Sociologist, local councillor, activist from Malta

Wednesday, April 08, 2009

G20

minn Michael Briguglio
Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku Alternattiva Demokratika

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=52487
L-orizzont 8 ta’ April 2009


Il-Ġimgħa l-oħra l-laqgħa tal-G20 f’Londra serqet ix-xena fl-aħbarijiet globali. Fuq naħa ttieħdu numru ta’ deċiżjonijiet bil-għan li jwasslu għall-iżvilupp ekonomiku. Fuq naħa oħra, kien hemm ħafna protesti minn movimenti xellugin, ekoloġisti, trejdunjins u paċifisti kontra l-mod kif gvernijiet qegħdin jittrattaw il-kriżi globali tal-kapitaliżmu.

Qabel xejn, tajjeb wieħed jispjega x’inhi l-G20. Din tirrappreżenta Ministri tal-Finanzi u Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-ikbar 19-il ekonomija fid-dinja u tal-Unjoni Ewropea. Kollettivament, dawn l-20 ekonomija jkopru madwar 85% tal-Prodott Nazzjonali Gross fid-dinja, 80% tal-kummerċ dinji u żewġ terzi tal-popolazzjoni dinjija.

Ma’ dawn hemm imsieħba ukoll istituzzjonijiet fosthom il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji.

Fil-laqgħa f’Londra, il-mexxejja tal-G20 iddeċidew li jikkonfrontaw il-kriżi ekonomika permezz ta’ miżuri li jiswew madwar triljun dollaru, li huma ekwivalenti għal madwar €740 biljun.

Fost oħrajn, ġie deċiż li jkun hemm iktar trasparenza u miżuri kontra politika li ġġib magħha riskji finanzjarji kbar. Dawn jinkludu regoli dwar il-mod kif jaħdmu l-banek u kontra pajjiżi magħrufin bħala ‘tax havens’ li ma jaqsmux informazzjoni. Dawn il-pajjiżi huma magħrufin għall-mod kif jattiraw nies u kumpaniji sinjuri biex jiddepożitaw flushom u b’hekk jevitaw li jħallsu taxxa f’pajjiżhom.

Id-deċiżjonijiet tal-G20 ġabu xi reazzjonijiet ottimisti iżda kawti, fejn almenu issa qed jiġi rikonuxxut li politiċi eletti jistgħu jagħmlu xi ħaġa kontra din il-kriżi. Għalhekk, l-hekk imsejħa “id inviżibbli” tal-ekonomija ngħatat ħajja, u m’għadhiex qisha xi misteru semi-reliġjuż tal-profeti tal-profitt.

Iżda tajjeb li wieħed jara sewwasew x’jirrappreżentaw dawn it-triljun dollaru. Il-Fond Monetarju Dinji (IMF) se jingħata 750 biljun dollaru biex jgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet.

Iżda kemm-il darba, kienet l-istess IMF li sellfet flus b’interessi lil bosta pajjiżi b’kundizzjonijiet ħorox u anti-soċjali li wasslu għal żarmar ta’ politika soċjali bbażata fuq il-ħarsien soċjali. Fortunatament, pajjiżna qatt ma kien dipendenti fuq din l-istituzzjoni. Fost il-flus li se jingħataw lill-IMF hemm 250 biljun dollaru li se jingħataw “b’xejn” lill-pajjiżi, iżda minn dawn 19-il biljun dollaru biss se jingħataw lill-pajjiżi l-iktar foqra.

Hemm ukoll 250 biljun dollaru biex jiġi ffinanzjat il-kummerċ, iżda minn dawn 50 biljun dollaru biss se jingħataw lill-pajjiżi foqra. Sadanittant, miljuni ta’ ħaddiema madwar id-dinja qegħdin jitilfu xogħolhom u jesperjenzaw miżerja kbira kaġun ta’ kriżi li ma ġabuhiex huma.

F’dan ir-rigward ta’ min wieħed jinnota li huwa stmat li fl-2009, bejn 40 miljun u 80 miljun persuna huma mistennijin jiżdiedu mal-190 miljun ħaddiema li qegħdin jirreġistraw għal xogħol madwar id-dinja. Barra minn hekk, 43% tal-ħaddiema madwar id-dinja jaqilgħu inqas minn żewġ dollari kuljum. B’reazzjoni għad-deċiżjonijiet tal-G20, il-pjattaforma “Put People First” li tirrappreżenta movimenti varji li pparteċipaw fil-protesti f’Londra, qalet li minkejja li sar xi progress fil-laqgħa tal-ġimgħa l-oħra, ma sarx biżżejjed biex jiġu kkonfrontati l-isfidi ewlenin li qiegħda tiffaċċja d-dinja, jiġifieri x-xogħol, il-ġustizzja soċjali u t-tibdil fil-klima.

Il-Moviment Dinji għall-Iżvilupp qal li din il-laqgħa pproduċiet “mediċina qarsa” għan-nies l-iktar foqra fid-dinja. Ta’ min ifakkar li bosta pajjiżi diġà mhux qegħdin jattwaw dak li wegħdu xi snin ilu biex jilħqu l-miri tal-millenju tal-Ġnus Magħquda. Jiġifieri bejn ir-retorika u l-prattika kemm-il darba hemm baħar jaqsam.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-kriżi globali m’għandhiex x’taqsam ma’ xi “bankiera immorali”, iżda ma’ sistema kapitalista li hi bbażata fuq l-immassimizzar tal-profitt akkost ta’ inugwaljanzi soċjali u l-qerda ekoloġika.

Diffiċli wieħed jimmaġina li tinstab soluzzjoni f’sistema hekk distruttiva. Iż-żerriegħa għal soċjetà aħjar qiegħda tinżera mill-movimenti li huma fuq ta’ quddiem biex jitkellmu dwar kwistjonijiet bħax-xogħol, l-iżvilupp soċjali u l-ekoloġija. Ma rridux nilludu ruħna li hemm xi soluzzjonijiet faċli, iżda lanqas m’għandna naqtgħu qalbna mit-tama li dinja oħra hi possibbli.

No comments: