Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Wednesday, July 29, 2009

Attakk fuq il-COLA jonqos!

minn Michael Briguglio, Kelliem ghall-Izvilupp socjali u Ekonomiku, Alternattiva Demokratika

L-orizzont 29 ta’ Lulju 2009

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=55414


L-Għaqda ta’ Min Iħaddem, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija u xi opinjonisti qegħdin jimbuttaw l-idea li fil-Baġit li jmiss, il-kumpens għall-għoli tal-ħajja (magħruf bħala ‘COLA’) għandu effettivament jitnaqqas għal eluf ta’ ħaddiema.

Fost proposti li saru, hemm dik li ż-żieda fil-pagi tkun marbuta ma’ żieda fil-produttività jew li tingħata biss lil dawk b’paga minima. Proposta oħra hi li ż-żieda ma tingħatax lill-ħaddiema li huma marbutin bi ftehim kollettiv li jinkludi żieda fil-paga.

Mhux sorpriż b’dawn il-proposti. Is-sidien qegħdin jitkellmu għall-interess tagħhom, bil-għan li jagħmlu pressjoni effettiva fuq il-Gvern. Bl-istess mod, dawk li qegħdin fuq in-naħa tal-ħaddiema, il-pensjonanti u l-familji tagħhom, m’għandhomx joqogħdu lura milli jiddefendu l-interessi tagħhom, u mhux biss fuq il-kwistjoni tal-COLA.

F’dan il-kuntest, l-Alternattiva Demokratika diġà ppronunzjat ruħha b’mod ċar: Fil-Baġit li jmiss, il-ħaddiema u l-pensjonanti għandhom ikunu ntitolati għall-kumpens ta’ għoli tal-ħajja (COLA) mingħajr tnaqqis, bħal ma jiġri f’kull baġit. Skont kalkoli li saru, din is-sena l-ħaddiema għandhom jieħdu kumpens ta’ madwar seba’ ewro fil-ġimgħa.

Jekk xejn, dawn il-kalkoli huma konservattivi, għax il-ħajja żgur għoliet aktar minn seba’ ewro fil-ġimgħa! Iżda aħjar dawn il-kalkoli, li fuqhom hemm qbil b’saħħa legali bejn l-istat u l-korpi kostitwiti, milli xi kalkolu ġdid li jkompli jġib iktar inugwaljanza soċjali.

Il-COLA tingħata biex tikkumpensa l-ħaddiema kollha għal żieda fl-għoli tal-ħajja, u għalhekk m’għandhiex tiġi mħallta ma’ affarijiet oħrajn bħall-produttività. Jekk is-sidien iridu iktar ħaddiema produttivi, mela għandhom jikkumpensawhom aħjar, speċjalment meta f’Malta, skont l-ekonomista Joe Falzon, il-prezzijiet huma 77% iktar għoljin mill-midja fl-Unjoni Ewropea, meta wieħed iqabbilhom mal-pagi. Għandhom ukoll joffru kundizzjoni- jiet ta’ xogħol tajbin u siguri, u mhux b’kundizzjonijiet li jnaqqsu l-motivazzjoni u jżidu l-inċertezza fost il-ħaddiema.

Jekk xejn, il-COLA tagħti ftit lura lill-ħaddiem minn dak li hu pproduċa għall-ħaddieħor, u dan il-kumpens jerġa’ jiġi mitfugħ lura fl-ekonomija permezz ta’ konsum mill-istess ħaddiem. Jekk iż-żieda fil-COLA ma tingħatax skont il-liġi eżistenti, din toħloq aktar problemi lill-ħaddiema u l-familji tagħhom biex ilaħħqu għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja, u fl-aħħar mill-aħħar, dan iġib iktar staġnar fl-ekonomija.

Il-COLA lanqas m’għandha tiġi marbuta ma’ nuqqas ta’ ftehim kollettiv. Dan tal-aħħar huwa għodda li permezz tiegħu l-unjins jinnegozjaw għall-kundizzjonijet aħjar għall-ħaddiema, li għal darb’oħra m’għandux x’jaqsam mal-għoli tal-ħajja tas-sena preċedenti. Barra minn hekk, fil-qagħda ekonomika preżenti, ħafna unjins diġà qegħdin ikunu kawti ħafna meta jiffirmaw ftehim kollettiv. Jekk tgħaddi l-proposta tas-sidien, ikun qiegħed jingħata messaġġ pervers li biex jieħdu ż-żieda tal-COLA, aħjar jekk ħaddiem ma jidħolx f’unjin.

Għalhekk, f’pajjiż ikkaratterizzat mill-għoli tal-ħajja u minn impjiegi li iktar ma jmur iktar qegħdin joffru kundizzjonijiet ħżiena, ma nistgħux nitilfu wkoll dak li l-ħaddiema rebħu tul is-snin permezz tal-COLA.

Fl-istess ħin, għandu jkun hemm kull sforz biex il-ħajja ma tibqax togħla u biex jinħoloq iktar xogħol b’kundizzjonijiet u pagi diċenti. Filwaqt li ma tantx hemm kontroll fuq il-prezz ta’ prodotti li ġejjin barra minn xtutna, il-Gvern għandu ħafna x’jagħti għal żieda fil-għoli tal-ħajja fuq diversi prodotti u servizzi.

Biżżejjed wieħed isemmi l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, li qegħdin iwassli għal diffikultajiet tremendi għal eluf ta’ Maltin. Il-Gvern baqa’ qatt m’għamel studju xjentifiku biex iwassal għall-kontijiet li verament jippenalizzaw il-ħela u mhux il-konsum bażiku.

Il-Gvern qed jibqa’ ċass ukoll fil-konfront ta’ prezzijiet għoljin li jintalbu għal servizzi minn kategoriji soċjali li aktarx huma eqreb tal-PN. Biżżejjed wieħed jara l-prezzijiet f’ristoranti, il-prezzijiet għal servizzi professjonali u l-prezzijiet tal-proprjetà. Prodotti essenzjali bħall-mediċina baqgħu jogħlew, lil hinn minn kull retorika tal-Gvern biex itaffi din il-problema.

U l-profeti tal-profitt li tant jippriedkaw favur is-suq ħieles malajr jibilgħu kliemhom meta jitkellmu dwar xi settur li jkun imsieħeb magħhom. F’daqqa waħda r-regoli tas-suq ħieles u l-kontabilità ma jibqgħux jgħoddu…

No comments: