Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Wednesday, June 03, 2009

Ivvota!

minn Michael Briguglio, Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku, Alternattiva Demokratika

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=53960
L-Orizzont 3 ta’ Gunju 2009


Kultant il-bniedem ma japprezzax dak li għandu u jibda jap¬prezza xi ħaġa wara li jitlifha.

Kemm hu ironiku l-fatt li filwaqt li hawn min lest li jmut għad-demokrazija f’pajjiżi dittatorjali, hemm min lest jarmi l-vot f’pajjiżi demokratiċi! Ov¬vjament, dan jista’ jirrifletti diżillużjoni bis-sistema, jew indifferenza lejn sistema politika li għal bosta tidher li hi maqtugħa mir-realtajiet tal-mases. Iżda, ngħid jien, jekk bniedem ma jivvotax, ir-riżultat x’ikun? Mhux li qed jgħin li s-sistema tibqa’ kif inhi?

Għalhekk, nappella lil kul¬ħadd biex jivvota fl-elezzjonijiet lokali u Ewropej tas-sitta ta’ Ġunju. Ivvota lil min taħseb li jista’ jippreżenta l-prinċipji, it-twemmin u l-bżonnijiet tiegħek!

Jista’ jkun il-każ li inti jogħ¬ġbuk kandidati minn partiti differenti, jew għall-kuntrarju, assolutament ma tridx li xi partit imur tajjeb. F’dan il-każ, is-sistema elettorali Maltija tagħtik il-lok li tuża l-vot tiegħek b’mod maħsub u intelliġenti.

Fil-fatt, is-sistema Maltija tippermetti li tivvota għal iktar minn partit wieħed. Dan billi taqleb minn partit għall-ieħor. Per eżempju, tista’ tagħti l-ewwel preferenza lill-kandidat ta’ partit, it-tieni preferenza lill-kandidat ta’ partit ieħor, u t-tielet preferenza lil xi ħadd ta’ partit ieħor!

Tista’ taqleb minn partit għall-ieħor u terġa’ tmur lura għall-ewwel partit. U tista’ tivvota lill-kandidati kollha ta’ partit par¬tikolari u mbagħad tkompli fuq kandidati ta’ partit jew partiti oħra.

Saħansitra tista’ tivvota lill-kandidati kollha, billi tibqa’ sejjer sal-aħħar vot, jiġifieri, jekk għall-argument hemm 29 kandidat, tista’ tibqa' sejjer min-numru wieħed san-numru 29, basta ma tirrepetix numri. Tista’ ukoll tieqaf fuq liema numru trid, anke fuq l-ewwel preferenza!

B’hekk bis-sistema elettorali Maltija, tista’ tivvota mhux biss lil min trid tappoġġja b’mod ċar, iżda ukoll tkompli fuq kandidati ta’ partit jew partiti oħrajn biex almenu tkun taf li jekk il-preferenza tiegħek tiġi eletta jew tinqala’, il-vot ikom pli fuq min tippreferi li jitla’ wara l-preferenzi primarji tiegħek.

Nixtieq nipproponi riflessjoni oħra. F’Malta huwa tajjeb li għandna żewġ partiti rappre¬żentati fil-Parlament Ewropew, u fil-maġġoranza tal-kunsilli (ħlief għall-eċċezzjonijiet bħal Tas-Sliema u Ħ’Attard, fejn hemm kunsillieri tal-Alter¬nattiva Demokratika – wieħed minnhom jien). Kemm ikun aħjar jekk ikun hemm iktar minn żewġ partiti f’dawn l-istrutturi, biex ikun hemm rappreżentanza iktar demo¬kratika.

Fil-Parlament Ewropew bħalissa hemm tmien partiti, u dawn aktarx jiżdiedu wara l-elezzjonijiet tas-6 ta’ Ġunju. Fil-prezent Malta hija rappreżentata f’żewġ partiti biss. Żgur li jkun aħjar għal pajjiżna li nkunu rrappreżentati f’partiti oħrajn ukoll, biex ikollna iktar influ¬wenza wiesgħa fil-Parlament Ewropew!

Għalhekk, nappella mhux biss li kulħadd imur jivvota, iżda ukoll li nużaw il-vot b’mod maħsub, biex niżguraw li dan jintuża bl-aħjar mod possibbli, mhux biss fl-ewwel preferenza, iżda ukoll fil-preferenzi ta’ wara!

Nixtieq nagħlaq dan l-artiklu billi nirringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenuni fil-kampanja tiegħi għall-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema. Grazzi mill-qalb.

No comments: