Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Friday, February 19, 2010

Manifestazzjoni 28 ta’ Frar: F’demokrazija l-poplu bi dritt isemma’ leħnu


Manifestazzjoni 28 ta’ Frar: F’demokrazija l-poplu bi dritt isemma’ leħnu
– Michael Briguglio, Ċermen AD
minn John Pisani

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=60546
L-Orizzont 29 ta' Frar 2010


Id-demokrazija jew qegħda hemm għal kulħadd jew ma tistax tissejjaħ demokrazija sħiħa u la ma hemmx djalogu n-nies m’għandhomx għażla oħra ħlief li jipprotestaw fit-toroq, qal iċ-Ċermen tal-Alternattiva Demokratika, Michael Brigulio.

Ilbieraħ l-Alternattiva Demokratika kkonfermat li se tieħu sehem fil-Manifestazzjoni tal-Ħadd, 28 ta’ Frar, waqt laqgħa li kellhom ma’ uffiċjali tal-Għaqda Unions Maltin fil-Mosta li għaliha kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Tony Zarb, flimkien mal-President Victor Carachi u l-Viċi-President Edmond Cefai kif ukoll rappreżentanti minn unjins oħrajn.

Michael Brigulio qal li bħala Alternattiva, b’vot unanimu ġiet aċċettata l-istedina biex tipparteċipa fil-Manifestazzjoni tat-28 ta’ Frar. Huwa qal li meta l-ġimgħa l-oħra kien mistieden fil-Kungress tas-CMTU, fid-diskors tiegħu appellalhom biex ikun hemm għaqda bejn l-unjins u biex jappoġġjaw is-sejħa tal-Għaqda Unjins Maltin.

Iċ-Ċermen tal-AD qal li għalhekk jaqblu ma’ din il-Manifestazzjoni għax il-Gvern għaddej bħal gaffa fuq kulħadd u ma jrid jisma’ lil ħadd. Hu qal li l-AD għamlet diversi appelli lill-Gvern li spiċċaw fuq widnejn torox u għalhekk fejn id-djalogu ma jistax isir, in-nies m’għan-dhomx għażla oħra ħlief li jipprotesaw fit-toroq. Qal li din hi għodda neċessarja f’kull demokrazija. Briguglio qal li kull min jikkritika din il-ħaġa allura ma jafx xi tfisser demokrazija, għax demokrazija hi proprju l-vuċi tal-poplu.


Min qed jgħajjar lin-nies għax se jmorru jsemmgħu leħinhom, ma jistax jissejjaħ demokratiku ta’ veru, saħaq Briguglio. Qal li jidher biċ-ċar li l-maġġoranza assoluta tal-għaqdiet tas-soċjetà ċivili qegħdin jappoġġjaw din il-manifestazzjoni.

Kevin Bonello mill-MUT, f’isem l-Għaqda Unions Maltin, irringrazzja lill-uffiċjali tal-Alternattiva Demokratika talli bħala partit politiku aċċettaw l-istedina u li se jipparteċipaw fil-Manifestazzjoni tat-28 ta’ Frar. Għal Għ.U.M. din hi importanti mhux biss għax qegħdin jappoġġjawhom imma wkoll għax din hi manifestazzjoni minn kulħadd għal kulħadd, u mhix manifestazzjoni b’għan politiku jew xi skop partiġġjan kif ċerti sezzjonijiet qegħdin ipinġuha, qal Bonello.

Fakkar li l-Għ.U.M. hi għaqda ta’ unjins li tirrappreżenta ħafna ħaddiema Maltin, u fil-fatt tirrappreżenta 65% tal-ħaddiema li huma f’unjin. Fi ħdanha tiġbor żewġ konfederazzjonijiet minn tlieta li hawn f’Malta, il-Konferazzjoni tal-Forum u l-GWU. Bonello qal li meta tniediet l-għaqda, l-istedina kienet u għadha miftuħa għal kulħadd, iżda l-konfede-razzjoni l-oħra għażlet li ma tipparteċipax.

Kevin Bonello saħaq li fejn jidħol id-djalogu dan jidher li falla. Bħala Għaqda Unions Maltin talbu kemm-il darba biex jiltaqgħu ma’ nies kompetenti f’dan il-qasam u laqgħa mal-PM Gonzi. Iżda s’issa l-PM għadu ma aċċettax u minflok bagħathom jiltaqgħu mal-Awtorità tar-Riżorsi (MRA) u għand l-Awdituri. Bonello qal li għadhom kif talbu laqgħa mal-MRA biex jippreżentaw il-porposti tagħhom, imma min-naħa tal-MRA ma aċċettawx. Għaldaqstant id-djalogu ma sarx. Minn barra hekk fil-post fejn suppost isiru d-diskussjonijiet, l-MCESD, din it-tema tat-tariffi tad-dawl u l-ilma ma ġietx diskussa, għax kif qalet tajjeb ħafna l-GWU id-djalogu kien bir-‘reverseŻ kif ikkonferma l-PM li ma kienx lest li jbiddel it-tariffi. Semma wkoll li fl-MCESD l-Għ.U.M. ma ġietx aċċettata u għalhekk ma tistax issemma leħinha hemmhekk u għaldaqs-tant jidher biċ-ċar li d-djalogu mhux jaħdem.

Bonello ppreżenta rapport kkummissjonat u sar minn diversi esperti fl-enerġija u l-ekonomija. Ir-rapport juri affarijiet serjissimi li se jeffettwaw ħażin il-familji li se jkollhom żieda ta’ 31% fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u oqsma oħrajn.

Bonello qal li l-Manifestazzjoni torbot li fid-djalogu m’aħniex naslu speċjament fuq din il-kwistjoni u tiġbor l-inkwiet serju li għandhom il-ħaddiema għax bit-tariffi kif se jiġu introdotti, hemm biża’ li apparti li se jintlaqtu l-familji ħażin, se jintlaqtu wkoll dawk li jħaddmu u għalhekk jekk il-konsumatur mhux se jibqagħlu flus biex jonfoq, min iħaddem mhux se jdaħħal il-flus.

Fl-aħħar nett Bonello qal li bħala trejdunjunisti, li l-kunsilli kollha fi ħdan l-Għ.U.M. kollha qablu li jipparteċipaw f’din il-manifestazzjoni, ma jistgħux joqogħdu gallarija u b’idejhom marbutin u jgħidu li niddiskutu madwar il-mejda, meta madwar il-mejda mhumiex mistednin. “Inkunu irresponsabbli jekk ma nagħmlu xejn,” temm Bonello, f’isem l-Għ.U.M.

Sadanittant aktar kmieni filgħodu l-Għ.U.M. kellha laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ u l-Intrapriża fil-Belt. Fi tmiem il-laqgħa l-President tal-MUMN, Paul Pace, qal li r-rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ u l-In-trapriża wrew it-tħassib tagħ-hom dwar il-piżijiet li għandhom il-ħaddiema, fosthom il-pressjonijiet interni li qegħdin ikollhom fuq il-post tax-xogħol. Qal li l-Kamra tal-Kummerċ uriet is-simpatija tagħha għall-protesta nazzjonali u qalet li se tkun qiegħda ssegwi dak kollu li qiegħed jiġri fil-pajjiż b’rabta mal-kwistjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma.

No comments: