Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Wednesday, September 23, 2009

Retorika rħisa fi żmien il-baġit

minn Michael Briguglio, Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku, Alternattiva Demokratika

L-Orizzont 23 ta’ Settembru 2009

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=56866


Ftit tal-ġranet ilu l-Ministru Tonio Fenech irrefera b’mod speċifiku għas-’single mothers’, qishom xi għadu ġdid tal-istat. Fenech kien qiegħed jitkellem dwar il-miżuri għall-baġit li jmiss, b’referenza għall-benefiċċji soċjali.

Hemm diversi modi kif wieħed jista’ jinterpreta d-diskors ta’ Fenech. Fost modi oħrajn, dan jista’ jitqies bħala eżempju ta’ retorika popolista u rħisa li għandha l-għan li trebbaħ il-voti lill-PN billi jikkopja ftit lil Josie Muscat. Iżda titqies ukoll bħala konferma tat-triq anti-soċjali li qabad il-Gvern Nazzjonalista.

Tajjeb li wieħed jinnota li hemm diversi modi kif wieħed jista’ jħares lejn is-’single mothers’. Dawk b’viżjoni aktar konservattiva, iqisuhom xi ‘theddida’ għall-familja tradizzjonali, u għalhekk jemmnu li l-politika soċjali m’għandhiex tgħin lil dan il-grupp.

Dawn b’viżjoni aktar fem­minista jqisu lil dan il-grupp bħala alternattiva għan-nisa biex jiġu liberati minn dak li huma jqisu bħala d-dominju maskili.




Viżjoni aktar popolari fil-politika soċjali hi dik li tqis lis-’single mothers’ bħala grupp bi problema soċjali u li għalhekk jixirqilhom l-għajnuna mill-istat biex ikun hemm l-istabilità soċjali meħtieġ. Teżisti wkoll viżjoni li tqis lis-’single mothers’ bħala forma ta’ familja fost pluralità ta’ forom oħra, liema forma m’għandhiex tkun diskriminata mill-politika soċjali. Kemm bħala soċjologu u kif ukoll bħala attivist politiku jien naqbel l-aktar mal-aħħar viżjoni.

Il-Ministru Tonio Fenech imissu jispjega għaliex iddeċieda li jsemmi b’mod speċifiku lis-‘single mothers’. Għandu jispjega jekk ikkonsultax ma’ riċerka soċjoloġika li turi li minkejja differenzi bejn ‘single mothers’ varji, teżisti tendenza fejn dan il-grupp soċjali hu fost l-aktar dgħajjef fis-soċjetà.

Hemm bosta raġunijiet għaliex jeżistu s-‘single mothers’. Hemm min qiegħed f’din is-sitwazzjoni b’għażla konxja, u hemm min qiegħed fiha minħabba sitwazzjoni li tkun qiegħda fiha l-omm, bħal ngħidu aħna kellha tifel u l-missier ħarab mir-responsabilitajiet tiegħu.

Hemm ‘single mothers’ li jixtiequ jidħlu fid-dinja tax-xogħol iżda ma jistgħux, minħabba n-nuqqas ta’ politika soċjali li tgħinhom f’dan ir-rigward. Saħansitra, bħal kull grupp soċjali ieħor, hemm ukoll ‘single mothers’ li jgħixu f’kultura fejn ix-xogħol mhux prijorità. Iżda dan ma jiġġustifikax il-mod kif Tonio Fenech irrefera speċifikament għal dan il-grupp soċjali, b’ton negattiv. Politika li tqis­hom bħala skuża għall-miżuri iebsin mill-Gvern se tgħin biex ikun hawn aktar faqar, esklużjoni soċjali u stigma.

Jekk il-Gvern Nazzjonalista jrid aktar ‘single mothers’ fid-dinja tax-xogħol, allura dan għandu jinkoraġġihom permezz ta’ miżuri ġusti, u mhux billi jżid il-problemi.

Il-Gvern għandu jipprovdi aktar ‘childcare centres’, u jinkoraġġixxi flessibilità fis-sigħat tax-xogħol, l-aqwa li dan ikun akkumpanjat minn sigurtà tal-impieg. Il-Gvern jista’ jintroduċi wkoll inċentivi fiskali, u fejn hu possibbli u rakkomandabbli, jara li missirijiet assenti jkunu res­ponsabbli għat-tfal tagħ­hom.

Tajjeb wieħed jinnota li skont rapport riċenti tal-Kummissjoni Ewropea bl-isem ta’ “The Provision of Childcare Services”, f’Malta dawn is-servizzi huma limitati ħafna u virtwalment non-eżistenti.

In-nuqqas ta’ ‘childcare centres’ affordabbli ma tinkoraġġix lin-nisa biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, u jżid l-istress u diffikultajiet fuq ġenituri bħas-‘single mothers’.

Alternattiva Demokratika taqbel li għandha tittieħed azzjoni kontra l-abbuż fil-benefiċċji soċjali, u nirrikonoxxu li l-kriżi globali ekonomika kellha impatt fuq il-finanzi tal-Gvern. Iżda jekk Dr Gonzi u l-Ministru Fenech għandhom problema bil-finanzi pubbliċi, huma għandhom iħarsu wkoll lejn wegħdiet elettorali insostenibbli li għamlu huma stess u anke lejn deċiżjonijiet tal-mistħija bħall-maħfra ta’ €3.3 miljun lill-kumpanija MIDI għal skart ta’ kostruzzjoni li ntefa’ fil-baħar.

Għal darba oħra qegħdin naraw li, minkejja r-retorika favur il-familji, il-Gvern ta’ Gonzi qiegħed iwettaq politika diskriminatorja kontra forom alternattivi u/jew minoritarji tal-familja, bħall-familji b’ġenitur wieħed (li tista’ tkun omm jew missier), koppji tal-istess sess, koppji li jikkoabitaw u dawk li jixtiequ jerġgħu jiżżewġu wara li jkun fallielhom iż-żwieġ.

L-istess Gvern qiegħed jippersisti wkoll li jżomm politika anti-soċjali kontra eluf ta’ familji permezz tal-miżuri anti-soċjali bħall-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, filwaqt li jwebbes rasu u jagħlaq għajnejh għal alternattivi ġusti u sostenibbli.

1 comment:

Anonymous said...

Issa drajna bil-gvern ta' Lawrence Gonzi johrog dawn it-tip ta' statements qabel il-Bagit biex minghalih jahbi d-dizastru finanzjarju li qijad fih il-pajjiz. Apparti min hekk ghadna lill Tonio Fenech, l-aktar Ministru tal-Finanzi li jhobb johrog bi cliches' u kummenti li vera jwahhxuk. Il-futur ta' dan il-pajjiz jinsab fi krizi serja u jekk ma jsirx xi haga drammatika bhal elezzjoni generali bikrija, wiehed jista jghid li kollox miexi lejn ix-xifer ta' l-abbiss.