Sociologist, local councillor, activist from Malta

Wednesday, June 17, 2009

Dizappunt ghall-AD

minn Michael Briguglio, Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku tal-Alternattiva Demokratika

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=54299
L-Orizzont 17 ta' Gunju 2009


Fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali, l-Alternattiva Demokratika (AD) ġabet riżultati ħżiena. Xejn iktar u xejn inqas. X’wassal għal dan?

Qabel xejn, tajjeb wieħed iżomm f’moħħu l-istħarriġ xjentifiku dwar l-elezzjonijiet Ewropej, bħal dak tal-gazzetta Malta Today li sar bejn Marzu u Ġunju, wera li AD se ġġib bejn 1.9% u 3.6%. Dan meta wieħed jikkonsidra lil dawk li ġew mistoqsija lil min se jivvotaw u taw il-fehma taghhom. F’dan l-ambitu, ir-riżultat ta’ 2.34% ma jidhirx bħala sorpriża, minkejja li hu diżappuntanti.

Tajjeb wieħed jinnota ukoll li l-AD ġabet madwar 1% f’ħafna mid-distretti fin-Nofsinhar ta’ Malta, u madwar 4% f’ħafna mid-distretti fit-Tramuntana. Dan jista’ jirrifletti raġunijiet ta’ klassi soċjali.
Jista’ jkun hemm raġunijiet għal din id-disfatta li AD ma kellhiex kontroll fuqhom, iżda jista’ jkun hemm ukoll raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-istrateġiji u l-operat tal-partit.

Dwar tal-ewwel, wieħed jista’ jgħid li min ried jivvota kontra l-Gvern Nazzjonalista, ipprefera ma jivvotax jew jivvota lill-PL (jew lil xi partiti żgħar oħra). B’mod imparzjali nistqarr li l-is¬tra¬teġija Laburista kienet ferm iktar effettiva, speċjalment min¬ħabba l-impatt pożittiv li ġabet magħha t-tmexxija l-ġdida.

L-istrateġija Laburista ffokat iktar fuq kwistjonijiet nazzjonali milli Ewropej, u li ffokat fuq suġġetti li skont stħarriġ soċjo¬loġiku qed jikkonċernaw b’mod qawwi lill-Maltin, bħall-immi¬graz¬zjoni u l-għoli tal-ħajja. Il-Partit Laburista pprova jappella ukoll għall-gruppi varji li ħass¬hom imweġġa’ jew traduti mill-imġiba tal-Gvern Nazzjonalista.

Hemm ukoll il-kwistjoni tar-riżorsi finanzjarji u aċċess għall-midja. Ma jistax ikun li f’dan il-pajjiż l-Awtorità tax-Xandir tib¬qa’ tiffavorixxi lill-partiti kbar b’mod daqshekk ċar u li f’pajjiż¬na ċerti kandidati jibqgħu jitħal¬lew jiksru l-liġi u jonfqu iktar flus minn dak permess. Fl-is¬tess ħin, AD kienet għamlet żball kbir meta ftit snin ilu bie¬għet ir-radju tagħha, Capital Radio.

Raġuni oħra li AD ma kellhiex kontroll fuqha hi l-kriżi globali ekonomika. Is-suġġetti li jemfa¬sizzaw il-partiti ħodor (bħall-protezzjoni ambjentali u d-drittijiet ċivili) kemm-il darba jkunu iktar attraenti mal-votanti meta l-ekonomija tkun sejra tajjeb. F’sitwazzjoni ekonomika ħażina, hemm tendenza li jiġri bil-maqlub.

Iżda tajjeb wieħed jgħid ukoll li l-Grupp tal-Partiti Ħodor żied is-siġġijiet fil-Parlament Ewro¬pew. X’aktarx li l-Partiti Ħodor f’pajjiżi bħar-Renju Unit, Ġer¬manja, Belġju u Franza marru tajjeb għax irnexxielhom iwasslu messaġġ konvinċenti fejn abbi¬naw l-ekonomija mal-ekoloġija.

Forsi l-istrateġija “pożittiva” tal-AD ma niżlitx tajjeb ma’ nies li xtaqu jagħtu “lezzjoni” lill-Gvern Nazzjonalista. Jista’ jkun ukoll li diskors ta’ AD dwar ‘green new deal’ fl-ekonomija u teknoloġiji ekoloġiċi kien wisq sofistikat għal din il-kampanja ddominata minn somom dwar l-għoli tal-ħajja u l-immigrazzjoni illegali.

Hemm ukoll min qal li AD kienet moderata wisq fuq kwistjonijiet ta’ drittijiet ċivili bħad-divorzju, u għalhekk ma attiratx lill-votanti iktar liberali, li ma rawx differenza bejn l-AD u l-PL. Apparti minn hekk, l-islogans ta’ l-AD, bħal “enerġija, esperjenza, Ewropa” kienu vagi wisq, u l-AD dehret mingħajr proġett ċar favur Ewropa soċjali u ekoloġika.

Forsi l-iktar kwistjoni li għamlet ħsara lill-AD kienet dik tal-immigrazzjoni illegali. L-AD ipprovat toħloq bilanċ bejn id-drittijiet umanitarji ta’ dawn in-nies, u l-interess nazzjonali f’kun¬test Ewropew. Iżda jidher li dan id-diskors ma kienx attra¬enti mal-votanti. Din il-kwistjoni toffri sfida kbira lill-AD, li fuq naħa trid tappella għall-votanti, u fuq naħa oħra trid tappella għall-membri tagħha!

Iż-żewġ kandidati ta’ AD għall-elezzjonijiet Ewropej, Arnold Cassola u Yvonne Arqueros Ebejer ħadmu kemm felħu, u kellhom messaġġ po¬żittiv tul il-kampanja elettorali. Hemm min ikkritika xi aspetti relatati mal-kandidati innifis¬hom, iżda naħseb li x-xogħol li għamlu Arnold u Yvonne ħaqqu rispett massimu! Min hawn nirringrazzjahom tax-xoghol li ghamlu.

Arnold wera kemm hu vera¬ment ġentlom billi ħabbar ir-riżenja tiegħu l-għada li ħarġu r-riżultati, iżda dan ma waqqfux milli qatta’ ġurnata u lejl fis-sala tal-għadd tal-voti (flimkien ma’ Stephen Cachia u Carmel Caco¬pardo) meta kienu qed jingħad¬du l-voti tal-kunsilli lokali. Id-dinjità ta’ dawn in-nies hi xi ħaġa li ħadd ma jista’ jeħodhielhom!

Hekk kif qed nitkellmu dwar il-kunsilli lokali, ma nistax ma nirreferix għad-disfatta tiegħi f’Tas-Sliema, fejn naqqast 200 vot, u fejn il-madwar 500 vot li ġibt ma servewx biex niġi elett għat-tielet darba. Fil-każ speċi¬fiku ta’ din il-lokalità, jidher li kien hemm vot ta’ protesta kon¬tra Lawrence Gonzi kemm per¬mezz ta’ astensjonijiet, iżda anke permezz ta’ voti għal fazzjoni fl-istess Partit Nazzjonalista, dik ta’ Robert Arrigo, jiġifieri għas-sindku l-ġdid Nikki Dimech.

Naħseb ukoll li jien tlift xi voti minħabba l-politika xellugija li nħaddan u minħabba l-perċezzjoni li l-AD u PL dehru iktar viċin xulxin mis-snin ta’ qabel. Bħallikieku dan ixekkel lil wieħed biex jaħdem favur ir-residenti! Iżda nemmen li din il-perċezzjoni wasslet għal ħafna sefsif fil-widnejn minn xi “professuri” tad-demokrazija li jiddilettaw bl-arma tal-biża’.

Bħala parti mit-tim ta’ AD, nas¬sumi ukoll ir-responsab¬biltajiet tiegħi għal din it-telfa, u fil-jiem li ġejjin nieħu deċiżjoni finali dwar il-futur politiku tiegħi, wa¬ra li l-attivisti tal-AD jiltaq¬għu u jiddiskutu s-sitwazzjoni.

1 comment:

William Grech said...

Iddispjacieni hafna li tlifnik bhala kunsillier f'Tas-Sliema. Nistqarr li jien kont sorpriz b'dan ir-rizultat. Kont nghid li l-poplu jaf jaghraf min verament qed jiggieled ghal ambjent ahjar u ghal iktar rispett lejn ir-residenti. Imma milli jidher mort zmerc sew.
Mill-esperjenza ristretta tieghi, nikkonferma li l-kampanja ta' biza' li semmejt hija wahda mir-ragunijiet li int naqqast il-voti.
Nawguralek ghall-futur politiku tieghek u nixtieq li nibqghu narawk tirrapprezentana.

Grazzi!