Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Thursday, January 15, 2009

Ħobża ta’ kuljum u profeti tal-profitt

minn Michael Briguglio, Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku tal-Alternattiva Demokratika

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=50244
L-Orizzont 14 ta’ Jannar 2009

F’dawn l-aħħar ġimgħat seħħew bosta kwistjonijiet soċjo-ekomomiċi li ddominaw il-midja u d-diskors pubbliku. Biżżejjed wieħed isemmi l-kwistjoni tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-kriżi finanzjarja. Jien stess ktibt dwar dan, f’artikli preċedenti fuq l-orizzont.

Żewġ suġġetti f’dan il-qasam, li tajjeb wieħed jitkellem dwarhom, f’dawn il-ġimgħat huma l-kwistjoni tal-ħobż u dik tal-interessi tal-banek. Fiż-żewġ każi, wieħed jittama li l-interessi tal-konsumatur jiġu protetti.

Il-ħobża tal-Malti

F’dak li għandu x’jaqsam mal-ħobż, il-Gvern iddeċieda li jneħħi s-sussidji u jilliberalizza s-suq. Minkejja li naħseb li l-prezz tal-ħobż aktarx se jiżdied, irridu nistennew u naraw, qabel ma ngħidu fiċ-ċert x’se jkun l-impatt soċjali u ekonomiku ta’ dan. Għalhekk, mhux se nkun jien li nagħmel xi previżjonijiet qishom tal-apokalissi.

Dan ukoll għax f’kuntest fejn l-għażliet tal-konsumatur saru wisq aktar varjati minn qabel, personalment m’inix daqshekk ċert jekk il-ħobża Maltija hijiex veramanet ikel essenzjali bħal ma kienet snin ilu. Lanqas ma jien ċert jekk hemmx ħela jew le fl-użu tal-ħobż minħabba l-prezz “irħis” tagħha.

Iżda lil hinn minn dan kollu, nirrikonoxxi l-fatt li l-ħobża Maltija għandha ċertu importanza fil-kultura tagħna u jkun tajjeb jekk, fejn nistgħu nevitaw żidiet mhux ġustifikati fil-prezz, nevitawhom.

F’dan ir-rigward, tajjeb li jkun hemm regolatur, totalment indipendenti mill-Gvern, li jiżgura li m’hemmx abbuż fil-prezzijiet tal-qmugħ li jiġu importati minn barra. Minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna, kien ġie stabbilit li s-suq ma jiflaħx iktar minn kumpanija waħda li timporta l-qmugħ. Iżda m’huwiex ċar jekk iċ-ċaqlieq fil-prezzijiet tal-qmugħ importati (speċjalment meta l-prezz jorħos) jiġix dejjem trasmess lil min jipproduċi l-ħobż.

Tajjeb ukoll li r-regolatur jara li m’hemmx żidiet mhux ġustifikati fil-prezz tal-ħobż, speċjalment fi ħwienet bħal ‘supermarkets’. Iżda nerġa’ ntenni li biex dan iseħħ, jeħtieġ li r-regolatur ikun verament indipendenti mill-Gvern, u mhux ikun xi kumitat appuntat minn Ministru biex iservi interessi politiko-partiġġjani, qabel ma jara l-effiċjenza u d-drittijiet tal-konsumatur.

Iżda għal kull konsumatur hemm ħaddiem, u għalhekk tajjeb li jiġu protetti l-interessi tal-ħaddiema f’din il-kwistjoni. F’dan ir-rigward, il-koperattiva tal-furnara qiegħda tappella lill-Gvern biex jerġa’ jdaħħal is-sussidju fuq il-ħobż sabiex ikunu jistgħu jiggarantixxu prezz baxx u jissalvagwardjaw l-impjieg tagħhom.

Lil hinn mit-talba tal-koperattiva, ikun għaqli ukoll jekk wieħed jinvestiga alternattivi oħrajn sabiex jiġu mgħejjuna l-furnara. Fost affarijiet oħrajn, il-Gvern jista’ jgħin fl-effiċjenza tal-fjuwil li jużaw. Dan kollu jista’ jseħħ fi sfond tar-regoli tal-Unjoni Ewropea.

Iżda tajjeb li nwessgħu d-diskors dwar dawk kollha nvoluti fl-oqsma varji ta’ produzzjoni, distribuzzjoni u bejgħ tal-ħobż, u nenfasizzaw li f’kull każ, il-ħaddiema nvoluti jixirqilhom kundizzjonijiet ta’ xogħol diċenti, mis-sigħat ta’ ħidma sal-pagi li jaqilgħu.

L-interessi tal-banek

Kwistjoni oħra li ma kellhiex daqshekk prominenza fil-midja hi dik dwar l-interessi tal-banek. Fi ftit kliem, il-kwistjoni hi li filwaqt li l-Bank Ċentrali Ewropew qiegħed inaqqas ir-rati ta’ interessi, dan it-tnaqqis s’issa mhux qiegħed jiġi rifless b’mod sħiħ mill-banek f’Malta.

M’huwiex aċċettabbli li filwaqt li l-banek ma jaħsbuhiex darbtejn biex inaqqsu minnufih l-interessi fuq it-tfaddil tal-klijenti tagħhom, l-istess banek jimxu b’pass ta’ nemlu biex inaqqsu l-interessi fuq self.

Wieħed jistenna iktar responsabbiltà soċjali minn dawn l-istituzzjonijiet, li fl-aħħar mill-aħħar qegħdin jagħmlu l-profitti mill-flus li niddepożitaw aħna l-klijenti. Iżda, forsi qiegħed nistenna wisq.

Huwa għalhekk li nemmen li l-istat għandu jkollu rwol aktar qawwi fis-settur bankarju u fl-ekonomija in ġenerali, sabiex jipproteġi s-soċjetà minn skossi bla bżonn, iżda mhux biss. L-istat għandu jkollu rwol iktar qawwi biex l-ekonomija jkollha direzzjoni iktar sostenibbli u iktar soċjalment ġusta. Mhux qiegħed nitkellem dwar xi stat monolitiku u awtoritarju, iżda fuq stat responsabbli, li jħares fit-tul b’mod ħolistiku, fejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ekoloġija jiġu kkunsidrati bħala tliet sferi ugwalment essenzjali.

Il-waqgħa tat-twemmin neo-liberali tagħtina iktar kuraġġ biex nitkellmu dwar ir-rwol ta’ l-istat fl-ekonomija. Il-profeti foloz tal-profitt ma jistgħux jibqgħu jikkritikawna li qegħ-din ngħixu fi żminijiet oħra, meta ħafna drabi huma u d-dixxipli tagħhom qegħdin imorru għarkobbtejhom quddiem l-istat għal għajnuniet bħal sussidji. Sussidji? X’qed tgħid Ġuż!

No comments: