Sociologist, local councillor, activist from Malta

Wednesday, December 17, 2008

Koperattivi Attivi

minn Michael Briguglio,
Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku - Alternattiva Demokratika L-Orizzont, 17 ta’ Dicembru 2008-12-17

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=49624

Ftit tal-ġranet ilu saret laqgħa interessanti bejn delegazzjoni tal-Alternativa Demokratika u delegazzjoni tal-APEX, l-għaqda tal-koperattivi Maltin.

F’din il-laqgħa smajna kif il-moviment tal-koperattivi f’Malta għandu iktar minn 60 sena. Illum ikopri iktar minn 60 koperattiva, b’madwar 5,500 membru. Ta’ min jgħid li fl-Ewropa hemm 267,000 koperattiva b’madwar 163 miljun membru!

It-tmexxija tal-APEX spjegat il-viżjoni li għandhom għall-futur tal-moviment tal-koperattivi. Fost affarijiet oħrajn tkellmu dwar l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ, tar-relazzjonijiet internazzjonali u tal-proġetti tal-Unjoni Ewropea, u dwar l-importanza ta’ oqsma bħall-ambjent, ir-responsabbiltà soċjali, il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-attività ekonomika u sfidi għall-gruppi soċjali bħal nies b’diżabilità. Arnold Cassola u jien, li rrapreżentajna lil Alternattiva Demokratika f’din il-laqgħa, konna impresjonati bil-viżjoni pożittiva tat-tmexxija tal-APEX, speċjalment meta jidher biċ-ċar li hemm ħsieb li l-aspett soċjali tal-koperattivi jiġi meqjus fi sfond ta’ sostenibilità u viabilità ekonomika.

Malta għandha tkun kburija bil-fatt li koperattivi Maltin jinsabu f’oqsma varji kemm kummerċjali kif ukoll soċjali, inkluż kummerċ ġust, trasport, midja u komunikazzjoni, konsulenza għall-immaniġjar, konsulenza f’servizzi finanzjarji, arti u restawr tal-arkitettura, arkeoloġija, artiġġjanat u servizzi speċjalizzati għal persuni li għandhom bżonnijiet speċjali.

Ekonomija ekoloġika u soċjali tippromwovi prattiċi bħal dawk tal-koperattivi, peress li dawn jistgħu jwasslu għal demokrazija fuq il-post tax-xogħol u għal ġustizzja soċjali, protezzjoni ambjentali u kummerċ ġust.

Koperattivi bbażati lokalment għandhom it-tendenza li jħallu ħafna mill-qligħ tagħhom fl-ekonomija lokali, u dan jgħin għat-tkattir tal-iżvilupp sostenibbli. Kummerċ lokalizzat huwa ta’ benefiċċju mhux biss b’mod ekonomiku, iżda ukoll peress li jikkawża inqas dħaħen mit-trasport u jkattar il-ħajja soċjali fil-komunità, minħabba li prodotti u servizzi huma faċilment aċċessibbli għar-residenti.

Iżda l-koperattivi għandhom bosta sfidi quddiemhom, speċjalment meta hemm min qiegħed jargumenta li dawn għandhom ikollhom l-istess obbligi bħalma għandhom kumpaniji u negozji oħrajn. F’dan ir-rigward, ta’ min jgħid li Caroline Lucas (ritratt), mexxejja tal-Ħodor Ingliżi u membru tal-grupp parlamentari tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew, ftit tax-xhur ilu tkellmet favur il-bżonn li koperattivi madwar l-Ewropa jiġu protetti minħabba li dawn għandhom rwol soċjali u mhux biss ekonomiku, fis-soċjetà. Lucas appellat lill-Kummissjoni Ewropea biex ma jiġux introdotti deċiżjonijiet li jimminaw il-liġijiet u l-istrutturi finanzjarji uniċi tal-intrapriża tal-koperattivi, liema liġijiet u strutturi qegħdin jgħinu biex jiġu mkattrin il-koperattivi.

Jiġri x’jiġri fi sfond Ewropew, huwa vitali li l-koperattivi jkunu vijabbli ekonomikament u anke jfittxu oqsma ġodda fejn jistgħu joperaw. Ngħidu aħna, jistgħu jesploraw il-ħolqien ta’ xogħol ekoloġiku f’oqsma bħall-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ enerġija alternattiva, li jinvolvu l-ħolqien ta’ xogħol f’livelli differenti, bħal dak professjonali, amministrattiv u tekniku.

Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-koperattivi jingħataw kull appoġġ mill-istat, biex il-missjoni soċjali tagħhom tkun tista’ titkattar. F’dan ir-rigward, Alternattiva temmen li l-istess bħalma għandu jiġri għal kumpaniji ta’ daqs żgħir jew medju, il-koperattivi għandhom jingħataw trattament ġust mill-istat rigward fondi għar-riċerka u innovazzjoni, tariffi tal-enerġija, politika fiskali u għajnuniet b’rabta mal-prezz tal-proprjetà. Ikun tajjeb ukoll jekk il-kunsilli lokali jagħtu iktar kuraġġ lill-koperattivi fix-xogħol li jagħmlu. Fil-preżent, hemm kunsilli li jaħdmu tajjeb ma’ xi koperattivi, iżda oħrajn li skartawhom. Il-ħidma tal-koperattivi mhijiex dejjem ward u żgħar, u mhux dejjem kienet ta’ suċċess.

Iżda hemm bosta eżempji ta’ koperattivi li għamlu suċċess, u dan għandu jservi ta’ xprun biex ikun hemm politika ekonomika li tamalgama s-sostenibilità ekonomika ma’ dik soċjali u ekoloġika. Fiż-żminijiet tal-lum, din it-tip ta’ politika hija iktar u iktar meħtieġa biex tilqa’ għar-riskji li qegħdin jiffaċċjaw bosta ħaddiema.

No comments: