Sociologist, local councillor, activist from Malta

Sunday, June 21, 2009

Michael Briguglio intervistat minn it-Torca

X’Alternattiva hemm?
minn Ivin Catania

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=8003
It-Torca 21 ta' Gunju 2009


Wara r-riżultat diżappuntanti tas-6 ta’ Ġunju l-Alternattiva Demokratika tinsab f’salib it-toroq dwar x’se jkun il-futur politiku tagħha. Wara li aktar kmieni din il-ġimgħa ltaqa’ l-grupp ta’ tmexxija tal-Alternattiva Demokratika fejn jidher li hemm ir-rieda li l-AD tkompli taħdem bħala partit politiku, il-mistoqsija hija dwar b’liema mod se tkun qiegħda tħaddem il-politika tagħha. Se tibqa’ partit li jipprova jipproġetta politika moderata biex ma tnaffarx in-nies, jew se tieħu pożizzjoni aktar radikali fejn tgħid dak li għandha tgħid, irrispettivament minn jekk tirfisx il-kallijiet jew le?

Għal Michael Briguglio jidher li l-aħħar triq hija dik li verament għandha bżonn l-Alternattiva Demokratika. Briguglio, li huwa l-kelliem tal-AD għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku, jsostni li wasal iż-żmien li l-Alternattiva tibdel l-istrateġija tagħha. Jidher li l-aħħar riżultati elettorali kienu konferma li l-AD f’Malta għandha bażi ta’ min verament isegwieha u jara fiha risposta għaż-żewġ partiti l-kbar li ilhom snin twal jiddominaw ix-xena politika ta’ pajjiżna.

“Inħoss li wasal iż-żmien li l-Alternattiva tkun aktar radikali fil-politika li tipproġetta. Għandha tara li ma toqgħodx lura minn dak li verament qed idejjaq lin-nies. Inħoss li jekk l-AD tkun aktar radikali fil-politika tagħha tkun qiegħda timla’ l-vojt kbir li jeżisti fuq in-naħa tax-xellug tal-politika lokali,” qal Briguglio.

Huwa qal li fi ħdan l-Alternattiva Demokratika jeżisti spirtu kbir ta’ kontinwazzjoni politika. Fil-fatt hu stess iħossu kommess li jaħdem fi ħdan din il-formazzjoni politika. Iżda filwaqt li jkun qed jagħmel hekk stqarr li jridu jsiru bidliet kbar, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-organizzazzjoni tal-partit. Briguglio jsostni li l-aktar bidla importanti li l-AD għandha tara li seħħ hija dik li l-attivisti u l-imsieħba jkollhom aktar parteċipaz-zjoni: “Irridu ninvolvu aktar lill-attivisti u lill-membri. Dawn se jiggarantulna l-kontinwazzjoni u l-eżistenza politika. Hemm bżonn ta’ tibdil u anke tisħiħ fl-istrutturi tal-AD innifisha. Irridu nespandu u nwessgħu n-nukleu ta’ nies li jaħdmu fl-istrutturi tagħha.”

“Jiena nemmen fil-filosofija ta’ ‘The Long March’ (il-Mixja Twila). Dan fis-sens li filwaqt li l-Alternattiva Demokratika tibqa’ tkun preżenti fix-xena politika u attenta għal dak li jkun qed iseħħ, trid ukoll timbarka fuq programm ta’ bidliet li mhux neċessarjament se jagħtu riżultati fl-immedjat. Imma jkunu pjani għat-tul. Eżempju ta’ dan huwa li ma jistax ikun li nibqgħu nqisu l-elezzjonijiet li jsiru f’pajjiżna daqs li kieku huma ħajja jew mewt għall-partit. L-għanijiet u l-ambizzjonijiet tagħna jitolbu li nibdew naħsbu dwar dak li se nkunu qiegħdin inwettqu u nixtiequ li jsir, mhux biss issa, iżda anke dak li jista’ jinqala’ ’l quddiem fis-snin,” qal Briguglio.

Fl-elezzjoni tal-2009 il-voti tal-AD kienu reali

Imma qabel xejn tajjeb li wieħed jara x’setgħu kienu r-raġunijiet li l-Alternattiva Demokratika fl-aħħar elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew kisbet riżultat daqstant diżappuntanti, meta ħames snin qabel kienu biss ‘ftit’ voti li ma rebbħux lil Arnold Cassola siġġu fil-Parlament Ewropew. Dwar dan Briguglio jsostni li: “Il-vot li kisbet l-Alternattiva f’dawn l-aħħar elezzjonijiet inħoss li huwa aktar reali. Fl-elezzjonijiet ta’ ħames snin ilu naħseb li kien hemm ħafna li riedu jirringrazzjaw lill-Alternattiva talli ħadmet favur li Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea. Ħallieha li fl-elezzjoni ġenerali tal-2003 kien hemm it-tradiment min-naħa tal-partit nazzjonalista. Tradiment li kont għidt li se jsir. Imma issa dak ħallieh. Nistqarr ukoll li dakinhar kien hemm ukoll numru ta’ voti ta’ protesta. Għalhekk il-voti miksuba llum huma aktar reali milli wieħed jaħseb. Biss tajjeb ukoll li wieħed jgħid li dawn huma wkoll il-votanti li realment jemmnu f’dak li tista’ toffri differenti l-Alternattiva.”

Iżda l-inkapaċità min-naħa tal-AD li tirkeb fuq is-suċċess tal-2004 mhuwiex l-uniku ostaklu li kellha bħala partit. Għal Michael Briguglio kien hemm ostakli oħra maħluqa mill-istuzzjonijiet tal-pajjiż infushom. Fil-fatt għall- mistoqsija dwar jekk jaħsibx li f’pajjiżna hawnx vera demokrazija huwa wieġeb li: “Id-demokrazija li hawn hija waħda limitata. Ħares lejn kif topera l-Awtorità tax-Xandir. Il-membri tal-bord tagħha huma ffurmati b’nomini mill-partit li huma fil-parlament biss. Dan wassal għall-operat oxxen fi tmiem il-kampanja għall-elezzjonijiet tal-parlament ewropew. Kollox dar maż-żewġ partiti l-kbar. Ħu l-MEPA. L-istess il-membri tal-bord tagħha huma ffurmati minn nomini tal-partiti li għandhom rappreżentanza fil-parlament. Iżda dan mhux biżżejjed. Għandek għadd ta’ bordijiet u entitajiet li huma maħtura mill-gvern tal-ġurnata b’nies li l-lealtà tagħhom hija lejn il-partit fil-gvern. Nifhem li l-gvern irid li f’ċerti istituzzjonijiet ikollu nies tal-fiduċja tiegħu però dan qed iwassal biex l-istess gvern jibqa’ għaddej minn fuq il-poplu bħal bulldozer minħabba li ma hemm ebda istituz-zjoni li tista’ żżommu milli jagħmel hekk. F’sitwazzjoni bħal din mhux biss ngħid li d-demokrazija hija limitata, iżda sa ċertu punt anke mhedda! F’ħafna każi ssib li dan kollu hu maħluq mill-kultura tal-obbligazzjonijiet”

B’referenza għal dan Briguglio semma l-fatt kif il-gvern mhu qed jagħmel xejn biex jikkontrolla l-iżvilupp irresponsabbli li qed isir f’dan il-pajjiż, fejn għandek numru ta’ kuntratturi u negozjanti li bil-mod il-mod ‘qiegħdin jibilgħu kollox’: “Dan ikompli juri biċ-ċar kif il-Partit Nazzjonalista, minkejja l-kompromessi li għamel biex jidher li għandu xi forma ta’ ruħ soċjali, xorta waħda għadu l-partit li hu marbut u sostnut mill-gruppi u klassi soċjali dominanti ta’ pajjiżna. Fl-isfond ta’ dan kollu, għalhekk insostni li l-Alternattiva għandha tkun aktar radikali fl-operat u l-proposti tagħha.”

L-ambjent fil-politika

Fl-isfond ta’ dawn l-istqarrijiet, il-mistoqsija tqum waħeda: fl-aħħar mill-aħħar in-nies verament jinteressahom mill-ambjent jew jiġu jaqgħu u jqumu minnu, issa li anke dan l-istess suġġett spiċċa politizat? Għal Briguglio t-tweġiba hija waħda ċara u bla ebda dubji: “Il-Maltin vera jinteressahom mill-ambjent. Li ma teżistix f’pajjiżna hija l-kuxjenza ta’ politika ambjentali. Fil-fatt tul is-snin nibtet l-idea falza li jekk partit joħorġu miegħu kandidati li xi darba jew oħra, kienu jew għadhom attivi fil-qasam ambjentali, issa dan il-partit sar wieħed favur l-ambjent. Ħu l-Partit Nazzjonalista. Ipproġetta lilu innifsu bħala l-partit li għandu għall-qalbu l-ambjent. Iżda mhux kulħadd jaf li l-PN għandu rabtiet kbar ma’ uħud mill-akbar negozjanti u kuntratturi li għandna f’pajjiżna u ħafna minnhom qiegħdin jitħallew jiżviluppaw bla rażan? Huwa fatt ukoll, li l-partiti l-kbar kien f’dawn l-aħħar snin li bdew jitkellmu dwar l-ambjent. Dan għamluh għax raw li t-temi ambjentali li kienet qiegħda titkellem dwarhom l-Alternattiva Demokratika kienu qiegħdin jinteressaw lin-nies u biex ma jitilfux voti, dawn it-temi għamluhom tagħhom ukoll.”

L-AD trid tkun aktar xellugija

Għaldaqstant, jekk it-temi ambjentali issa saru parti mill-politika mħaddma miż-żewġ partiti kbar, x’għandhom ikunu t-temi li l-Alternattiva Demokratika trid titkellem dwarhom u permezz tagħhom tikseb u tkabbar l-appoġġ popolari? Għal din il-mistoqsija Briguglio qal li t-tweġiba tinsab fil-weġgħat tan-nies: “Għalhekk l-AD trid tkun aktar xellugija. Trid titkellem aktar dwar dawn it-temi li fil-preżent qiegħdin iweġġgħu li n-nies. L-għoli tal-ħajja, li minkejja li qiegħdin jogħlew il-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali, il-pagi ma żdiedux b’rata li jpattu għalihom. F’dan il-kuntest għandha ssir pressjoni biex, fost affarijiet oħra, ikun hemm reviżjoni tal-paga minima nazzjonali u din tiżdied biex verament tkun tirrifletti r-realtajiet tal-lum. L-AD trid tibqa’ titkellem ukoll dwar id-drittijiet soċjali, bħal kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema - bħal ma hi ż-żieda fil-ġimgħat tal-maternity leave. Xogħlna hu li naqbżu u nitkellmu f’isem il-ħaddiema f’setturi varji, bħal manifattura u s-servizzi. L-industrijalisti għandhom l-għaqdiet tagħhom li jaqbżu għalihom. Ma jistax ikun li f’dan il-pajjiż nippermettu li ma jkunx hawn infurzar bis-serjetà tar-regolamenti dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. L-AD għandha wkoll tagħmel aktar pressjoni kontra l-kundizzjonijiet ħżiena li bihom qiegħdin ikunu impjegati l-ħaddiema part-time jew meta jingħataw kuntratti definiti. Tajjeb li jkun hemm aktar pressjoni kontra l-isfruttament ta’ persuni f’xogħlijiet professjonali li jaħdmu f’kundizzjonijiet prekarji u li dawn ħafna drabi lanqas jitħallew jidħlu membri ta’union. L-AD għandha wkoll ikollha pożizzjoni aktar b’saħħitha favur politika li tħares l-investimenti f’servizzi pubbliċi bħat-trasport pubbliku, enerġija nadifa u housing.

Hemm ukoll il-kwistjoni tad-drittijiet ċivili – bħalma hu d-divorzju – irridu nitkellmu dwar dan u mhux noqgħodu lura għax ikun hemm minn jattakkana. Kollox ma’ kollox għandna nkunu l-vuċi ta’ dak li m’għandhomx vuċi f’dan il-pajjiż. Għandna nkunu l-vuċi ta’ dawn l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li minħabba nuqqas ta’ riżorsi l-ideat tagħhom ma jaslux u ma jinnstemgħux. Irridu ukoll naħdmu ma’ dawk li finalment huma lesti li jaħdmu magħna. Għalhekk nemmen li fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum l-Alternattiva Demokratika rtinsab f’pożizzjoni li timla’ l-vojt li jeżisti fix-xellug politiku ta’ pajjiżna.”

Fl-aħħar mill-aħħar x’inhu l-futur ta’ Michael Briguglio fl-Alternattiva Demokratika: “Għalkemm kont diżappuntat li wara żewġ perjodi fil-kunsill lokali ta’ Tas Sliema, fl-aħħar elezzjoni ma kontx elett, però kif jgħid il-Malti ‘kull deni ħudu b’ġid.’ Issa għandi ħafna aktar ħin x’niddedika għall-Alternattiva Demokratika u x-xena politika. Hemm entużjażmu biex bħala AD inkomplu bil-ħidma politika tagħna, u jien kommess li nkompli naħdem fi ħdan il-partit.”

No comments: