Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Wednesday, October 08, 2008

Dawl u Ilma fil-Bagit li Jmiss

L-Orizzont - L-Erbgħa 8 ta' Ottubru 2008

minn MICHAEL BRIGUGLIO

Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku - Alternattiva Demokratika
http://www.l-orizzont.com/news2.asp?artid=47960

Il-poplu qiegħed ikollu piżijiet kbar fil-but, u l-Gvern qiegħed f’pożizzjoni delikata dwar l-enerġija. X’se jiġri fil-Baġit?

Il-qagħda preżenti ma tidhirx li hija waħda sostenibbli. Id-dipendenza ta’ pajjiżna fuq iż-żejt qed iġib piżijiet soċjali u ekonomiċi u jikkontribwixxi wkoll għal dħaħen li jagħmlu ħsara ekoloġika. U iktar ma jmur, iktar jidher li l-konsum eċċessiv ta’ żejt se joħloq problemi għall-pajjiż fuq livelli differenti, mhux l-inqas fil-bwiet tan-nies.

Il-proposti tal-Gvern għal miżuri minflok is-sistema tas-soprataxxa se jwasslu għal prezzijiet iktar għoljin. Dan jista’ jwassal għal piżijiet żejda fuq ħaddiema u familji li diġà qegħdin jesperjenzaw rata ta’ inflazzjoni għolja u żidiet baxxi fil-pagi.

Ikun aħjar li minflok jiġu imposti dawn il-miżuri b’mod mgħaġġel, ikun hemm analiżi serja u konsultazzjoni wiesgħa dwar x’toroq għandu jieħu l-pajjiż dwar l-enerġija.

Alternattiva Demokratika qiegħda tipproponi li fuq bażi ta’ prinċipju, l-użu bażiku tal-enerġija għandu jiġi ssussidjat mill-Gvern filwaqt li l-ħela tiġi penalizzata. Biex dan il-prinċipju jiġi applikat b’mod responsabbli u biex jiġi stabbilit x’għandu jiġi kkunsidrat bħala użu bażiku għall-individwi, familji, kumpaniji u organizzazzjonijiet oħrajn, għandu jkun hemm studju xjentifiku li jiġi kkumissjonat mill-Gvern. Dan l-istudju għandu jinkorpora analiżi ekonomika u soċjoloġika, biex il-Gvern ikun jaf eżatt kif qegħdin jgħixu l-Maltin, kif qegħdin joperaw il-kumpaniji kbar, żgħar u ta’ daqs medju u xi prospetti hemm fil-futur. Wara li jsir dan it-tip ta’ studju, id-dibatittu nazzjonali ikun jista’ jsir fuq bażi fattwali u mhux sempliċiment fuq retorika.

Iżda tajjeb ukoll li l-Gvern ikun iktar ċar dwar il-miri tiegħu dwar l-enerġija għas-snin li ġejjin. Huwa tajjeb li ġie appuntat kumitat dwar il-bidla fil-klima, iżda hija kemmxejn diżappuntanti li għaqdiet non-governattivi ma ġewx ikkonsultati b’mod demokratiku biex jiġu nominati rappreżentanti mis-soċjetà ċivili.

Tajjeb inżommu f’moħħna li Malta qiegħda ’l bogħod mill-obbligi li għandna bħala pajjiż imsieħeb fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri li sal-2020, għaxra fil-mija tal-enerġija jiġu minn sorsi alternattivi u biex l-emissjonijiet tas-CO2 jonqsu b’20% minn dak stabbilit fl-1990.

Biex Malta tnaqqas id-dipendenza fuq iż-żejt u biex tilħaq il-miri tagħha, tajjeb li jkun hemm diversifikazzjoni fl-użu tal-enerġija. Fost il-prioritajiet li pajjiżna jista’ jadotta hemm il-pipeline tal-gass minn Sqallija li jista’ jipprovdi kwantitajiet kbar ta’ enerġija. Hemm ukoll miżuri realistiċi u fattibbli fuq skala iżgħar, li filwaqt li mhux se jsolvu l-problemi kollha li għandna dwar l-enerġija, jgħinu biex nimxu ’l quddiem.

Fost oħrajn, jistgħu jiġu installati ammont żgħir ta’ rdieden tar-riħ fuq l-art u pannelli fotovoltaiċi fuq bini tal-Gvern. Jista’ jkun hemm ukoll iktar investiment fit-trasport pubbliku biex dan joffri alternttiva attraenti. Fuq livell individwali, jistgħu jiddaħħlu inċentivi għall-installar ta’ pannelli fotovoltaiċi b’tariffi speċjali għall-elettriku żejjed li dawn is-sistemi jipproduċu, u programm serju ta’ inċentivi għall-familji biex jinstallaw sistemi li jsaħħnu l-ilma permezz tax-xemx.

Inċentivi bħal dawn jistgħu jiġu ffinanzjati permezz ta’ miżuri bħal pieni ambjentali dwar l-infurzar u persentaġġ mill-konsum tal-fjuwil. Iżda tajjeb insemmu li bosta ċittadini li joqogħdu f’appartamenti mhux qegħdin jingħataw id-dritt li jużaw il-bejt ħlief għal tank tal-ilma, jiġifieri dawn qegħdin jiġu mċaħħdin milli jużaw l-enerġija tax-xemx.

Punt li għandu jiġi emfasizzat fil-kwistjoni tal-enerġija hu r-rwol tal-Istat. L-enerġija hija xi ħaġa vitali għall-għixien ta’ kulħadd u għalhekk l-Istat għandu responsabbilità kbira li jiżgura mhux biss aspetti ekonomiċi, iżda wkoll soċjali u ekoloġiċi. F’idejn privati u b’suq mhux regolarizzat, jiddetta r-rgħeba għall-profitt, li jista’ jkollu riperkussjonijiet serji fuq il-kwalità tal-ħajja tal-mases.

Għalhekk, importanti li hu x’inhu l-enerġija li jiġi wżat, l-istat jibqa’ jkollu responsabbiltà biex jiġi żgurat li kulħadd ikollu d-dinjità tiegħu rispettata fuq dan il-bżonn bażiku. F’dan ir-rigward huwa pożittiv li ħadd f’Malta mhu qed jipproponi l-privatizazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija, kemm tad-dawl kif ukoll tal-ilma. Huwa importanti li dan il-kunsens politiku jibqa’ fis-seħħ biex pajjiżna jkollu vuċi waħda, kemm f’fora nazzjonali kif ukoll f’dawk internazzjonali bħall-Unjoni Ewropea, favur toroq sostenibbli, ġusti, responsabbli u sovrani.

Fil-preżent, fl-Unjoni Ewropea hemm diskussjoni dwar il-liberalizzazzjoni tal-enerġija. Għalhekk, nistennew li pajjiżna jieħu pożizzjoni soċjali.

No comments: