Sociologist, local councillor, activist from Malta

Wednesday, October 22, 2008

Finanzi fis-Sod?

minn Michael Briguglio

Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku, Alternattiva Demokratika
http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=48267

L-Orizzont 22 ta' Ottubru 2008


IL-MEXXEJJA tal-Unjoni Ewropea ddeċidew b’mod unanimu favur miżuri biex iġibu stabilità fis-swieq finanzjarji. Dawn il-miżuri jinkludu għotjiet ta’ fondi pubbliċi lill-banek, garanziji għad-depożiti fil-banek, u fondi biex jinkoraġġixxu l-banek biex isellfu l-flus lil xulxin.

X’wassal għal dawn id-deċiżjonijiet?

Is-sistema ekonomika globali qiegħda fi kriżi. In-nuqqas ta’ regolamentazzjoni tas-sistema finanzjarja wasslet għall-żieda ta’ investiment spekulat-tiv, li m’għandux rabta diretta ma produzzjoni ta’ prodotti u servizzi reali.

Fl-istess ħin kien hemm influss ta’ flus fl-ekonomija f’affarijiet finanzjarji u żieda ta’ djun f’oqsma bħal dak tad-djar. Il-bużżieqa finanzjarja splodiet u l-impatt soċjali u ekonomiku kien massiv.

Il-Bank Dinji qal li din il-kriżi se żżid in-numru ta’ nies bil-guħ għal kwazi biljun din is-sena, jiġifieri żieda ta’ 44 miljun ruħ. Barra minn hekk, ħaddiema qegħdin jesperjenzaw iktar instabbiltà kemm f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà ta’ xogħolhom, kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dak li faddlu u investew.

Banek mhux qegħdin jafdaw lil xulxin, u s-self ta’ flus sar iktar diffiċli. Fi ftit kliem, il-politika neo-liberali, falliet. Din hi l-istess politika li smajna tant dwar it-trionf tagħha, fejn is-suq għandu jsuq u l-istat jirtira minn parteċipazzjoni attiva fl-ekonomija. Iżda r-riżultat huwa iktar instabbiltà, inugwaljanza, u qerda ekoloġika.

Huwa f’dan l-isfond li l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti, il-Ġappun u bosta pajjiżi oħrajn, iddeċidew li jieħdu de-ċiżjonijiet li sa ftit żmien ilu kienu meqjusin bħala sagrileġġ kontra l-kapitaliżmu.

Huma bosta l-partiti, għaqdiet u ħassieba tax-xellug li qegħdin jitkell-mu dwar x’għandu jsir biex tiġi kkonfrontata din il-kriżi. Hemm min qiegħed jitkellem dwar il-kontradizzjonijiet strutturali tal-kapitaliżmu neo-liberali u li l-istat għandu rwol importanti għall-ekonomija sostenibbli.

Il-Ħodor Ewropej qegħdin jitkellmu favur investiment li jħares fit-tul, u mhux investiment spekulattiv. Dan jista’ jinkludi investiment f’prodotti tanġibbli bhall-dawk relatati ma’ enerġija alternattiva u investiment f’iktar edukazzjoni u ricerka.

Proposti oħrajn f’dan ir-rigward jinkludu kontroll iktar strett tas-salarji ta’ min qed jinnegozja l-flus, protezzjoni ġusta għal min għandu t-tfaddil tiegħu fil-banek, u l-ħolqien ta’ qafas regolatorju fl-UE li jgħasses is-swieq finanzjarji.

Proposta verament importanti hija dik tal-hekk imsejħa “Tobin Tax”, li timponi taxxa ta’ persentaġġ żgħir fuq transazzjonijiet finanzjarji biex irażżnu l-ispekulazzjoni u biex jiġġeneraw dħul li jista’ jintuża għal skopijiet soċjali fuq livell globali.

Il-Konfederazzjoni tal-Unjins tal-Ħaddiema fl-Ewropa (ET-UC) qiegħda tipproponi affarijiet bħal ħolqien ta’ fond Ewropew li jinjetta kapital ġdid fil-banek; fond ta’ investiment Ewropew f’affarijiet bħall-enerġija alternattiva u infrastruttura; u bidliet ċari fil-politika tal-Bank Ċentrali Ewropew, li kemm-il darba tkellem kontra żieda fil-pagi.

Il-konfederazzjoni qiegħda tipproponi wkoll il-ħolqien ta’ bord ta’ sorveljanza magħmul minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-Bank Ċentrali Ewropew.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ Malta, hija ħaġa pożittiva li l-Gvern ħa miżuri neċessarji biex jipprotegi t-tfaddil ta’ klienti tal-banek. Fl-istess ħin, iżda hemm bżonn iktar trasparenza, mill-Gvern u mill-banek, biex klijenti u ħaddiema tal-banek u kumpaniji oħrajn ikollhom moħħ-hom iktar mistrieħ dwar is-sitwazzjoni tagħhom.

Meta dan l-aħħar jien ipparteċipajt f’diskussjoni fuq ir-radju dwar din il-kwistjoni, bqajt impressjonat bin-numru ta’ telefonati ta’ nies li jixtiequ iktar informazzjoni biex iserrħu moħħhom.

Il-mudell soċjo-ekonomiku Malti, bid-difetti kollha tiegħu, wera li addatta tajjeb għal din il-kriżi. Hija pożittiva li l-Gvern ma ċediex għall-pressjoni ta’ xi aġenziji li jridu l-privatizzazzjoni totali tal-Bank of Valletta.

Gvernijiet għandhom responsabilitajiet soċjali u politiċi, u għalhekk jistgħu jiġġieldu pressjoni minn spekolaturi li jridu iktar swieq ħielsa.

Il-mudell Malti jidher li kien iktar reżiljenti minn dak ta’ pajjiż żgħir ieħor, l-Islanda, li kemm-il darba jkun fuqnett fil-klassifiċi dinjin ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali.

Jidher li fl-Islanda - li m’hijiex membru tal-Unjoni Ewropea u li għandha provvista enormi ta’ enerġija naturali – hemm wisq investiment spekolattiv u issa dan il-pajjiż spiċċa jitkarrab ma’ pajjiżi oħrajn għall-għajnuniet finanzjarji!

Madankollu, dan ma jfissirx li għandna nassumu li pajjiżna m’għandux problemi relatati mal-ispekulazzjoni. Il-qasam tal-bini mill-ewwel jiġini f’moħħi, fejn l-aspett spekulattiv jidher li qiegħed jirrenja fuq dak soċjali u ekoloġiku. Dan jeħtieġ miżuri li jrażżnu l-ispekulazzjoni qabel ma’ tinfaqa’ l-bużżieqa u jweġġgħu ħafna nies!

Il-kriżi globali tgħallimna li politika għaqlija għandha tiffoka fuq investiment dirett u produttiv u sostenibbli, u mhux fuq l-ispekluazzjoni.

Għalhekk, wieħed jittama li l-baġit li jmiss jinkoraġġixxi investiment ta’ dan it-tip, filwaqt li jħares fatturi soċjali u ekoloġiċi.

No comments: