Sociologist, local councillor, activist from Malta

Wednesday, December 31, 2008

Habsin fis-Socjeta'

Michael Briguglio
Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku – Alternattiva Demokratika

L-Orizzont 31 ta’ Dicembru 2008

Fl-1910, Winston Churchill, qal li wiehed jista’ jaghti gudizzju fuq kemm socjeta’ hija civilizzata billi jara kif din titratta l-habsin. Ghaddew mitt sena u nistghu nghidu li sar avvanz kbir fid-drittijiet tal-habsin f’bosta socjetajiet. Forsi wiehed mill-ikbar zviluppi kien l-abolizzjoni tal-piena kapitali f’hafna socjetajiet, fosthom dawk kollha li huma msiehba fl-Unjoni Ewropea.

Izda xorta hemm bosta pajjizi fejn tezisti l-piena kapitali u fejn habsin jigu trattati b’mod degradanti. Bizzejjed insemmu l-kaz tal-habsin mizmuma f’Gwantanamo, li qed jigu mizmuma b’mod illegali u inuman mill-Gvern Amerikan. Dan il-kaz u ohrajn bhali, qajjem kuxjenza gdida dwar id-drittijiet tal-habsin.

F’pajjzina, kien propju l-gimgha l-ohra li fil-Kon-Katidral ta’ San Gwann saret quddiesa koncelebrata f’gheluq il-hamsin sena miz-zjara storika tal-Papa Gwanni XXIII fil-habs ta’ Regina Coeli f’Ruma, liema quddiesa giet imhejjija mill-fondazzjoni Mid-Dlam ghad-Dawl u mmexxijja mill-Arcisqof Pawlu Cremona bil-prezenza tal-President ta’ Malta Eddie Fenech Adami. Ta’ min jghid li fl-istess gurnata, l-Arcisqof ghamel zjara fil-habs u ltaqa’ mal-habsin… gest tassew nobbli.

Jien ippartecipajt f’din il-quddiesa bhala Fiducjarju tal-Fondazzjoni Mid-Dlam Ghad-Dawl. Waqt ic-cerimonja, kemm l-Arcisqof kif ukoll Patri Mark Montebello qalu kliem tassew imdawwal, fejn fost ohrajn fakruna kif fil-martirju tieghu, San Stiefnu talab ghall-ghedewwa tieghu u qal, “Tqishulhomx dan id-dnub”.

L-Arcisqof u Patri Mark fakruna ukoll li filwaqt li ghandna nkunu kontra l-kriminalita’, ghandna nzommu f’mohhna ukoll li l-habsin huma parti mis-socjeta’. Ghalhekk ahna lkoll responsabbli li fil-Habs jigu trattati b’mod xieraq u li l-penitenza ghanda sservi biex huma johorgu mill-habs bhala nies ahjar milli dahlu.

Jien naqbel ma’ dan il-hsieb u nemmen li habs ghandu jservi bhala istituzzjoni li tirriforma lill-persuna u mhux li tnezzghu mill-umanita’ tieghu. Fl-ahhar mill-ahhar, hija s-socjeta’ li tirbah jekk il-habs jagixxi b’mod li jirriforma. Bl-istess mod, hija s-socjeta’ li tmur il-quddiem jekk tinvesti f’oqsma bhall-edukazzjoni, sahha u l-harsien socjali… Tajjeb jekk hawnhekk wiehed iqabbel il-mod kif fl-Unjoni Ewropea hemm iktar investiment f’dan il-qasam milli fl-Istati Uniti, bir-rizultat li fl-Istati Uniti hemm iktar inugwaljanza u iktar habsin!

F’pajjizna sar titjib fid-drittijiet tal-habsin, izda xorta jezistu xi oqsma li jixirqilhom iktar attenzjoni. Studju xjentifiku tal-Fondazzjoni Mid-Dlam ghad-Dawl juri li 56% tal-habsin huma ricedivi u li 64% tal-habsin jemmnu li l-habs m’huwiex qieghed jippreparahom biex jigu re-integrati fis-socjeta’. Ghalhekk tajjeb jekk wiehed jara jekk huwiex isir bizzejjed biex il-habs jghin ghar-riabilitazzjoni tal-habsin.

Fost oqsma li jisthoqillhom attenzjoni tajjeb wiehed isemmi ukoll it-tul biex jinqatghu s-sentenzi – haga li tohloq anzjeta’ kbira lill-dawk kollha involuti b’mod dirett jew indirett mal-kaz koncernati.

Bhalissa hemm kwistjoni ukoll dwar habsin f’divizjoni tnax li tnaqsulhom il-vizti kif ukoll tnehhewlhom in-'non-contact visits' (jigifieri l-vizti minn wara l-hgiega), meta qabel dan seta' jsir kuljum. Barra minn hekk, filwaqt li l-prigunieri l-ohra kollha jistghu jaghmlu xirja mill-canteen darbtejn fil-gimgha, il-habsin f’din id-divizjoni issa jistghu jaghmlu xirja darba biss fil-gimgha
F’dak li ghandu x’jaqsam ma’ prigunieri barranin, kemm il-darba ikun hemm nuqqas ta' servizz ta' traduzzjoni tal-lingwa u nuqqas ta' rapprezentanza legali xierqa. Dan jista’ iwassal ghal konfuzzjoni u nuqqas ta’ komunikazzjoni, bir-rizultat li dawn il-habsin jistghu jispiccaw lanqas jafu x’inhu jigri sew dwar il-kaz taghhom.

Tajjeb wiehed jitkellem ukoll dwar habsin li jiskontaw is-sentenza tal-habs. Kemm il-darba ikun hemm min ghandu bzonn ghajnuna. Hafna eks-habsin isibuha difficli li jsibu xoghol minhabba l-kondotta taghhom, u hemm ohrajn li jkollhom sahansitra problema ta’ residenza minhabba problemi finanzjarji, familjari jew problemi ohra. F’din is-sitwazzjoni xejn sabiha, ikun hemm min jispicca jirrikorri ghad-drogi jew ghal forom ohra ta’ kriminalita’.Ghalhekk, jehtieg li jkun hemm politika socjali li tiffoka fuq il-process ta’ re-integrazzjoni fis-socjeta’ tal-habsin.

L-ahhar u mhux l-inqas, hemm il-kwistjoni dwar l-introduzzjoni tal-‘parole’, kif gie propost minn ghaqdiet bhall-Mid-Dlam ghad-Dawl u l-Istudenti tal-Kriminologija u kif gie imwieghed mill-Gvern, Dan id-dritt jaghti xaqq ta’ dawl lill-habsin li jgibu ruhhom tajjeb u li jithallew johorgu mill-habs b’certu kundizzjonijiet sa kemm tispicca s-sentenza.

Naghlaq billi nsaqsikom gheziez qarrejja tiftakru li personaggi storici bhall-Gesu’ Kristu, San Pawl, Antonio Gramsci, Mahatma Gandhi u Manwel Dimech kollha kienu habsin…. Mhux qed nghid hekk biex nigglorifika l-habsi, izda biex nuri li wara d-dlam verament jista’ jkun hemm id-dawl.

Il-festi t-tajba lill-qarrejja ta’ l-orizzont u lill-haddiema tal-Union Print.

No comments: