishom qegħdin jiffavorixxu lil xi partit jew ieħor, anke jekk tajjeb ngħidu li hemm ambjentalisti oħrajn – kemm għaqdiet kif ukoll individwi – li jaħsbuha mod ieħor.

Nappoġġja lill-ambjentalisti fil-kwistjonijiet li qegħdin iqajmu biex jiġġustifikaw id-dimostrazzjoni. Fost affarijiet oħrajn, dawn jinkludu:

Abbuż fuq siti “Natura 2000” bħal Fomm ir-Riħ, il-Baħrija u Ta’ Baldu, liema siti ma jippermettux ċertu tip ta’ żvilupp;

Żvilupp bla rażan, saħansitra fuq siti ODZ fejn mhux permess żvilupp. Kien biss ftit tal-ġranet ilu li l-MEPA approvat estensjoni tal-lukanda Sea Bank fil-Mellieħa. Jidher li l-kliem tal-Prim Ministru Gonzi kontra żvilupp fuq art ODZ hu biss kliem u xejn iktar;

Il-kaċċa u nsib illegali. Hawnhekk, il-PN u l-PL qed jagħmlu disprezz kbir lill-għasafar u lill-ambjent billi jippruvaw jingħoġbu ma’ kulħadd. Jekk Malta tibda taqla’ l-multi mill-UE minħabba kaċċa fir-rebbiegħa, min se jħallas?

It-tniġġiż tal-arja. L-iżvilupp ta’ power station f’Dellimara se jżid din il-problema, flimkien ma’ problemi oħrajn fosthom id-dħaħen mill-karozzi, għad-detriment tas-saħħa tan-nies;

L-estrazzjoni ta’ ilma ġieri mingħajr kontroll. Malta hija wieħed mill-iktar pajjiżi niexfa fid-dinja, iżda l-Gvern jibqa’ jippermetti li jiġi estratt ilma ġieri, saħansitra biex xi kumpaniji jbigħu ‘soft drinks’ u ilma jew biex jintuża f’xi lukandi jew f’xi swimming pools. Opinjoni esperta tisħaq li Malta qiegħda tirriskja li titlef dan l-ilma fi żmien 15-il sena jekk ma jsir xejn f’dan ir-rigward. Għalhekk, hemm bżonn pjan ħolistiku u sostenibbli f’dan il-qasam;

Hemm ukoll kwistjonijiet oħrajn bħall-isfreġju ta’ wirt kulturali u nuqqas ta’ konsultazzjoni pubblika sura ta’ nies. Biex ma nsemmux it-theddid ta’ żvilupp f’Għawdex, inkluż l-iżvilupp ta’ yacht marina f’Ħondoq ir-Rummien u ta’ airstrip – fejn, għal darb’oħra, hi biss Alternattiva Demokratika li qiegħda titkellem b’mod konsistenti kontra dan l-iżvilupp u favur soluzzjonijiet sostenibbli li jipproteġu l-ambjent u joħolqu x-xogħol.

Iva, nistgħu nipproteġu l-ambjent u noħolqu x-xogħol – l-hekk imsejħin ‘green jobs’ – liema strateġija hija pilastru tal-politika tal-Ħodor. Biżżejjed wieħed jaħseb kemm jista’ jigi ġġenerat xogħol f’oqsma ambjentali bħall-enerġija nadifa, it-trasport pubbliku, l-immaniġġjar tal-iskart u l-eko-turiżmu.

Insomma, kemm se nkomplu nissaportu l-assedju fuq l-ambjent Malti? Sfortunatament ma jidhirx li r-riforma tal-MEPA se ttejjeb l-affarijiet – kif diġà kkummenta l-Perit Carmel Cacopardo f’artiklu f’l-orizzont fl-24 ta’ Frar ta’ din is-sena.

Għalhekk, nappella lil dawk kollha li jridu jagħtu messaġġ li l-ambjent Malti mhux għall-bejgħ billi jipparteċipaw fid-dimostrazzjoni nhar is-Sibt.

www.alternattiva.org.mt

No comments: