Sociologist, local councillor, activist from Malta

Wednesday, November 19, 2008

Alleanzi Progressivi

minn Michael Briguglio,


Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku - Alternattiva Demokratika



http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=48929


L-Orizzont 19 ta’ Novembru 2008






Prosit lill-unjins tal-ħaddiema li ngħaqdu f’demostrazzjoni kontra l-impożizzjoni tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma! Prosit lill-General Workers’ Union li ħadet l-ewwel pass u lill-unjins l-oħrajn kollha li wrew maturità politika kbira billi laqgħu l-istedina tal-GWU.





Din id-deċiżjoni storika, għandha sservi bħala xprun għal iktar alleanzi progressivi, fosthom il-ħolqien ta’ Trade Unions Council, li jservi bħala vuċi kollettiva tal-ħaddiema iżda li fl-istess ħin ikun magħmul minn unjins distinti. Jista’ jkun hemm alleanzi progressivi oħrajn ukoll, bil-parteċipazzjoni ta’ movimenti bħal dawk progressivi, xellugin u ekoloġisti.





Iżda qabel ma nħallu l-entużjażmu jiġri bina, tajjeb li npoġġu l-affarijiet f’kuntest. Mhux se nitkellem dwar il-partiġġjaniżmu li għad għandu forza qawwija f’pajjiżna. Dwar dan naħseb li m’hemmx ħafna xi nżid ma dak li jintqal kemm il-darba fl-isfera pubblika.





Nixtieq nitkellem dwar il-kuntest soċjali kumpless u frammentat ta’ żminijietna, fejn jeżistu bosta identitajiet, u r-relazzjoni ta’ dan mal-alleanzi politiċi.





Filwaqt li fis-soċjetà hemm fatturi komuni bħall-klassi soċjali, sess u razza, hemm differenzi partikolari bejn nies b’identitajiet differenti. Waħda tista’ tkun ħaddiema, iżda jista’ jkun ukoll ħaddiema ġo uffiċċju, feminili, mhux daqstant reliġjuża, u qed tipprepara għaż-żwieġ. L-identità tagħha tista’ tvarja sew minn ta’ ħaddiema jew ħaddiem ieħor b’karatteristiċi differenti, ngħidu aħna ta’ xi ħadd li hu reliġjuż sew. Għalhekk, l-identità hija tassew kumplessa, u ma tistax tiġi spjegata b’termini simplistiċi u monolotiċi.





Meta wieħed iħares lejn l-identità b’dan il-mod, ikun diffiċli li wieħed jassumi li hemm xi identità privileġġjata. Għalhekk, forza politika u soċjali progressiva li tixtieq tkun rebbieħa għandha tħares ’l barra u tappella għall-identitajiet u ideoloġiji varji, u kultant kontradittorji, fis-soċjetà.





Il-lemin politiku rnexxielu jagħmel dan. Nagħti żewġ eżempji ta’ gvernijiet li damu għal snin twal fil-poter f’soċjetajiet demokratiċi. Il-Gvern Konservattiv Ingliż bejn l-1979 u l-1997 irnexxielu jgħaqqad identijajiet u ideoloġiji bbażati fuq il-kunċett ta’ suq ħieles iżda stat b’saħħtu fejn tidħol il-moralità u l-ordni.





F’Malta, il-Gvern Nazzonalista mill-1987 ’il quddiem irnexxielu jżewweġ l-identità Kattolika ma’ dik konsumerista. Fiż-żewġ każijiet, gvernijiet differenti appellaw għas-sens komun ta’ żminijiethom, u bnew forza egemonika bil-kunsens ta’ gruppi soċjali differenti.





Iżda l-ebda egemonija m’hi eterna, u għal kull forza dominanti hemm forza li tirreżisti u li tistinka għall-bidla soċjali. Teżisti tama għal soċjetajiet iktar ugwali u ġusti.





Bidla rebbieħa u b’saħħitha għandha tappella għall-identitajiet u l-ideoloġiji popolari, billi tuża diskors li jgħaqqad u li jmur lil hinn mill-interessi dojoq u partikolari ta’ kull identità jew forza politika jew soċjali. L-alleanzi jkunu verament integrati, u mhux alleanzi tal-konvenjenza.





Jekk identità jew forza politika tipprova timponi l-interessi tagħha b’mod li tinjora l-identitajiet ta’ ħaddieħor, dan inaqqas iċ-ċans li jkun hemm alleanzi ma’ forzi oħrajn, anke iżgħar, li huma meħtieġa għall-bidliet soċjali.





Għalhekk, nemmen li x-xogħol tal-forzi progressivi huwa li jartikolaw diskors u strateġji inklussivi, diskors li jirrispetta l-identitajiet u tradizzjonijiet ta’ forzi politiċi u soċjali differenti, iżda li jipprova jibni fuq dak li hemm komuni bejn l-identitajiet varji. Dan bilfors jirrikjedi kompromessi mill-forzi varji. Iżda aħjar tagħmel kompromess u timxi ċentimetru milli twebbes rasek u tibqa’ fejn int!





Hawnhekk, tajjeb li jiġi emfassizzat li hu probabilment impossibli li toħloq forza rebbieħa li togħġob lil kulħadd. Kull ‘aħna’ jirrikjedi l-‘huma’, u għalhekk, l-antagoniżmu politiku u soċjali huma permanenti f’kull sitwazzjoni soċjali.





Il-forzi progressivi għandhom għażliet importanti quddiemhom. Ikun żball kbir li jiġi użat diskors li hu ’l bogħod mill-aspirazzjonijiet varji tan-nies. U jkun żball ikbar jekk wieħed jassmui li hemm xi vuċi u verità waħda biss fis-soċjetà. Ejja nibnu fuq il-pożittiv li ħareġ s’issa….

No comments: