Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Wednesday, February 25, 2009

L-Alleanza ta' San Gwann

minn Michael Briguglio
Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku, Alternattiva Demokratika

L-Orizzont, 25 ta’ Frar 2009
http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=51305

Il-kontroversja tal-iżvilupp propost ħdejn il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann ingħatat prominenza kbira minn bosta aġenziji ta’ midja Maltija. Minkejja li jien minix favur l-iżvilupp propost, minix se nidħol fil-mertu ta’ dan, għax nemmen li diġà smajna u qrajna biżżejjed dwar il-każ.

Li nixtieq nagħmel hu li nagħ­mel analiżi qasira tal-impatt politiku tal-kwistjoni.

Fuq naħa kien hemm il-Gvern Nazzjonalista u l-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, li permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, ippromwovew dan l-iżvilupp. Fost oħrajn, huma kellhom l-appoġġ ta’ Din l-Art Ħelwa.

Fuq in-naħa l-oħra kellek għaqdiet tal-ambjent bħal Flimkien għall-Ambjent Aħjar u kif ukoll il-Partit Laburista u l-Alternattiva Demokratika. Kien hemm ukoll bosta opinjonisti, akkademiċi u attivisti li opponew il-proġett. Iżda fuq kollox, jidher li kien hemm ukoll nies prominenti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, saħansitra fost il-Membri tal-Parlament.

Il-Partit Laburista kien se jressaq mozzjoni parlamentari kontra l-proġett iżda f’daqqa waħda, il-Prim Ministru Law­rence Gonzi ħabbar li l-proġett se jitwarrab.

X’wassal għal din id-deċiżjoni?

Fil-midja tressqu numru ta’ analiżi dwar dan.

Analiżi tipika­ment partiġġjana irraġunat li l-Prim Ministru xamm li għandu opożizzjoni kbira kontrih u b’mod opportunist għamel ‘u-turn’ biex isalva wiċċu.Analiżi iktar kawta u apolo­ġetika qalet li din kienet rebħa tal-moviment ambjenta­lis­ta li rnexxielu jqajjem kux­jenza dwar il-proġett, u li b’mod demo­kratiku, il-Gvern sema’ lill-poplu.

Hemm min forsi ħalla l-entużjażmu jiġri bih u ħaseb li kien se jaqa’ l-Gvern minħabba l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Bħallikieku Membru Parlamen­tari żagħżugħ huwa daqshekk kamikaże li lest li jwaqqa’ l-Gvern u fl-istess ħin jidfen il-futur politiku tiegħu nnifsu.

L-opinjoni tiegħi hi li kien hemm sinteżi ta’ bosta pres­sjonijiet li flimkien wasslu għar-riżultat. Il-Partit Laburista u l-Alternattiva Demokratika dehru iktar viċin il-vuċi popolari. Għaqdiet tal-ambjent irnexxiel­hom jipproduċu diskors li seraq ix-xena fuq il-midja. U xi mem­bri parlamentari riedu jagħtu messaġġ li leħinhom għandu jiġi rrispettat.

Fl-istess ħin, il-Prim Ministru għamel il-kalkoli politiċi tiegħu u biddel id-deċiżjoni tiegħu. Iktar milli ‘u-turn’, jien nikkun­sidra din bħala waħda mir-raġunijiet għaliex il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jirbaħ l-elezzjonijiet… għax f’dawn l-aħħar snin għaraf iktar jimxi maż-żminijiet, minkejja l-kon­tra­dizzjonijiet kbar li jeżistu f’dan il-partit li jlaqqa’ nies tan-negozju u tal-intrapriża ma’ ħaddiema; Konservattivi Katto­liċi ma’ żgħażagħ liberali, u saħansitra profeti tal-Kapita­liżmu Neo-liberali ma’ Pro­gressivi oħrajn li għal xi raġuni jew oħra ma jassoċjawx ruħhom max-Xellug Malti.

Fil-verità kien hemm alleanza li wasslet għar-rebħa ta’ San Ġwann. Iżda din l-alleanza kienet waħda spontanja u mhux waħda organizzata formalment, tant li xi protagonisti ma riedux jassoċjaw ruħhom ma’ gruppi li kienu fuq l-istess naħa tagħhom. Xi għaqdiet bħal Flimkien għall-Ambjent Aħjar dejjem isostnu li ma jistgħux jaħdmu ma’ partiti politiċi.

Filwaqt li nirrispetta u nif­hem din il-pożizzjoni, fl-istess ħin nistaqsi: kieku ma kienx hemm l-involviment ta’ partiti politiċi ħomor, ħodor u saħansitra blu, kien jintlaħaq dan ir-riżultat?

Filwaqt li napprezza l-fehma ta’ ambjentalisti bħal Astrid Vella li huma konxji ħafna tal-“indipendenza” tagħhom, fl-istess ħin ma nara xejn ħażin li jkun hemm alleanzi ċari bejn għaqdiet non-governattivi u partiti politiċi. Mhux qed ngħid li l-għaqdiet għandhom ikunu xi satelliti tal-partiti. Minflok, għandu jkun hemm relazzjoni ta’ rispett reċiproku u djalettika bejn iż-żewġ naħat, fejn kemm il-partiti u l-għaqdiet jiggwa­danjaw minn ħidma flimkien.

Irridu jew ma rridux, rebħiet fuq kwistjonijiet speċifiċi dejjem jinvolvu xi alleanzi bejn gruppi differenti. Il-politika tal-eremiti ma tistax iġġib bidliet soċjali.

No comments: