Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Wednesday, May 06, 2009

Immigrazzjoni u montaturi

minn Michael Briguglio, Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku, Alternattiva Demokratika

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=53222
L-Orizzont 6 ta’ Mejju 2009


Ma’ naqbilx ma strateġiji politiċi li huma bbażati fuq it-tfieħ ta’ tajn. Filfatt kemm-il darba jien faħħart politika ġejja minn fejn ġejja u ma ħallejtx il-partiġġjaniżmu jagħlaqli ħalqi. Apparti raġunijiet ideoloġiċi, din hija waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex jien attiv mal-Alternattiva Demokratika, speċjalment meta ċ-Ċerpersin preżenti Arnold Cassola, iħaddan din it-tip ta’ filosofija.

Iżda sfortunatament, pajjiżna jibqa’ maħkum minn politika bbażata fuq partiġġjaniżmu taż-żonqor, fuq il-biża’ u fuq in-nofs veritajiet. Eżempju riċenti hu l-mod kif il-Partit Nazzjonalista qed jipprova jħammeġ lill-Alternattiva dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni illegali.

Biex inkunu ċari: Alternattiva Demokratika hi favur politika umanitarja u favur ir-rispett lejn il-liġi internazzjonali. Kien għalhekk li bħala partit responsabbli, ma ddejjaqna xejn nappoġġjaw lill-Gvern Malti fil-kwistjoni li kellu mal-Gvern Taljan. Iżda, l-Partit Nazzjonalista ma rreċiprokax fl-irġulija. Ovvjament, il-politika mhix xi poeżija, iżda kultant wieħed jippretendi iktar maturità minn ċerti politiċi.

Filfatt, il-Partit Nazzjonalista qed jipprova jagħti l-impressjoni li kull immigrant illegali u irregolari se jkollu d-dritt tal-vot u li l-Alternattiva Demokratika qiegħda tippromwovi din it-tip ta’ politika. Il-verità hi li ż-żewġ Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista, l-istess bħal m’għamlu Parlamenti oħrajn fosthom tal-Ħodor Ewropej, ivvotaw favur rapport li jirrakkomadna li huma l-immigranti legali (u mhux illegali), li għandhom ikollhom id-dritt tal-vot. Ir-rapport jagħmilha ċara li dan id-dritt għandu jeżisti f’elezzjonijiet lokali, ġaladarba l-immigranti legali ikollhom permess li jgħixu fil-pajjiż u li jkunu ilhom jgħixu hemm għal numru ta’ snin. Minbarra hekk, kull pajjiż huwa liberu li ma jaddattax din il-politika. Din hi stampa ferm differenti minn dik impinġija mill-propagandisti tal-Partit Nazzjonalista.

Hija xi ħaġa sfortunata li hawn min qed jipprova joħloq mewġa ta’ biża’ fil-pajjiż biex jagħmel kapital politiku mill-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Ta’ min inżommu f’moħħna li l-Ministru Taljan Maroni, li qed jagixxi ta’ ‘bully’ kontra Malta, jifforma parti minn partit tal-Lemin Estrem li hu alleat fil-Gvern mal-Partit ta’ Silvio Berlusconi. Fil-Parlament Ewropew, il-Partit ta’ Berlusconi, hu fl-istess grupp li miegħu huma msiebħin in-Nazzjonalisti.

B’Lemin politiku b’saħħtu, bħal mhu l-każ fil-preżent, hemm inqas ċans li pajjiżi Ewropej oħrajn jaqsmu r-responsabbiltajiet ma’ Malta fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni.

Minbarra hekk, politika iżolazzjonista mhux se tgħin biex pajjiżi oħrajn juru s-solidarjetà ma’ pajjiżna. Jekk pajjiżna ma jikkoperax ma’ ħaddieħor, dan jista’ jħajjar lill-pajjiżi oħrajn biex jagħmlu l-istess meta niġu biex niddiskutu l-qsim tar-responsabbiltajiet!

Problema globali teħtieġ respons globali. Huma partiti progressivi bħall-Ħodor li qegħdin jagħmlu pressjoni biex verament ikun hemm solidarjetà fl-Unjoni Ewropea u b’hekk ikun hemm qsim ġust ta’ responsabbiltà fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni.

Filfatt, il-Ħodor ivvotaw favur tibdil fil-konvezjoni ta’ Dublin biex pajjiżi żgħar bħal Malta, li qegħdin jiffaċjaw pressjoni sproporjzonata, jibbenefikaw minn mekkaniżmu legali biex immigranti jiġu reallokati f’pajjiżi oħrajn fl-UE. Dan jiżgura li l-qsim ta’ resposabbiltà ikun obbligatorju u mhux volontarju. Ta’ min isemmi li kienet Membru Parlamentari Ewropea f’isem il-Hodor, jiġifieri Jean Lambert, li kienet qajmet il-kwistjoni biex isir tibdil fil-konvenzjoni ta’ Dublin u dan wara konsultazzjoni mal-Alternattiva Demokratika.

Huwa ċar li l-Ħodor Ewropej qegħdin jagħmlu pressjoni qawwija biex ikun hemm qsim gust tar-responsabbiltajiet fl-UE fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni. X’se tkun il-montatura li jmiss min-naħa tal-Partit Nazzjonalista biex jipprova jiskura dan il-fatt?

No comments: