Sociologist, local councillor, activist from Malta

Tuesday, November 10, 2009

Il-bilanċ bejn viżjoni u ambizzjoni

Illum Intervista | 08 ta’ Novembru 2009 Nr 159

http://www.illum.com.mt/2009/11/08/interview.html


Karl Stagno-Navarra jintervista lil Michael Briguglio iċ-Chairperson il-ġdid tal-AD


Frisk fil-kariga l-ġdida tiegħu bħala ċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika, Michael Briguglio jmeri lil dawk li forsi jqisuh ‘tifel’ fil-politika u jsostni li bil-maqlub ta’ dak li xi wħud jistgħu jaħsbu, “jien ili attiv fil-politika għal dawn l-aħħar 15-il sena.”
Ta’ 34 sena Michael Briguglio għandu l-esperjenza ta’ kunsillier tal-AD fil-Kunsill Lokali f’Tas-Sliema u fl-istess waqt okkupa karigi fi ħdan il-partit li jmexxi.
Briguglio hu wkoll lecturer fis-soċjoloġija fi ħdan l-Università ta’ Malta u s-suġġett l-aktar għal qalbu – proprju s-soċjoloġija – hi dik li se jagħfas fuqha tul it-tmexxija tiegħu tal-Partit Alternattiva Demokratika.
Fl-ewwel diskors li għamel hekk kif inħatar Chairman tal-AD Michael Briguglio sostna fuq it-twemmin tiegħu fuq dak li fisser bħala l-ugwaljanzi soċjali.
“Nemmen li ma jistax ikun hemm progress mingħajr ma jkun hemm politika li timmira lejn l-ugwaljanzi soċjali,” kien sostna Briguglio waqt id-diskors inawgurali tiegħu.
Iżda issa li għaddiet ġimgħa mill-ħatra tiegħu, Michael Briguglio qed jagħmilha ċara li taħt it-tmexxija tiegħu l-politika ta’ l-AD se tkun iffukata fost l-oħrajn fuq it-tisħih tad-drittijiet ċivili u l-ambjent.
Filwaqt li jagħmilha ċara li l-AD mhix ‘pressure group’, Briguglio jinsisti li waqt li hemm rispett sħiħ lejn il-‘pressure groups’ fil-pajjiż, “l-AD hu partit politiku li hu magħmul min-nies, u fuq kollox, timmira biex tirrappreżenta l-vuċi tal-votanti tagħha fil-Parlament.”
Fi ftit kliem Michael Briguglio hu determinat li jħalli l-marka tiegħu fuq l-AD billi jmexxi l-partit lejn it-tisħiħ tal-identità tiegħu.
Iżda x’identità għandu l-AD?
Briguglio jispjega li l-qofol tal-politika ta’ l-AD hi l-politika l-“ħadra” – politika li hi msejsa fuq ekonomija ta’ żvilupp li tirrispetta l-ambjent u li taħtaf l-opportunità li tkattar il-ġid nazzjonali u l-impjiegi permezz ta’ din il-politika, li hi l-politika li qed tiżviluppa fid-dinja bħalissa.
Madankollu Briguglio jinsisti li l-AD se tkun preżenti f’kull ċirkostanza tal-politika lokali u se titkellem fuq kull ħaġa li tolqot direttament lin-nies u l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
“L-AD kienet u se tibqa’ rilevanti għal Malta,” jsostni Briguglio, minkejja l-fatt li baqgħet qatt ma sabet postha fi ħdan il-Parlament nazzjonali.
Jekk wieħed iħares lejn dawn l-aħħar 20 sena kemm ilu mwaqqaf l-AD dan il-partit tħabat biex sab postu bejn iż-żewġ partiti ewlenin u pprova jiddistingwi lilu nnifsu bħala l-“alternattiva” għal min tradizzjonalment ivvota Laburista jew Nazzjonalista u jidhirlu li dawn m’għadhomx jirriflettu l-politika li jixtieq dak il-votant.
Iżda ż-żmien għallem lill-AD li l-kwistjoni ta’ “alternattiva” mhix bizzejjed u f’kemm ilha tikkontesta l-elezzjonijiet nazzjonali jew lokali dejjem lagħbet logħba li poġġietha f’sitwazzjoni bħal bandla fejn f’mument minnhom togħla imma mbagħad taf tieħu tisbita, xi drabi anki umiljanti.
Fi kliem Briguglio, kif inhi miktuba l-Liġi Elettorali, jagħmilha matematikament “impossibbli” li fil-Parlament Malti jkun elett it-tielet partit.
Dan ipoġġi fuq l-AD il-piż li jiddeċiedi fuq x’jista’ jagħmel biex jirbaħ dak is-siġġu li jista’ jagħmel id-differenza kollha.
“M’aħna qed neskludu xejn,” jgħid Briguglio li pprova ma jikkommettix ruħu fuq strateġija partikolari li tista’ twassal lill-AD biex “tikkoreġi” dak li fisser bħala “l-anomalija” fid-demokrazija Maltija.
Fi sforz biex nittantah jgħid x’jistgħu jkunu l-għażliet għall-AD, Briguglio jpoġġi fl-istess kategorija ta’ “xejn m’hu eskluż” li l-partit jirrikorri quddiem il-Qorti Ewropea biex tikseb sentenza li tikxef l-impossibbiltà matematika li t-tielet partit ikun jista’ jsib postu fi ħdan il-Parlament Malti.
Diskors dwar il-possibbiltà li l-AD tidħol fi koalizzjoni mhix eskluża lanqas. Madankollu Michael Briguglio hu ċar biex jispjega li jekk kemm-il darba l-AD jkun wasal viċin biex jikkunsidra għażla bħal din, “dan isir esklussivament fuq il-bażi ta’ liema partit ikun lest li jħaddan il-manifest elettorali tiegħu u fuq kollox li dak il-partit ikollu manifest li jkun kompatibbli ma’ dak li nkunu qed nipproponu aħna.”
Id-diskors dwar ir-rappreżentanza Parlamentari tal-AD twassalna biex niftħu d-diskussjoni fuq tema oħra marbuta mal-istatus tal-AD fil-pajjiż.
Filwaqt li l-AD tibqa’ tilmenta li l-istazzjonijiet tal-partiti politiċi jeskluduhom mid-diskussjoni u ma jistednuhomx biex jipparteċipaw fil-programmi tagħhom, jibqa’ biss TVM li bħala l-istazzjon nazzjonali jew tal-Istat, jinħeba wara l-Liġi tax-Xandir li hi regolata mill-Awtorità tax-Xandir u li tgħid li biex ikollha opportunita’ ndaqs mal-partiti l-oħra trid ikollha rappreżentanza proporzjonali fil-Parlament.
“B’riżultat ta’ dan, l-AD għandha leħinha maħnuq fid-dibattitu nazzjonali u dan jeħtieġ jinbidel,” qal Briguglio.
Fl-isfond ta’ din il-problema seħħ żvilupp pjuttost importanti matul dawn l-aħħar snin hekk kif mill-Presidenza ta’ Guido de Marco bħala l-Kap tal-Istat, il-mexxejja jew rappreżentanti tal-AD bdew ikunu mistiedna formalment u informalment il-Palazz.
Dan l-għarfien kapaċi jiftaħ beraħ id-diskussjoni fuq l-istatus tal-AD quddiem l-istituzzjonijiet, partikolarment issa li anki l-President George Abela iddikjara li qed jiftaħ beraħ ukoll għall-AD.
Michael Briguglio hu determinat li jsaħħah id-dehra tal-AD u li fuq kollox ikun rappreżentattiv fuq it-territorju nazzjonali kollu.
L-idea ta’ Briguglio hi li waqt li juża lill-Kunsilli Lokali bħala l-istrument politiku biex ikun viċin tan-nies u li jaqdi l-ħtiġiet partikolari tar-residenti, hemm il-ħsieb li jitwaqqfu rappreżentanzi reġjonali bl-iskop li jkun hemm ċentralizzazzjoni fuq bażi ta’ reġjuni tal-kwistjonijiet biex ikunu indirizzati f’isem ir-residenti.
Michael Briguglio jispjega li waqt li l-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista jużaw lill-Kunsilli Lokali bħala “inkubaturi” għal ċerti nies li jkunu jixtiequ jiksbu karriera ’l quddiem fil-politika, bil-maqlub l-AD temmen li l-politika vera hi proprju dik tal-Kunsillier Lokali fejn dak ikun il-politiku tan-nies li jirrispondi immedjatament għall-ħtiġiet tan-nies.
“Bankina jew inkonvenjent fl-ambjent immedjat tar-resident ta’ spiss hi l-aktar ħaġa importanti għal dak li jkun, u l-AD twiegħed li taġixxi immedjatament,” jispjega Briguglio.
Hawnhekk Michael Briguglio jispjega kif matul iż-żmien kollu li serva Kunsillier fi ħdan il-Kunsill Lokali f’Tas-Sliema dejjem ipprova jsib il-bilanċ bejn il-kunsilliera sħabu eletti f’isem il-PN jew il-PL.
“Fejn kien hemm bżonn li nesprimi qbil mal-PN għamiltu; fejn kien hemm bżonn li nesprimi qbil mal-PL għamiltu kif ukoll għamilt ħilti biex nipproponi l-politika tal-AD li kienet apprezzata u fejn kien meħtieġ li nintervjeni bejn il-PN u l-PL għamiltu u rnexxieli,” sostna.
Fi kliem ieħor Briguglio esprima x-xewqa tiegħu li l-AD ma jkunx ikkunsidrat bħala partit li jfixkel, iżda partit li għandu l-interess nazzjonali, l-interess veru taċ-ċittadin.
“Aħna m’aħniex il-partit tal-‘big business’ bħall-partiti l-kbar li minħabba l-kunflitt ta’ interess li kapaċi jkollhom minħabba min jiffinanzjahom jieqfu milli jaġixxu,” qal Briguglio, fwaqt li żied fuq kif l-AD dejjem ippubblika l-kontijiet tiegħu għall-iskrutinju tan-nies u qatt ma qabeż illegalment in-nefqa elettorali tiegħu.
“Aħna tassew impenjati li nħaddmu politika nadifa u trasparenti fejn nitkellmu u naġixxu f’isem in-nies u mhux b’aġendi moħbija,” sostna.
Hawnhekk frixna d-diskors fuq id-dibattitu li għaddej bħalissa fuq id-divorzju u waqt li sostna l-pożizzjoni tal-AD bħala partit li dikjaratament jaqbel mal-introduzzjoni tad-divorzju fil-pajjiż ikkritika lill-PN għal dak li fisser bħala “logħob bil-kliem” u “konservazzjoniżmu” b’politika li qed iċcaħħad lill-Maltin mid-dritt ċivili tad-divorzju.
Ikkritika wkoll lill-Mexxej Laburista Joseph Muscat fejn qal li filwaqt li “Muscat għandu opinjoni ma jgħidhiex u l-PL jilgħab bid-diskors u ma jikkommettix lilu nnifsu b’mod ċar.”
Fi kliem iċ-Chairperson il-ġdid tal-AD, “m’hawnx isbaħ milli tkun miftuħ u ċar fil-politika,” u żied li waqt li hu personalment, kif ukoll l-AD, “tirrispetta bis-sħiħ ir-rwol tal-Knisja fis-soċjetà Maltija, kif ukoll id-dmir tagħha li titkellem, hemm ukoll distinzjoni ċara bejn dak li hu l-Istat u dak li hu l-Knisja.”
“Aħna nirrispettaw il-ħsieb tal-Knisja u qatt mhu se nitkellmu kontriha, madankollu se nitkellmu fuq dak li għandu jkun d-dritt ċivili għal eluf ta’ Maltin,” qal Briguglio.
L-AD, jinsisti Briguglio, hu l-partit li jħaddan lil kulħadd, u jemmen li għandu jkun it-tarka għal dawk kollha li jħossuhom f’minoranza.
Fost dawn hemm l-omosesswali, fejn sostna kif għal żmien twil l-AD dejjem tkellmet favur id-drittijiet tal-omosesswali u mhux minnu li l-PL “ħataf it-tapit minn taħt l-AD billi ħabbar li se jagħmel sezzjoni għall-omosesswali.”
Anki fl-ambjent, “ħadd ma ħadilna t-tapit dwar il-politika ambjentali tagħna,” sostna Briguglio b’referenza għall-Flimkien għall-Ambjent Aħjar (FAA) immexxi minn Astrid Vella.
“L-AD hi dejjem preżenti politikament fuq dak kollu li hu fl-interess nazzjonali,” reġa’ saħaq Briguglio, waqt li sfida lil min jista’ jaħseb li l-AD tħalliet mingħajr politika li tista’ tiddistingwiha mill-partit l-oħra.
B’ħarsa lura lejn il-kampanji tal-AD, Michael Briguglio jitkellem fuq il-kampanja għal referendum nazzjonali fuq ir-riforma fil-Liġi dwar il-Kera.
Waqt li jsostni li din kienet politika li ddeċidewha l-predeċessuri tiegħu fi ħdan il-Kunsill ta’ l-AD, Briguglio jgħid li l-kampanja kellha ssir, madankollu esprima n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-fatt li l-partit AD rabat il-ħtieġa għal riforma fil-Liġi tal-Kera ma’ referendum nazzjonali.
“Jien nemmen li ħlejna ħafna enerġiji b’dik il-kampanja,” sostna Briguglio li żied jispjega kif anki għall-partiti l-kbar kienet tkun impriża enormi biex tiġbor dawk l-eluf ta’ firem, “aħseb u ara kemm kienet diffiċli għall-AD biex tilħaq il-kwota ta’ firem li setgħu jwasslu għal referendum nazzjonali.”
Michael Briguglio temm jgħid li l-kampanja għal riforma fil-Liġi dwar il-Kera kienet bżonjuża u l-fatt li l-AD tkellmet u għamlet pressjoni fuqha kienet biżżejjed, tant li l-Gvern u anki l-Oppożizzjoni ħassew li kien wasal iż-żmien li ssir din ir-riforma u saret.

L-intervista ser tidher fuq One TV, l-erbgha 18 ta' Novembru, 8.30pm

No comments: