Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Wednesday, July 15, 2009

Nibew minna Nfusna

Michael Briguglio
Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku – Alternattiva Demokratika

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=55039
L-Orizzont, 15 ta’ Lulju 2009


F’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm bosta xnigħat u pariri dwar x’għandu jkun il-futur tal-Alternattiva Demokratika. Kien hemm min issuġġerixxa li m’għadx hawn lok għall-AD ladarba l-partiti l-kbar u l-għaqdiet non-governattivi “kkapparraw” s-suġġetti li titkellem fuqhom l-Alternattiva.

Hemm min issuġġerixxa li l-isem tal-Partit għandu jinbidel, u hemm ukoll min issuġġerixxa li AD għandha tagħmel xi laqgħat pubbliċi biex tiddiskuti l-futur tagħha.

Personalment, jien esprimejt il-fehma tieghi dwar x’għandu jkun il-futur tal-Alternattiva f’intervisti f’The Times ta’ nhar is-16 ta’ Ġunju, u f’it-Torċa ta’ nhar il-21 ta’ Ġunju. Bażikament, il-fehma tiegħi hi li l-AD għandha taqbad triq twila li ma tħarisx biss lejn l-elezzjoni li ġejja, iżda li tħares iktar fit-tul billi tibni proġett b’messaġġ iktar iffokat. Dan il-messaġġ għandu jkun ibbażat fuq it-twemmin tal-partiti tal-Ħodor, iżda fil-kuntest Malti.

Fl-istess ħin, AD għandha jkollha viżjoni iktar radikali minn dik li kellha f’dawn l-aħħar snin. Fost affarijiet oħrajn, jeħtieġ li AD tieħu pożizzjonijiet iktar ċari, favur klassijiet u gruppi soċjali li huma sfruttati jew imwarrbin.

Dan għandu jsir mingħajr biżgħa ta’ telf ta’ voti minn nies li xorta qatt mhuma se jivvotaw lill-AD.

Qed nirreferi mhux biss għall-ħaddiema tal-fabbriki, iżda wkoll għall-armata ġdida ta’ ħaddiema b’xogħol prekarju… minn ħaddiema professjonisti b’xogħol kuntrattwali sa ħaddiema bla sengħa u b’xogħol f’setturi “ġodda” tal-ekonomija, sa ħaddiema anzjani li ġew użati u mormija wara tant snin ta’ servizz lill-ekonomija Maltija.

Jinkludu wkoll il-minoranzi varji li jibqgħu jingħataw il-ġenb fil-politika soċjali, minn koppji li jgħixu fi stat ta’ koabitazzjoni minħabba li f’pajjiżna m’hawnx id-divorzju, sa nisa waħedhom li m’għandhom l-ebda vuċi fil-politika soċjali Maltija, sa koppji omosesswali li jixtiequ jir¬re¬golarizzaw is-sitwazzjoni tagħ¬hom.

Jinkludu wkoll nies li qegħdin ibatu mard minħabba prob¬lemi ambjentali bħat-tniġġiż tal-karozzi, kostruzzjoni u l-fabbriki, liema problemi jmorru lil hinn mill-protezzjoni ta’ xi gallarija storika. U jinkludu wkoll l-eluf ta’ nies, minn żgħażagħ sa anzjani li qegħdin ibatu biex ikollhom għixien diċenti f’affarijiet bħall-‘housing’ u trasport pubbliku, liema setturi huma kkaratterizzati minn wisq interessi ekonomiċi u politiċi biex jingħataw il-prijorità li jistħoqqilhom minn ħaddieħor.

Strateġija iktar radikali u iktar iffokata tiżgura li l-partit iservi r-rwol tiegħu ta’ vuċi kritika u alternattiva għall-istrutturi politiċi dominanti.

Strateġija ta’ dan it-tip tagħmilha iktar diffiċli biex ħaddieħor “jieħu” s-suġġetti li huma l-prijorità ta’ AD. Jeżisti spazju vojt fl-ispettru politiku Malti, u jeħtieg li AD tokkupah b’mod ċar. Dan jista’ ukoll jagħti saħħa lill-Alternattiva… saħħa li permezz l-ebda Partit ieħor ma jista’ jinjora l-vot tagħna.

Huwa permezz ta’ dan il-‘core vote’ li Partiti oħrajn kellhom jaddottaw ċerti suġġetti (almenu fir-retorika tagħhom) li qajmet l-Alternattiva.

Bl-istess mod, huwa permezz ta’ dan il-‘core vote’ li għaqdiet non-governattivi bħal dawk tal-ambjent kellhom is-saħħa li “jbeżżgħu” partit fil-Gvern. Mingħajr it-theddida tal-vot l-aħdar, dawn l-għaqdiet jonq¬silhom il-‘bargaining power’, u konseg¬wentament, is-saħħa politika, speċjalment meta huma stess ma jkunux iridu jidhru “Nazzjo¬nalisti” jew “Laburisti” kull meta jitkellmu, jipproponu jew jipprotestaw.

Konsegwentament, bil-biżgħa li “jiċċappsu” mal-PN jew mal-PL meta jieħdu xi azzjoni, jista’ jkun li l-għaqdiet jaħsbuha darbtejn qabel ma’ jieħdu xi azzjoni pubblika. Fl-aħħar mill-aħħar, jissaħħu dawk il-gruppi dominanti, bħall-interessi kbar li qegħdin jeqirdu l-ambjent.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-futur immedjat tal-AD u mal-pariri varji li qegħdin jingħataw lill-partit, jien nemmen li bħala partit għandna nibdew minna nfusna. X’ifisser dan? Jeħtieġ li jkun hemm relazzjoni b’saħ¬ħitha bejn it-tmexxija, il-membri, il-votanti tal-partit u l-għaqdiet li lesti jaħdmu mal-partit. Il-membri tagħna għandhom ikunu l-ambaxxaturi tal-viżjoni ħadra.

Għalhekk, filwaqt li l-Partit għandu jkollu tmexxija u amministrazzjoni soda, jeħtieġ ukoll li jinħolqu strutturi orizzontali fejn kull membru attiv jista’ jagħti lill-partit skont il-kapaċità tiegħu, u f’oqsma varji, mhux biss strettament “politiċi”, iżda wkoll f’oqsma kulturali, edukattivi, soċjali u oħrajn.

Jekk insaħħu l-għeruq tagħna nistgħu niffjorixxu iktar.

1 comment:

Tzadik said...

Il-Vizioni li qieghed issemi tirreciedi li l-partit innifsu jehles mill-konnotazionijiet zbaljati li gabar matul is-snin.

Kif thoss li dan jista issir jekk mhux b'issem gdid (u logo) u grazzi ta influs ta nies godda li ikunu jixtieq jghamlu parti min tali proget politiku?