Sociologist, local councillor, activist from Malta

Wednesday, August 26, 2009

Familji fis-socjeta' Maltija

minn Michael Briguglio, Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku, Alternattiva Demokratika

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=56149
L-Orizzont, 26 ta’ Awissu 2009


Kultant żmien tqum il-kwis¬tjoni tad-divorzju. Isiru ħafna dibattiti, u wara li kul¬ħadd ikun qal tiegħu, id-diskussjoni tieqaf ħesrem. Kollox jibqa’ kif inhu.

Flimkien mal-Filippini, Malta tibqa’ l-uniku pajjiż fid-dinja li ma tippermettix id-divorzju. Iżda l-liġi ta’ pajjiżna tirrikonox¬xi kull divorzju li sar f’pajjiż ieħor, anke jekk hu bejn żewġ Maltin li żżewġu f’Malta!

Filfatt pajjiżna għandu r-real¬tà unika fejn hemm diversi li jikkoabitaw u jixtiequ jiżżew¬ġu, iżda ma jistgħux jekk xi ħadd minnhom huwa separat minn żwieġ li falla. Jiġifieri n-nuqqas ta’ divorzju qed iċaħħad lil min jixtieq jiżżewweġ. Qbil mad-divorzju, f’dan il-każ ma jfissirx li wieħed ma jaqbilx maż-żwieġ, anzi, bil-maqblub.

Il-kwistjoni tad-divorzju hi sintomu ta’ kwistjonijiet oħrajn fejn l-awtoritajiet ta’ pajjiżna, bħan-nagħma, qegħdin jitfgħu rashom taħt ir-ramel taparsi ma jafux bir-realtajiet ta’ żmini¬jietna.

F’dawn l-aħħar snin f’pajjiżna sar bosta tibdil li hu simili għal dak li qed jiġri f’pajjiżi oħrajn b’ekonomija, kulturi u politika soċjali simili. In-nies qegħdin jgħixu aktar, qegħdin jiżżewġu aktar tard, qegħdin ikollhom inqas tfal.

Fost tibdil ieħor, qegħdin jiżdiedu wkoll is-sepa¬raz¬zjonijiet (b’ammonti simili għal żieda fid-divorzju f’soċjeta¬jiet oħrajn), qegħdin jiżdiedu n-nies li jikkoabitaw, qegħdin jiżdiedu l-familji b’ġenitur wie¬ħed, u hemm aktar koppji tal-istess sess li qegħdin jgħixu flimkien.

Mhux kulħadd iħares bl-is¬tess mod lejn dan it-tibdil. Hemm min jikkunsidrah bħala eżempju ta’ aktar individwa¬liżmu f’soċjetajiet moderni, fejn il-bniedem huwa aktar riflessiv u għandu l-opportunità li jibni l-bijografija ta’ ħajtu mingħajr impożizzjonijiet żejda minn istituzzjonijiet. F’dan il-kuntest, wieħed ma jistax jgħid li teżisti biss tip wieħed ta’ familja fis-soċjetà. Għall-kuntrarju, hemm pluralità ta’ forom tal-familja.

Min-naħa l-oħra, hemm min iqis dan it-tibdil bħala wieħed negattiv. F’dan il-każ, tradizzjo¬nalisti jemmnu li l-familja nuk¬leari (żewġ ġenituri tas-sess op¬post u miżżewġin, bit-tfal) hija l-uniku mudell vijabbli tal-familja.

Biex ngħiduha kif inhi, fis-soċjetà kontemporanja, din it-tip ta’ familja tibqa’ l-aktar waħda popolari fost in-nies, anke fost dawk li jixtiequ jifformaw familja ta’ dan it-tip iżda ma jistgħux, kultant b’għażla mhux tagħhom (bħal eżempju ta’ min hu separat u jixtieq jerġa’ jiżżewweġ iżda fl-assenza tad-divorzju ma jistax). F’dan il-kun¬test, ma nis¬tax naqbel ma’ min jgħid li l-familja hija mhedda.

Lil hinn mill-opinjonijiet varji li jeżistu dwar il-familja, huwa diffiċli ħafna, jekk mhux impos¬sibbli li nirritornaw għal xi żmien tad-deheb tal-familja, ibda biex għax wisq probabbli dan iż-żmien qatt ma eżista.

Filfatt, storiċi tal-familja jargumentaw li anke sekli ilu kien hemm diversità fil-forom tal-familja. Forsi mhux bil-pluralità li teżisti llum, iżda żgur li ħadd ma kien jgħix l-istess ħajja.

Minbarra hekk, eżempji ta’ solidarjetà li nafu biha llum (mal-anzjani, il-morda, it-tfal u dawk b’diżabilità) mhux bilfors kienu jeżistu qabel. Biżżejjed insemmu li f’Malta, bosta familji kienu “jaħbu” lil min għandu diżabilità. Fl-Ingilterra, fi żmien ir-Rivoluzzjoni Industrijali, tfal kienu jaħdmu sigħat twal f’fabbriki b’kundizzjonijiet miżeri ħafna.

Huwa diffiċli li wieħed jem¬men li hemm min irid jirritorna għal ċerti forom ta’ oppressjoni li kienu jeżistu fil-passat. Żgur li n-nisa ma jridux jirritornaw għaż-żmien fejn kienu magħlu¬qin ġewwa, meta l-istess nisa tant iġġieldu għad-drittijiet tagħ¬hom!

Illum hemm ukoll aktar tol¬leranza għal forom differenti tal-familja, aktar u aktar meta huma ħafna li għandhom min jiġi minnhom li qiegħed f’din is-sit¬wazzjoni. F’dan ir-rigward tajjeb ninsistu li żieda fis-sepa¬raz¬zjonijiet u fid-divorzju m’għan¬¬dhiex titqies bħala theddida għall-familja, speċjalment meta ħafna nies f’din is-sitwazzjoni jerġgħu jifformaw familji ġodda.

Fis-sitwazzjonijiet ta’ żmini¬jietna, nemmen li hemm bosta sfidi għall-familji.

Sfida kbira hi dik li f’familji b’żewġ ġenituri għandu jkun hemm aktar ugwaljanza fir-rwoli tagħhom. Għalhekk, jekk qegħdin jiżdiedu n-nisa li jmor¬ru jaħdmu barra d-dar, bl-istess mod, għandu jkun hemm aktar irġiel li jgħinu b’mod ekwu fix-xogħol tad-dar. Inkella, in-nisa jispiċċaw aktar sfruttati minn qabel.

Sfida oħra hi li l-politika soċ¬jali għandha tkun waħda inklus¬siva u li tagħraf li forom diffe¬renti tal-familja għandhom il-ħtiġijiet tagħhom. F’dan il-kun¬test, il-Gvern Malti jibqa’ jweb¬bes rasu fil-fora Ewropea u jop¬poni politika kontra d-diskrimi¬nazzjoni u li tippermetti aktar flessibbiltà u opportunitajiet lill-familji.

Biżżejjed wieħed isemmi l-oppożizzjoni tal-Gvern għall-introduzzjoni tad-divorzju, kif ukoll oppożizzjoni għal żieda fil-‘leave’ tal-maternità u pater¬nità, għal drittijiet ta’ koppji li jikkoabitaw, u għal drittijiet ta’ kopji tal-istess sess.

Għandu jkun hemm rikonox¬ximent tal-għeruq ta’ ħafna problemi soċjali. Qed nirreferi għal realtajiet bħall-qasma bejn il-klassijiet soċjali, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, li kemm-il darba jwasslu għal problemi kbar fil-familji.

Inutli jkollna retorika favur il-familja meta mbagħad naddat¬taw politika soċjali li twassal għal aktar inugwaljanza, faqar, stress u esklużjoni soċjali.

No comments: