Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Saturday, January 30, 2010

Tipjip, saħħa u sigurtà

Michael Briguglio

http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=2003
Il-GensIllum 30 ta' Jannar 2010


Minn Jannar tal-2013, it-tipjip se jkun projbit fil-postijiet pubbliċi kollha f'Malta. Il-kmamar disinjati għat-tipjip fi stabbilimenti, bħal ristoranti, lanqas mhuma se jkunu permessi.

Mingħajr tlaqliq ngħid li Alternattiva Demokratika tappoġġja l-liġijiet il-ġodda dwar it-tipjip, li huma avvanz fuq il-liġijiet li jeżistu s’issa. F’pajjiżna sirna iktar konxji mill-ħsara kbira li jikkawża t-tipjip, kemm fuq min ipejjep iżda anki fuq dawk li jkunu viċin min ipejjep.

Sirna konxji li mard bħall-kanċer, attakki tal-qalb u oħrajn jistgħu jkunu kkawżati mit-tipjip. Saħansitra l-ġilda tal-bniedem tista’ titkemmex iktar permezz tat-tipjip. Mhux qed ngħid dawn l-affarijiet biex nippromwovi xi forma ta’ nanny state li jiddetta lin-nies kif għandhom jgħixu, iżda għaliex huwa pprovat li t-tipjip jagħmel ħsara wkoll lil min ikun viċin min ipejjep.

Tajjeb wieħed josserva x-xejriet dwar it-tipjip f’Malta.

Statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, (fil-Lifestyle Survey 2007 - http://www.nso.gov.mt/statdoc/document_view.aspx?id=2421 ) turi li madwar 26 fil-mija ta’ dawk fuq it-18-il sena jpejpu. L-iktar grupp li fih wieħed isib nies li jpejpu hu dak ta’ nies li għandhom bejn il-25 u l-34 sena, b’persentaġġ ta’ 42 fil-mija.

L-istatistika turi wkoll li persentaġġ ta’ nies li jpejpu huwa maqsum b’mod ekwu f’kull reġjun ta’ Malta, u li dawk b’edukazzjoni sekondarja għandhom tendenza li jpejpu iktar minn gruppi oħrajn, jiġifieri 34 fil-mija, iżda dawk b’edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja mhumiex wisq ’il bogħod, jiġifieri 27 fil-mija u 23 fil-mija rispettivament. Nies li huma separati, divorzjati jew annullati huma fost dawk l-iktar li jpejpu, b’persentaġġ għoli ta’ 61.5 fil-mija.

L-istatistika turi wkoll ix-xejriet differenti bejn irġiel u nisa u turi l-medja ta’ sigaretti li jpejpu kuljum gruppi differenti ta’ nies. Ta’ min jinnota li filwaqt li madwar 34 fil-mija ta’ l-irġiel ipejpju, il-persentaġġ għan-nisa huwa ta’ 19 fil-mija. Saħansitra 49 fil-mija ta’ l-irġiel u 34 fil-mija ta’ nisa bejn il-25 u l-34 sena jpejpu.

Ir-riforma fil-liġijiet dwar it-tipjip f’postijiet pubbliċi hija pożittiva wkoll għaliex tiddefendi d-drittijiet tal-passive smokers, jiġifieri dawk li jaħdmu u jiffrekwentaw postijiet pubbliċi. Hija pożittiva wkoll minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, fejn jonqos ir-riskju ta’ nar minħabba s-sigaretti. Kultant tidħol fi stabbiliment u tinduna li jekk ikun hemm nar, m’hemmx biżżejjed faċilitajiet biex jissalvagwardjaw lil min jinqabad ġewwa!

Iżda ta’ min wieħed jinnota li, filwaqt li fil-preżent jidher li t-tipjip inqata’ f’postijiet pubbliċi, bħal ristoranti, ma jistax jingħad l-istess għal xi stabbilimenti bħal nightclubs u bars u f’attivitajiet ta’ divertiment bħal kunċerti u parties.

F’numru ta’ stabbilimenti t-tipjip għadu għaddej qisu xejn m’hu xejn, u jidher li mhux qed ikun hemm biżżejjed infurzar tal-liġi, kemm dwar tipjip kif ukoll dwar sigurtà f’każ ta’ nar. Dan hu inġust mhux biss għal min ma jpejjipx u għal min jaħdem f’dawn l-istabbilimenti, iżda wkoll għal sidien ta’ stabbilimenti oħrajn li, b’responsabilità, jimxu mal-liġi.

Żgur ikun għaqli u ġust jekk l-awtoritajiet konċernati jiżguraw li l-liġi dwar it-tipjip tgħodd għal kulħadd!



Michael Briguglio huwa ċ-Chairperson Alternattiva Demokratika The Green Party - www.alternattiva.org.mt.

No comments: