Sociologist, local councillor, activist from Malta

Wednesday, January 28, 2009

Xogħol ekoloġiku u sfidi tal-klima

minn Michael Briguglio, Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku, Alternattiva Demokratika

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=50601
L-orizzont 28 ta’ Jannar 2008

Ftit xhur ilu l-Ġnus Magħquda qalet li jistgħu jinħolqu miljuni ta’ im­pjiegi madwar id-dinja f’xogħol relatat ma’ affarijiet ekoloġiċi. L-istess qed jingħad mill-Organiz­zazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) u esperti varji. Saħansitra l-Partit tal-Ħodor Ewropej qed jipproponi hekk imsejjaħ “patt aħdar” biex l-Unjoni Ewropea tagħti spinta kbira lejn il-ħolqien ta’ din it-tip ta’ xogħol fid-dawl tal-kriżi tal-kapitaliżmu neo-liberali.

Inħoloq terminu soċjoloġiku ġdid – ‘green jobs’. Tradizzjonal­ment, kien hemm min jitkellem fuq ‘blue collar jobs’ u ‘white collar jobs’, jiġifieri, xogħol manwali u xogħol fil-qasam tas-servizzi rispettivament. Hemm min jitkellem ukoll dwar xogħol tal-qalba (bħal dak professjonali u fultajm) u xogħol periferali (bħal dak kuntrattwali, każwali jew partajm).

L-hekk imsejħin ‘green jobs’, jew xogħol ekoloġiku, jista’ jiġi maħluq f’oqsma bħall-produz­zjoni u distribuzzjoni ta’ sorsi alternattivi ta’ enerġija, ta’ im­maniġġjar tal-iskart, ta’ xogħol fil-komunità u ta’ trasport nadif. Dan jinvoli xogħol f’livelli varji, bħal dak professjonali, amministrattiv, tekniku u agrikolu.

F’dan ir-rigward, dan l-aħħar, il-Pjattaforma Soċjali Ewropea – li hija magħmula minn għaqdiet Ewropej li jirrappreżentaw interessi soċjali bħal dawk tal-ħaddiema u minoranzi fost oħrajn – impenjat ruħha għall-inizjattiva ekoloġika pożittiva. Flimkien mal-ETUC (il-konfede­razzjoni tal-unjins tal-ħad­diema fl-Ewropa) u l-EEB (l-ikbar għaqda ambjentali fl-Unjoni Ewropea), il-Pjattaforma qiegħda timmira li toħloq alleanza wiesgħa tas-soċjetà ċivili bil-għan li l-Kummissjoni Ewropea ma tkunx tista’ tinjora s-sejħiet soċjali u ekoloġiċi mis-soċjetà ċivili.

Għalhekk, il-Pjattaforma Soċjali se torganizza attività bejn id-29 u t-30 ta’ Jannar u s’issa jidher li hemm interess kbir minn rappreżentanti varji tas-soċjetà ċivili. Ta’ min jgħid li f’Malta, l-ikbar żewġ unjins rispettivi tal-ħaddiema, jiġifieri l-GWU u l-UĦM it-tnejn tkellmu favur il-ħolqien ta’ xogħol ekoloġiku f’dawn l-aħħar xhur. L-istess għamlu numru ta’ għaqdiet tas-soċjetà ċivili.

F’dan ir-rigward, Friends of the Earth, Żminijietna – Leħen ix-Xellug, l-Għaqda Universi­tarja tal-Ġeografija, Nature Trust, Malta Breast Feeding Foundation, l-Għaqda Maltija ta’ Stu­denti tal-Mediċina, Moviment Graffitti, Insite u BICREF dan l-aħħar ingħaqdu f’attività favur azzjoni kontra t-tibdil fil-klima ftit ġimgħat ilu.

Fuq il-front ta’ partiti politiċi, hija ħaġa pożittiva li Leo Brincat, f’isem il-Partit Laburista, ippre­żenta mozzjoni fil-Parlament favur liġi dwar it-tibdil fil-klima, liema mozzjoni kellha l-appoġġ tal-Alternattiva Demokratika u ta’ numru ta’ għaqdiet.

Sfortunatament, il-kamp Naz­zjonalista ma weriex l-ap­poġġ tiegħu. Forsi din mhijiex sorpriża, speċjalment meta dan l-aħħar, studju kkummissjonat minn Friends of the Earth (Europe) wera li fil-Parlament Ewropew, il-Partit Popolari – li miegħu huwa affiljat il-Partit Nazzjonalista – jinsab fl-aħħar post f’dak li għandu x’jaqsam ma’ miżuri favur l-ambjent. Il-Partit tal-Ħodor, li miegħu hija affiljata Alternattiva Demo­kratika, qiegħed fl-ewwel post. Fit-tieni u fit-tielet post wieħed isib il-Grupp tax-Xellug u s-Soċjalisti rispettivament.

Kien ikun tassew pass pożit­tiv kieku l-partiti kollha wrew l-appoġġ għall-inizjattiva favur liġi dwar it-Tibdil fil-Klima. Iżda din mhux l-ewwel falza stikka tal-Gvern Nazzjonalista f’dan il-qasam.

Fil-fatt, il-Gvern naqas milli jaħtar rappreżentanti ta’ għaqdiet ambjentali fil-bord maħtur minnu dwar it-tibdil fil-klima. Huwa veru li l-Gvern fetaħ konsultazzjoni pubblika dwar il-kwistjoni, u huwa veru wkoll li l-Gvern ikkommetta ruħu għal numru ta’ miżuri am­bjentali pożittivi, iżda huwa veru wkoll li rappreżentanza f’bord influwenti jagħti iktar saħħa minn sempliċiment pro­posta lill-bord. Dan jgħodd għall-bordijiet oħrajn bħal dak tal-MEPA.

Il-kriżi ekonomika globali tagħtina opportunità biex noħolqu xogħol ekoloġiku u soċjalment ġust. Dan hu l-futur jekk irridu soċjetà sostenibbli f’kull rispett.

L-istat għandu rwol importanti ħafna f’dan ir-rigward, biex jagħti direzzjoni lis-soċjetà. Iżda x’jiswa jekk il-partit fil-gvern jisma’ mis-soċjetà ċivili b’mod selettiv biss?

No comments: