Sociologist, local councillor, activist from Malta

Wednesday, October 21, 2009

Riformi tal-medicini u trasport pubbliku

minn Michael Briguglio, Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku, Alternattiva Demokratika

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=57547

l-orizzont 21 ta’ Ottubru 2009




Ir-riformi proposti, waħda għad-distribuzzjoni tal-mediċini u l-oħra dwar it-trasport pubbliku, qegħdin fuq fomm ħafna nies.

F’dan l-artiklu se nibda b’kelm­tejn dwar ir-riforma pro­­posta mill-Kamra tal-Kummerċ dwar id-distribuzzjoni tal-mediċini. Bażikament, dak li qiegħed jiġi propost huwa li jkun hemm tibdil fl-iskema tal-ispiżerija tal-għażla tiegħek, fejn il-pazjenti jibdew iħallsu huma stess għall-mediċini li huma ntitolati b’xejn, u eventwalment ta’ dan jiġu kumpensati mill-Gvern.




B’hekk qiegħed jiġi propost li l-piż ta’ din ir-riforma jaqa’ fuq il-pazjenti. Il-mistoqsija tiġi weħidha. Jista’ jkollna sitwaz­zjoni fejn minflok ma jkollu jagħ­ti ħafna flus lill-importaturi, il-Gvern jibda jkollu jagħti l-flus lill-pazjenti? Din tkun daqqa ta’ ħarta oħra għall-‘welfare state’ ta’ pajjiżna.

Jekk il-Gvern għandu problema biex iħallas lill-importaturi, għandu jesplora l-possibilità li jixtri l-mediċini hu stess minn barra. Barra minn hekk, il-Gvern għandu janaliz­za jekk il-prezzijiet għoljin ta’ bosta mediċinali humiex ġejjin minn barra jew jekk humiex ġejjin minn prattiċi monopolistiċi f’pajjiżna. F’dan ir-rigward, huwa pożittivi li s-sena l-oħra il-Gvern xtara xi mediċini direttament minn barra.

Il-Gvern għandu wkoll jesplora mekkaniżmi biex tiżdied il-kompetizzjoni fis-settur tal-ispiżeriji b’mod li joffri iktar għażla u konvenjenza lill-konsumaturi.

Tajjeb jekk il-Gvern iniedi studju biex jara x’impatt ikun hawn jekk jiġu liberalizzati l-liċenzji tal-ispiżeriji. Jista’ jiġi kkunsidrat ukoll li mediċini li m’għandhomx bżonn preskrizzjoni jinbiegħu minn ħwienet oħrajn ukoll, biex ikun hemm iktar kompetizzjoni u pressjoni biex jorħsu l-prezzijiet. Din ir-riforma ġiet introdotta fl-Italja.

Filwaqt li l-Gvern għandu jiġġieled l-abbuż u l-ħela fil-fondi pubbliċi, dan m’għandux jaħsel idejh mir-responsabilità soċjali tiegħu. Għalhekk, qabel ma jirriforma l-iskemi tas-saħħa, il-Gvern għandu jniedi studji dwar l-impatt soċjali biex jara x’impatt ikun hemm fuq gruppi soċjali vulnerabbli.

Għalhekk, nittama u nemmen li l-Gvern mhux se jilqa’ l-proposta tal-Kamra tal-Kummerċ. Fl-istess ħin, iżda, il-kwistjoni tal-ħela tal-mediċini jistħoqilha attenzjoni xierqa, jekk irridu li dan is-servizz pubbliku tant importanti jibqa’ fis-seħħ. Hawnhekk nittama li din il-kwistjoni ma tispiċċax ballun partiġġjan.


Ir-riforma l-oħra li qiegħda fis-seħħ hija dik tat-trasport pubbliku. Hawnhekk, m’hemmx ħafna xi ngħid dwar il-kwalità ta’ servizz li jeżisti fil-preżent, għax hawn qbil nazzjonali li jeħtieġ riforma. Għalhekk, huwa pożittiv li l-Gvern fl-aħħar qiegħed jipproponi riforma sħiħa f’dan il-qasam.

It-trasport pubbliku fil-preżent huwa karatterizzat minn Awtorità tat-Trasport li hija assenti għal kollox biex tħares l-interessi ta’ min juża l-karozzi tal-linja, u kumpanija privata (l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku), li għandha monopolju f’dan il-qasam. Fi ftit kliem, l-istruttura preżenti diffiċli tkun agħar milli hi.

Ma naqbilx mal-proposta tal-Gvern li jiżdiedu l-prezzijiet tal-biljetti u jorħsu biss b’2ċ għal dawk min juża t-trasport pubbliku b’mod frekwenti. Lanqas naqbel mal-prinċipju li s-sussidju tal-Gvern irid jispiċċa bilfors.

Qiegħed ngħid hekk, għax nikkonsidra t-trasport pubbliku bħala servizz pubbliku essenzjali u bħala dritt soċjali ta’ kulħadd. Fl-istess ħin qegħdin ngħixu f’pajjiż fejn jinxtraw iktar karozzi milli jitwieldu nies, u fejn il-karozzi huma kaġun ta’ mard respiratorju, kanċer, inċidenti (kultant fatali) u nuqqas ta’ spazji pubbliċi miftuħin għan-nies.

F’pajjiż fejn tas-spiss naqbżu l-limiti imposti mill-Unjoni Ewropea tat-tniġġis, huwa ess­enzjali li iktar nies jużaw tras­port pubbliku li jkun sura ta’ nies u li jkun hemm inqas użu tal-karozzi privati.

Iżda biex dan iseħħ, hemm bżonn mhux biss li s-servizz jitjieb ferm u jkun affidabbli, iżda wkoll li jkun hemm rotot ferm iktar frekwenti u għal ħinijiet itwal, anke jekk dawn ir-rotot ma’ jagħmlux qligħ finanzjarju. Persuna li toq­għod f’raħal żgħir għandha dritt tirkeb karozza tal-linja tard bil-lejl daqskemm għandha persuna li tgħix f’żona turistika! Nemmen li hawnhekk il-Gvern seta’ jimponi kundizzjonijiet iktar ċari fuq min se jitfa’ l-offerti tiegħu għat-‘tender’ dwar it-trasport pubbliku.

Il-Gvern għandu jiddeċiedi dwar il-prezz tas-servizz wara li jkun ċert li min se jopera s-servizz sejjer verament itejjeb is-servizz, b’mod li dan ikun aċċessibbli, frekwenti u affidabbli. Dan għandu jkun akkumpanjat minn studju dwar l-impatt soċjali biex jiġi verifikat kif nollijiet varji jeffettwaw l-imġiba ta’ min juża t-trasport pubbliku.

Iż-żewġ riformi li qegħdin jiġu proposti huma ta’ importanza kbira. Fiż-żewġ każijiet, nemmen li hemm bżonn li l-istat ikollu rwol importanti biex jassigura li l-ħtiġijiet soċjali ma jiġux relagati għat-tieni post meta mqabblin mal-ħtiġijiet kum­merċjali.

Il-bagit li ġej joffri opportunità biex il-Gvern jagħti l-importanza meħtieġa lil dawn iż-żewġt oqsma rispet­tivi.

No comments: