Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Monday, November 09, 2009

Satellita ta’ ħadd

Michael Briguglio intervistat minn Gaetano Micallef
L-Orizzont 9 ta' Novembru 2009
http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=58040



Hawn lok għat-tielet partit f’Malta?

Qabel is-sittinijiet kien hemm it-tielet partit imma mbagħad bdew jisparixxu. Imma jekk wieħed jara x-xenarju politiku llum naħseb li hawn lok għat-tielet partit. Speċjalment meta l-partiti l-kbar, minkejja li jikkritikaw lil xulxin, għandhom ħafna affarijiet simili għal xulxin u l-politika tagħhom ma tantx tvarja.

Ħafna drabi l-partiti l-kbar jippruvaw jintogħġbu ma’ kulħadd għax iridu l-maġġoranza biex jitilgħu fil-Parlament. Issa meta inti tipprova tingħoġob ma’ kulħadd b’mod inevitabbli se jkun hemm min ma togħġbux. U naħseb li hemmhekk qiegħed l-ispazju għall-AD. Mhux spazju fis-sens li int tipprova tattira lejk kull min hu mdarras mill-Gvern jew l-Oppożizzjoni imma tipprova tattira gruppi soċjali li qegħdin iħossuhom imwarrba mingħajr ma twarrab il-prinċipji tiegħek.

Mhux faċli għax jekk tifli l-kultura Mal-tija ta’ kif jivvotaw in-nies tara li matul is-snin aktar kien hemm it-tendenza li bniedem jaqleb minn partit kbir għal partit ieħor kbir milli għal wieħed żgħir. Erħilha li fl-aħħar elezzjonijiet rajna fenomenu ġdid… il-kategorija ta’ nies li ma jivvutawx. Li dejjem qiegħda tikber.

Issa l-isfida tagħna hi li nipprovaw inġibu nies lejna flok jaqilbu minn partit għal ieħor jaqilbu lejna u nattiraw nies li m’huma jivvutaw lil ebda partit.



L-AD ilha mwaqqfa 20 sena imma għajr għall-ewwel elezzjoni tal-Parlament Ewropew qatt m’attirat il-vot tan-nies. Għaliex?

Jien inpoġġiha mod ieħor… l-AD qatt ma telgħet fil-Parlament. U hawn min jaqta’ qalbu minħabba f’hekk.

Imma kultant l-ammonti ta’ voti li ġġib l-AD ikunu aktar mid-differenza tal-voti bejn iż-żewġ partiti l-kbar. Fl-aħħar elezzjoni ġenerali l-PN ġab mal-1,500 vot aktar mill-PL… l-AD ġabet madwar 4,000 vot. Għandna saħħa li s’issa qatt ma wżajniha biżżejjed. U rridu nibdew nużawha aktar. Il-vot tagħna jaf jiddetermina elezzjoni ġenerali.

Wieħed mill-messaġġ tiegħi huwa li ħadd m’għandu jeħodna ‘for granted’. Is-saħħa żgħira li għandna rridu nużawha b’mod intelliġenti.

Mhux li nagħmlu ‘hijack’ tal-politika Maltija… dik la naqblu magħha u lanqas jaqblilna għax darb’oħra n-nies ma tivvotalnix.



F’liema sens tużaw is-saħħa li għandkom?

Il-politika hija ibbażata fuq kif il-prinċipju tiegħek twasslu bl-aħjar mod. Per eżempju, tista’ tinnegozja għal ċertu affarijiet.

Meta Malta daħlet fl-UE l-appoġġ tal-AD kien kruċjali. Ir-referendum u l-elezzjoni ġenerali ma ntrebħux b’xi marġini ta’ barra minn hawn.

L-appoġġ tagħna kien importanti ħafna u tneħħi l-aħħar ġimgħa l-PN żiegħel bl-AD mhux ħażin. Dik hija s-saħħa li l-AD tista’ tuża bħalma jużawha l-partiti ż-żgħar fl-UE.

Irrid nagħmilha ċara li m’aħna s-satellita ta’ ħadd. Għax hawn min qiegħed jgħid li l-AD kienet is-satellita tal-PN fi żmien l-UE u issa qiegħed jipprova jagħti l-impressjoni li sirna s-satellita tal-PL.

L-għan tagħna huwa li l-politika Green, għax il-kelma Ħadra ma tantx tinstema sabiħa, timxi ’l quddiem.

Ħa nużaw il-mezzi disponibbli għalina biex nimxu ’l quddiem imma ma nistgħux ngħidu minn qabel x’inhu- ma għax fil-politika tinnegozja u tara x’inhu l-aħjar għan biex twassal il-politi- ka tiegħek.

Nemmnu wkoll li l-elezzjoni ġenerali m’hijiex il-bidu u t-tmiem ta’ kollox. Waqt li hi importanti ħafna, u aħna nixtiequ nkunu fil-Parlament, nemmnu li l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u dik tal-Parlament Ewropew huma importanti daqsha wkoll.

L-istrateġija tagħna mhux se tkun iffukata biss fuq l-elezzjoni ġenerali. Imma ma nistax ngħidlek “ħa nagħmlu hekk”.

Ebda partit m’għandu ‘blue print’ ta’ x’se jagħmel. Min qatt issopona li fil-PL kienet se tidħol Marisa Micallef? Jew min qatt issopona li fl-aħħar elezzjoni l-PN kien se jagħti l-impressjoni li huwa l-partit tal-ambjentalisti?

Għalija kienet impressjoni falza imma hekk għamel il-PN u kienet waħda mir-raġuni għaliex rebaħ l-elezzjoni ġenerali.



Hawn min jgħid li l-AD aħjar baqgħet ‘pressure group’ bħalma kienet fil-bidu milli saret partit politiku. Taqbel?

Le. Kieku l-AD baqgħet ‘pressure group‘ kienet tmut. Għandi rispett kbir lejn l-għaqdiet ambjentali għax kienu influwenti ħafna biex fil-pajjiż sar ċertu tibdil imma mill-esperjenza tiegħi bħala Kunsillier f’Tas-Sliema l-aktar ħaġa li ċċaqlaq l-affarijiet hija l-vot.




F’Tas-Sliema l-PN warrab l-idea tal-parkeġġ fi Qui-Si-Sana u waħda mir-raġunijiet kienet proprju għax il-PN beda jibża’ li l-AD se tissaħħaħ aktar. U filli kellek kunsill li kien favur il-parkeġġ u filli l-kunsill ta’ warajh bidel id-diska.

Is-saħħa tagħna hi l-vot. Fl-aħħar mill-aħħar l-unika ħaġa li partit kbir jibża’ minnha huwa l-vot.

U għalhekk il-partiti l-kbar jagħmlu ħafna kompromessi ma’ ċertu sezzjonijiet tas-soċjetà. Per eżempju, il-PL se jagħmel sezzjoni għall-gays.

Xi ħaġa pożittiva imma ma kinietx ko-inċidenza li l-PL għamel stqarrija stampa dwarha jumejn wara li sirt Ċerpersin tal-AD? Għax waħda mill-‘key issues’ li semmejt dakinhar kienet li aħna l-unika partit li nitkellmu b’mod konsistenti fuq il-gays. Forsi l-PL ra li l-vot tal-gays mhux bil- fors se jmur għandu u beża’ li se jiġu għandna.

Għalhekk nemmen li kieku l-AD tkun ‘pressure group’ ma jkunx hemm lokha. Għax diġà hemm ‘pressure groups’ oħrajn. L-AD is-saħħa tagħha hija l-vot. Dik hija l-arma li dejjem użajna u li beħsiebna nużaw aktar.



Wara l-PL, l-AD kien it-tieni partit li għażel żagħżugħ fit-tmexxija tiegħu. Fiduċja fiż-żgħażagħ jew tattika biex jiġu attirati ż-żgħażagħ lejn dawn il-partiti?

Naqra minn kollox. Mhux bilfors l-għażla tkun konxja. Trid tara min hu disponibbli joħroġ għat-tmexxija u lil min iridu l-membri.

U mhux bilfors għax ikun żagħżugħ. Sena u nofs ilu l-AD għażlet lil Arnold Cassola li kien żagħżugħ fl-ispirtu imma mhux daqstant fl-età. Min-naħa l-oħra ż-żgħażagħ jidher li huma l-aktar attirati lejn il-PN. Jekk tħares lejn l-aħħar elezzjonijiet tara li waħda mir-raġunijiet għaliex rebaħ kien proprju minħabba li attira ħafna żgħażagħ lejh.



Imma la Eddie Fenech Adami u lanqas Lawrence Gonzi ma kienu żgħażagħ meta rebħu l-elezzjoni?

Imma jekk tara l-Università, anke jekk din ma tirrappreżentax liż-żgħażagħ kollha, tara kif il-PN għandu saħħa tremenda fost iż-żgħażagħ. L-SDM ilu jirbaħ elezzjonijiet lanqas naf kemm… fl-aħħar elezzjoni tal-istudenti saħansitra ngħaqdu 10 għaqdiet kontrih u xorta rebħilhom.

Bl-‘issue’ tal-UE l-PN irnexxielu jattira ħafna żgħażagħ lejh mentri l-PL kien għamel awto-gowl kbir meta kien fil-Gvern u ipprova jirriforma l-istipendji. U l-PN baqa’ jużaha bħala tattika politika.

Fl-aħħar elezzjoni l-PN uża l-proposta tar-‘reception class’ biex ibeżża liż-żgħażagħ u rnexxielu wkoll jipproġetta lill-PL qisu partit kontra ż-żgħażagħ.

Wieħed mill-punti debboli tagħna fl-aħħar snin kien li ma tantx konna preżenti fuq il-Kampus jiġifieri fost l-istudenti. Dak kien nuqqas kbir tagħna.

Forsi mexxej żagħżugħ jista’ jilħaq ċertu niċeċ li ħaddieħor ma jirnexxielux. Fl-istess waqt, kif għidt int, il-PN ma kellux mexxej-ja żgħażagħ u laħaqhom. Jiġifieri kultant mhux l-età tgħodd imma kif il-partit jipproġetta lilu nnifsu.

Il-PN irnexxielu jipproġetta lilu nnifsu bħala l-partit taż-żgħażagħ erħilha li din naraha ironika ħafna għax il-PN huwa partit konservattiv ħafna… huwa partit li ma jaqbilx ma’ ċertu valuri liberali u drittijiet ċivili li ssib ħafna żgħażagħ jaqblu magħhom. Per eżempju ma jridx idaħħal id-divorzju fil-pajjiż u fejn jidħlu d-drittijiet tal-gays huwa kważi assenti. Hi ironija li l-partit li ġab il-maġġoranza biex daħħal lil Malta fl-UE huwa l-istess partit li jipprova jagħmel minn kollox biex ma nkunux Ewropej.



Mill-banda l-oħra taħseb li partit b’mexxej żagħżugħ jista’ ma jattirax nies li jippreferu jkollhom bniedem b’esperjenza bħala mexxej tal-pajjiż?

Anke hawn il-PN irnexxielu jipproġetta lilu nnifsu bħala l-aktar partit stabbli. Per eżempju, meta kien jattakka lil Alfred Sant kien ipprova jipproġetta l-immaġini li miegħu ma tafx fejn int. U lill-AD, ħlief meta qabillu, dejjem ipproġettaha qisu xi partit perikoluż li allaħares tkun fil-Parlament għax toqgħod twaqqa’ l-gvernijiet. Imma nerġa’ ntenni li fil-politika impossibbli tingħoġob ma’ kulħadd. Anzi għandna nikkonsolidaw l-oqsma li huma naturali għall-Greens bħad-drittijiet ċivili, il-qasam soċjali u l-ambjent.



Michael Briguglio huwa magħruf bħala bniedem li jħaddan prinċipji xellugin. Dan ifisser li l-AD se ssir aktar xellugija?

Hemm ħafna tipi ta’ xellug. Bħax-xellug komunista u x-xellug soċjal-demokratiku. Issa l-Greens jiffurmaw parti mix-xellug… il-politika Green hija parti mill-politika xellugija. U x-xellug li nifhem bih jien huwa x-Xellug Aħdar. Kienu l-Ħodor li daħħlu s-sens ta’ responsabilità mhux biss lejn in-nies tal-lum imma lejn il-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Kienu huma li daħħlu l-prinċipju li għandek tiġġieled l-inugwaljanza u l-inġustizzja soċjali mhux biss għan-nies tal-lum imma anke għal dawk ta’ għada. Jekk tħares lejn il-Parlament Ewropew tara li ħafna proposti ġodda, fosthom tal-“green jobs”, joħorġu bihom il-Ħodor.



Bħala partit xellugi hawn min jarakom viċin il-PL imma hawn oħrajn li jaħsbu li tistgħu tispiċċaw tieħdu l-voti proprju lill-PL. X’tikkummenta?

Kollha huma ipoteżijiet. M’għandna rabta mal-ebda partit politiku ieħor ħlief mal-Ħodor Ewropej u l-Ħodor Dinjin.

Issa jekk kien hemm bniedem li soltu jivvota l-PL u għax jara li l-PL mhux qiegħed jitkellem fuq ċertu issues jiddeċiedi li jivvota lilna tajjeb. Per eżempju, Joseph Muscat qal li jaqbel li tonqos ir-rata tat-taxxa fuq id-dħul. Bħala partit li nemmnu fil-ġustizzja soċjali ma nistgħux inkunu favur tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul għal min jaqla’ ħafna.

Nemmnu li min jiflaħ l-aktar għandu jikkontribwixxi l-aktar għall-‘welfare state’. Jekk inżarmaw is-sistema preżenti tat-taxxa fuq id-dħul, il-‘welfare state’ ħa jfalli. Personalment jaqbilli kieku… mhux għax jien sinjur imma għax il-paga ta’ lekċerer tiġi fit-‘top band’.

Imma huwa ġust għall-pajjiż li min jaqla’ l-eluf u l-miljuni nnaqsulu t-taxxa fuq id-dħul?

Għalkemm tradizzjonalment il-Ħodor fl-Ewropa jagħmlu alleanzi mas-Soċjal-Demokratiċi, fl-Ewropa hemm erba’ gvernijiet taċ-Ċentru-Lemin.

Hawn min jgħid li dawn ittradixxew il-politika tax-xellug… jien ngħid li qegħdin idaħħlu elementi xellugin fi gvernijiet li mhux xellugin.



Meta nħtart għidt li l-AD baqalu biex ikun elett fil-Parlament bħala Gvern. Taħseb li huwa dan li jwassal biex il-poplu ma jivvotax għall-AD? Qisu jarah vot moħli?

Dik l-akbar problema li dejjem kellha l-AD. Imma l-akbar diffikultà li għandna tista’ tkun ukoll l-akbar opportunità. Irridu naħdmu biex il-vot tagħna jkun imsarraf fil-Parlament.

Irridu nuru li vot lill-AD verament jista’ jċaqlaq l-affarijiet. U dan billi nkunu ħafna viċin in-nies.

Ma nistgħux nikkompetu mal-partiti l-kbar bil-flus għax la għandna flus daqshom u lanqas għandna min jiffinanzjana minn wara l-kwinti. U jekk m’għandix raġun jippubblikaw l-accounts.

Vot lill-AD jista’ jbiddel l-affarijiet anke jekk ma nitilgħux fil-Parlament. Għax jekk tivvota lill-AD qiegħed tagħti messaġġ qawwi lill-partiti l-oħrajn biex jisimgħu minnek.

No comments: