Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Wednesday, February 11, 2009

Konsumatur, Cittadin, Haddiem

minn Michael Briguglio,
Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku - Alternattiva Demokratika

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=50962
L-Orizzont 11 ta’ Frar 2009

Qegħdin fi żminijiet karatterizzati minn kontradizzjonijiet kbar. Quddiemna għandna opportunitajiet kbar biex ikollna soċjetà aħjar, frott l-iżvilupp f’oqsma bħal dawk ekonomiċi, politiċi, soċjali, xjentifiċi u teknoloġiċi.

Iżda fl-istess ħin fuq rasna hemm il-mannari tat-tibdil fil-klima u tal-kriżi globali ekonomika, li qegħdin iwasslu għal diffikultajiet kbar fosthom qgħad, mard, faqar u tniġġiż.

F’soċjetajiet avvanzati, l-identità tal-konsumatur hija waħda b’saħħitha ferm. Ħafna nies jibbażaw l-individwalità tagħhom fuq dak li jikkonsmaw, mid-dar sal-karozza, mill-ħwejjeġ sal-ikel, mill-mużika sal-postijiet li jiffrekwentaw.

L-istil ta’ ħajja tal-individwu saret waħda mill-ideoloġiji dominanti ta’ żminijietna. Industriji sħaħ jiddependu minn dan il-konsum, u b’hekk jiġu maħluqa bosta impjiegi.

Iżda dan kollu għandu l-limiti tiegħu. Il-konsum m’huwiex bir mingħajr qiegħ. L-ekoloġija għandha l-limiti tagħha, u dan għandu impatt soċjali qawwi. Biżżejjed wieħed jaħseb dwar il-karozzi privati. Iktar ma jinxtraw karozzi, iktar jinbnew toroq u iktar jintilfu spazji ħodor.

Iktar ma jiżdied it-traffiku, inqas ikun hemm postijiet b’sens ta’ komunità, minħabba li n-nies ikollhom inqas spazju fejn jiltaqgħu b’mod mingħajr perikli. Iżda kemm aħna lesti li nissagrifikaw l-użu tal-karozza?

Qiegħed ngħid dan mhux biss għal pajjiżna, fejn għandna servizz ta’ trasport pubbliku b’bosta nuqqasijiet, iżda ukoll f’pajjiżi fejn, minkejja li għandhom dan it-tip ta’ servizz avvanzat, xorta huma kkaratterizzati minn użu insostenibbli ta’ karozzi… Biżżejjed wieħed isemmi li f’Los Angeles biss, hemm iktar karozzi milli fiċ-Ċina kollha kemm hi! U fl-istess ħin, aħna tal-pajjiżi avvanzati, għandna dritt nippretendu li pajjiżi inqas żviluppati jagħmlu s-sagrifiċċji li aħna m’aħniex lesti li nagħmlu?

Fis-soċjetajiet bħal tagħna, diffiċli wieħed jimmaġina li tispiċċa fix-xejn l-identità tal-kosumatur. Iżda x’jista’ jsir sabiex naffrontaw din l-identità b’mod sostenibbli? Bosta ħassieba akkademiċi u forzi politiċi, jemfassizzaw il-bżonn li l-politika soċjali tippromwovi l-identità taċ-ċittadin.

Iċ-ċittadin x’inhu? Ċittadin huwa membru ta’ soċjetà, li għandu kemm drittijiet kif ukoll dmirijiet. F’soċjetajiet moderni, drittijiet jinkludu dawk bħal-libertajiet ċivili, fosthom id-dritt tal-għażla ta’ stil ta’ ħajja li wieħed jixtieq jgħix.

Iżda importanti li wieħed jemfasizza d-dmirijiet lejn ħaddieħor, u dan jinkludi ukoll il-ġenerazzjonijet tal-futur. Din it-tip ta’ imġieba tista’ twassal biex soċjetà jkollha kuxjenza soċjali u ambjentali iktar b’saħħitha.Iżda f’dinja reali, wieħed m’għandux jippretendi li ċittadini jkunu daqshekk altruisti lejn ħaddieħor meta huma stess għandhom diffikultajiet kbar. Kif nista’ nippretendi li xi ħadd jinvesti somma kapitali f’enerġija alternattiva, meta din il-persuna bilkemm qiegħda tlaħħaq mal-ispejjeż ta’ kuljum? U kif nista’ nippretendi li xi ħadd jaqbad u jbiddel il-karozza għal waħda iktar ‘nadifa’ meta l-but ma jippermettix?

Bl-istess mod, kif nista’ nippretendi li xi ħadd jafda lill-awtoritajiet soċjali meta din il-persuna qiegħda taħdem b’mod onest iżda qiegħda tħallas ammont ta’ taxxi sproporzjonati? Jista’ jkun il-każ li hemm min qiegħed joqgħod mar-regoli iżda qiegħed jitlef il-logħba.

Hawnhekk tidħol l-identità tal-ħaddiem. Fl-aħħar mill-aħħar, lil hinn minn identitajiet oħra bħal dawk ta’ konsumatur u ċittadin, liema identitajiet huma reali, hemm l-identità tal-ħaddiem.

L-attiviżmu ta’ bosta unjins tal-ħaddiema f’Malta fil-kwistjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma hija xhieda qawwija ta’ dan… L-unjins qegħdin jitkellmu dwar il-problemi li għandhom il-membri tagħhom, jiġifieri ħaddiema, iżda l-problemi għandhom x’jaqsmu ma’ konsum, iktar milli max-xogħol b’mod dirett. Iżda konsumatur huwa ħaddiem, u l-identitajiet jikkonverġu.

Għalhekk, jeħtieġ li politika soċjali progressiva tiżgura, li jkun hemm opportunitajiet ġusti u indaqs għaċ-ċittadini. Dawn l-opportunitajiet jibdew mid-dinja tax-xogħol, fejn għandu jiġi żgurat mhux biss li jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi, iżda ukoll li l-ħaddiema jiġu trattati b’mod indaqs għall-istess tip ta’ xogħol, speċjalment meta qiegħda tiżdied il-prekarjetà u xogħol każwali bħal dak b’kuntratt definit.

F’dan ir-rigward wieħed ma jistax ma jsellimx lill-GWU li ħarġet b’inizjattiva tassew ġusta li jiġu ssalvagwardjati l-impj-iegi permezz tal-‘4 day week’, liema kunċett qiegħed iġib iktar solidarjetà bejn ħad- diema f’kumpaniji li qiegħed ikollhom problemi ekonomiċi kbar.

Iżda għandu jkun hemm ukoll opportunitajiet li jippremjaw, u mhux jikkastigaw lil min iġib ruħu ta’ ċittadin ġust u onest. Miżuri f’dan ir-rigward jistgħu jinkludu krediti ta’ taxxa lil min jaħdem, iżda ma jistax ilaħħaq mal-għoli tal- ħajja, inċentivi fiskali li bihom verament il-but tal-ħaddiem ikun jista’ jaffordja prodotti ‘ekoloġiċi’, u riformi f’oqsma bħat-trasport pubbliku li huma mmirati li joħolqu servizz verament aċċessibbli.

Dawn it-tip ta’ riformi għandhom jiġu kkumpanjati b’riformi li jinkoraġġixxu investimenti f’oqsma ‘ġodda’ u sostenibbli li jkollhom impatt ekoloġiku pożittiv.

Dawn it-tip ta’ riformi jkollhom bosta effetti li, bħal katina, jiddependu minn xulxin… Iħallu iktar flus f’idejn il-ħaddiem/konsumatur, jippermettu li r-rota ekono- mika ddur u b’hekk jinħolqu iktar impjiegi, u jiffavorixxu lil min jaħdem u lil min qiegħed jagħżel stil ta’ ħajja iktar soċjalment u ekoloġikament ġusta.

Iżda din it-tip ta’ politika teħtieġ kuraġġ u alleanzi sodi. Alleanzi mhux ma’ min qiegħed jistana mis-sistema preżenti, iżda alleanzi ma’ min ipoġġi l-ġustizzja soċjali u ekoloġika qabel kollox. L-alleanzi ta’ bosta unjins tal-ħaddiema fil-kwistjoni tad-dawl u l-ilma jagħtina kuraġġ.

www.alternattiva.org.mt
www.miċhaelbriguglio.ċom

No comments: