Sociologist, local councillor, activist from Malta

Wednesday, December 03, 2008

Lejn edukazzjoni demokratika u soċjalment ġusta

minn Michael Briguglio,
Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku - Alternattiva Demokratika
http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=49274
L-Orizzont, 3 ta’ Dicembru 2008

Fl-ahhar, pajjiżna qiegħed jiddiskuti riformi strutturali fis-sistema edukattiva. Għandna sistema edukattiva tajba, li għamlet kisbiet kbar tul is-snin, mill-introduzzjoni ta’ edukazzjoni universali u b’xejn sar-riformi fl-Università li waslet għal tkabbir enormi fil-popolazzjoni studenteska.

Minkejja dawn il-kisbiet u oħrajn, pajjiżna qiegħed jaqa’ lura f’bosta affarijiet meta nqabblu lilna nfusna ma’ pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea. Għandna fost l-ogħla livelli ta’ illiterriżmu fl-UE, u għandna l-iktar persentaġġ baxx ta’ studenti li jkomplu jistudjaw wara l-edukazzjoni sekondarja.

Studji soċjoloġiċi juru li mhux kulħadd qiegħed jibbenefika bl-istess mod mis-sistema edukattiva tagħna. Ġeneralment, dawk li ġejjin mill-klassijiet soċjali ta’ fuq qegħdin iġibu riżultati aħjar minn dawk li ġejjin mill-klassi tal-ħaddiema u minn kategoriji soċjali inqas privileġġjati. Fl-Università iktar hemm ċans li ssib studenti li ġejjin minn lokalitajiet tal-klassijiet ta’ fuq milli minn lokalitajiet tal-klassijiet ta’ taħt.

Dan bl-ebda mod ma jfisser li min ġej mill-klassijiet soċjali ta’ fuq huwa iktar intelliġenti jew kapaċi. Bosta studji soċjoloġiċi juru li hemm fatturi varji li jwassal għal din it-tip ta’ inugwaljanza. Fost affarijiet oħrajn, hemm fatturi materjali bħall-ammont ta’ flus u riżorsi li jkollhom it-tfal għad-dispożizzjoni tagħhom. Iżda hemm ukoll fatturi oħrajn kulturali, fejn ġeneralment, it-tip ta’ lingwa, diskors u aspettattivi kulturali li ssib fl-iskejjel huma iktar viċin dawn użati min-nies li ġejjin mill-klassijiet ta’ fuq. Dan jista’ jwassal għal xokk kulturali għal tfal li ġejjin mill-klassijiet ta’ taħt, li minn età żgħira jibdew jaqtgħu qalbhom mis-sistema edukattiva.

L-Eżami tal-Junior Lyceum xejn ma jgħin f’dan ir-rigward. Dawk li ma jgħaddux ta’ spiss jiġu ttimbrati bħala telliefa, liema timbru kemm-il darba jeħel fuq l-istudent, tant li l-istess student jibda’ jemmen li mhuwiex kapaċi. Dan kemm-il darba jwassal għall-aljenazzjoni mill-edukazzjoni u konsegwentament, għal nuqqas ta’ kwalifiċi fost eluf ta’ studenti.

Huwa għalhekk li kull min jemmen fil-ġustizzja soċjali l-ewwel, għandu jappoġġja l-proposta għal sistema edukattiva komprensiva, waħda fejn l-‘istreaming’ jinqata’ u minflok ikun hemm klassijiet bi studenti ta’ abilitajiet imħalltin. Riċerka soċjoloġika turi li studenti “iktar tajbin” ma jmorrux lura b’din it-tip ta’ sistema, iżda għall-kuntrarju, studenti “inqas tajbin” iktar hemm ċans li jmorru tajjeb.

Ir-riforma diġà bidet permezz tal-kulleġġi, fejn tfal ta’ skejjel differenti tpoġġew fl-istess bini u qegħdin iqattgħu iktar ħin flimkien. Bl-eliminazzjoni ta’ l-‘istreaming’, inkunu mxejna pass ieħor ’il quddiem, pass kuraġġjuż li ħadu ħafna pajjiżi oħrajn, u pass li qed jiġi rrakkomandat mill-esperti fil-qasam edukattiv, wara snin ta’ riċerka bbażata fuq dak li qiegħed jiġri fil-ħajja ta’ kuljum f’sistemi edukattivi madwar id-dinja.

Riforma bħal din hija waħda mhux biss iktar demokratika u soċjalment ġusta, iżda ukoll waħda li tista’ tħalli riżultati prammatiċi bħal titjib fil-ħiliet u kwalifiċi tal-istudenti kollha biex b’hekk ikunu f’qagħda aħjar li jsibu x-xogħol, f’kuntest ekonomiku globali li jeħtieġ abilitajiet li dejjem qegħdin jinbidlu.

Iżda tajjeb li din ir-riforma tkun studjata sew u li tassew ikun hemm l-involviment tal-protagonisti kollha f’dan il-qasam. Mhux qed nitkellem biss dwar l-amministraturi, l-għalliema u l-istudenti, iżda qed nitkellem ukoll dwar il-komunitajiet lokali, il-ġenituri u s-soċjetà ċivili.

Jeħtieg li l-iskejjel ma jkunux sempliċiment bini fejn isir tagħlim obbligatorju, iżda li dawn jinbidlu f’ċentri ta’ demokrazija ta’ kuljum, bil-parteċipazzjoni ta’ residenti, għaqdiet mhux governattivi (bħal dawk kulturali, sportivi, soċjali u ambjentali) u oħrajn li tassew jistgħu jgħinu biex ikun hemm sens ta’ ‘ownership’ u ta’ parteċipazzjoni attiva fl-edukazzjoni għall-ħajja ta’ kuljum.

Fuq kollox jeħtieġ li r-riforma ssir bil-għaqal u li kulħadd ikun imħarreġ u ppreparat sew għaliha. Affarijiet bħall-kundizzjonijiet ta’ xogħol u l-pagi tal-għalliema u ħaddiema oħrajn, bilfors iridu jiġu kkonsidrati, u huwa għalhekk li jkun importanti li l-unjins għandhom ikunu involuti sew f’din ir-riforma.

Fl-aħħar nixtieq nikkonkludi li ma naqbilx ma’ min qed jgħid li din hi riforma mingħajr politika u ideoloġija. Għall-kuntrarju, jekk tiġi implimentata sew din tista’ tkun riforma tassew progressiva, waħda ibbażata fuq l-ugwaljanza, il-ġustizzja soċjali u d-demokrazija ta’ kuljum.

No comments: