Sociologist, local councillor, activist from Malta

Sunday, March 07, 2010

Airstrip f'Għawdex - jeżistu alternattivi!

Michael Briguglio

Il-Gens Illum 6 ta' Marzu 2010
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=2643


Kultant żmien, fl-isfera pubblika terġa’ tqum il-kwistjoni tal-airstrip f’Għawdex. Il-Gvern Nazzjonalista kemm-il darba ppropona jew imbotta ’l quddiem dan l-iżvilupp, iżda f’dawn l-aħħar snin jidher li mewwet il-kwistjoni, almenu fil-pubbliku.

Fil-kamp Laburista, l-istrateġija ‘progressiva u moderata’ ta’ Dr Joseph Muscat qed tikkunsidra dan l-iżvilupp mill-ġdid – almenu hekk ġie rrapportat li qal Roderick Galdes fil-MaltaToday, nhar il-Ħadd li għadda. B’hekk jidher li l-Partit Laburista, qed imur lura minn proposta elettorali tiegħu tal-1987, liema proposta kienet ġiet imwarrba mit-tmexxija ta’ Dr Alfred Sant fl-1996, avolja fl-2008 il-Partit Laburista kellu pożizzjoni ambigwa dwar dan l-iżvilupp, fejn jidher li kien favur u kontra fl-istess ħin. Tgħid il-PL biddel ir-rotta biex jintogħġob ma’ interessi kbar privati f’Għawdex?

Huwa ċar li Alternattiva Demokratika hi l-uniku Partit b’pożizzjoni ċara fuq din il-kwistjoni, l-istess bħalma Alternattiva hija l-uniku partit konsistenti favur id-difiża ta’ Ħondoq ir-Rummien, u Ta’ Ċenċ minn żvilupp qerriedi. AD dejjem kienet konsistenti ukoll biex tiġi ssalvagwardjata art minn żvilupp f’postijiet bħar-Ramla l-Ħamra.

Fid-disgħinijiet, Alternattiva Demokratika kienet mexxiet protesti kontra l-airstrip, flimkien ma’ għaqdiet ambjentali. Dan ma sarx b’kapriċċ, iżda minħabba li hu ċar li dan it-tip ta’ żvilupp jista’ jkollu impatt aktar negattiv milli pożittiv.

Qabel ma jkun hemm min jipprova jieħu kapital minn dan l-iżvilupp propost, ikun tajjeb li jkun hemm analiżi tal-impatt soċjali, ambjentali u ekonomiku ta’ dan l-iżvilupp, kif ukoll ta’ żvilupp ieħor li jista’ jsir biex itejjeb l-aċċess bejn Malta u Għawdex.

Din l-analiżi għandha tqabbel għażliet bħall-iżvilupp ta’ pont bejn Malta u Għawdex, l-iżvilupp ta’ airstrip; l-użu ta’ ajruplani tal-baħar li jistgħu jiżbarkaw f’postijiet differenti f’Għawdex; u, l-aħħar u mhux l-inqas, titjib fit-trasport bil-baħar bejn Malta u Għawdex, per eżempju permezz tar-ri-introduzzjoni tal-hydrofoil, li kien użat anki fil-passat.

Alternattiva Demokratika temmen li r-raba’ għażla – jiġifieri titjib fit-trasport bil-baħar bejn Malta u Għawdex – tkun l-aħjar waħda, minħabba li ma toħloqx l-impatti negattivi ambjentali u soċjali li jistgħu jġibu magħhom il-proposti l-oħra rispettivament.

Tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li airstrip tagħmel ħsara ambjentali kbira, minħabba li tiġi żviluppata fuq art agrikola, toħloq impatt kbir ta’ ħsejjes, u ġġib magħha iktar żvilupp anċillari bħal dak ta’ parkeġġ u ta’ toroq.

Dawk favur airstrip għandhom jispjegaw kif se jinġieb il-finanzjament ta’ dan it-tip ta’ żvilupp, u jekk dan jistax ikun vijabbli mingħajr sussidji kbar mill-fondi pubbliċi.

Fuq kollox, għandhom jispjegaw min se jibbenefika minn dan it-tip ta’ żvilupp, u jekk il-flus li jintefqu għalih jistgħux jintużaw aħjar għal affarijiet oħra – ngħidu aħna, għall-istrateġija ta’ Eko-Għawdex.

Appoġġ għall-iżvilupp ta’ airstrip f’Għawdex hija eżempju ieħor ta’ politika rħisa li tipprova tingħoġob ma’ kullħadd. Iżda għal dan, l-Għawdxin u l-Maltin ikollhom iħallsu prezz għali. U ħa ngħiduha kif inhi. Jagħmel sens li Għawdex tiġi żviluppata bl-istess mod bħal Malta?

www.alternattiva.org.mt



Michael Briguglio huwa Chairperson Alternattiva Demokratika – The Green Party

No comments: