Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Tuesday, September 09, 2008

In-negozju żgħir u l-lokalizzazzjoni

L-Orizzont - It-Tlieta 9 ta' Settembru 2008

minn Michael Briguglio,
Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku ta' Alternattiva Demokratika


http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=47210

Il-globalizzazzjoni hi parti mill-ħajja ta’ kuljum. Dan nistgħu narawh f’ħafna oqsma tal-ħajja. Ngħidu aħna permezz tal-Internet, fejn nistgħu nkunu komunikati mad-dinja kollha jew permezz tal-kultura, fejn nistgħu nisimgħu mużika minn kull rokna tal-pjaneta.

Iżda l-globalizzazzjoni għandha wkoll l-impatti negattivi tagħha, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ proċessi ekonomiċi bbażati fuq l-isfruttar tal-ħaddiema u tal-ekoloġija. Bosta kumpaniji transnazzjonali huma invoulti f’dan il-proċess, fir-rgħiba għal iktar profitti fl-iqsar żmien possibbli. Dawn il-kumpaniji qegħdin jibilgħu kumpaniji iżgħar u iktar ma jgħaddi żmien, iktar qegħdin jikbru. Per eżempju, fis-sena 2001 kien hemm 240 kumpanija transnazzjonali b’bejgħ ta’ iktar minn $20 biljun kull wieħed fis-sena. Fl-istess sena, iktar minn nofs (71) ta’ 132 pajjiż b’popolazzjoni ta’ iktar minn żewġ miljun persuna kellhom dħul nazzjonali ta’ inqas minn $20 biljun!

Dan qed ikollu impatt negattiv. Iżda, lil hinn minn dan l-isfruttar “ovvju” bħall-kundizzjonijiet ta’ xogħol ħżiena, anke prattiċi oħrajn bħas-sempliċi trasportazzjoni ta’ prodotti minn naħa għal oħra tad-dinja joħloq problemi kbar. Id-dħaħen biex jiġu trasportati dawn il-prodotti qegħdin jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima.

Għalhekk, filwaqt li l-aspetti pożittivi tal-globalizzazzjoni għandhom jiġu milqugħin, tajjeb li jkun hemm politika ekonomika biex tilqa’ kontra l-impatti negattivi. Politika sostenibbli f’dan ir-rigward hija dik tal-lokalizzazzjoni, fejn, jiġu promossi prodotti u servizzi li jiġu manifatturati u mibjugħin fl-istess pajjiżi, reġjuni jew komunitajiet. Dan iwassal għall-provvista demokratika għall-ħtiġijiet ta’ komunitajiet lokali. L-intrapriżi lokali u żgħar għandhom rwol importanti ferm biex dan iseħħ. Biżżejjed wieħed isemmi l-importanza ta’ prodotti agrikoli u tal-ikel. Jekk il-produzzjoni lokali tiżdied, dan jista’ jgħin biex intaffu għall-inflazzjoni li qiegħda tiġi importata minn barra.

L-intrapriża lokali tista’ tkun ta’ benefiċċju mhux biss ekonomikament iżda wkoll għax, kif diġà implikajt, tista’ twassal għal inqas tniġġis minħabba użu inqas ta’ trasport u anke minħabba li ssaħħaħ il-ħajja tal-komunità peress li jkun hemm iktar xogħol u produttività u fl-istess ħin, il-prodotti u s-servizzi jkunu faċilment aċċessibbli għar-residenti. Negozji żgħar u lokali għandhom it-tendenza li jpoġġu iktar mill-profitti tagħhom lura fil-komunità u dan iżid is-sostenibbiltà.

Għalhekk, politika li tpoġġi fuq quddiem l-iżvilupp soċjali u l-ekoloġija għandha tagħti l-appoġġ meħtieġ lill-intrapriża żgħira u lokali. B’daqshekk, wieħed mhux qed jgħid li l-industrija kbira – f’oqsma bħall-manifattura u turiżmu – mhix importanti, speċjalment fil-ħolqien tal-impjiegi u fil-ħolqien ta’ prodotti u servizzi għall-esportazzjoni. Iżda l-intrapriża żgħira u lokali għandha rwol importanti ferm f’dan ir-rigward ukoll!

Politika favur negozji żgħar u lokali tista’ tinkludi inċentivi ta’ l-istat biex negozji ta’ dan it-tip ikollhom prattiċi ekonomiċi sostenibbli u vijabbli. Eżempju ta’ dan huwa l-bżonn ta’ ‘venture capital funds’ għal negozji li huma ekoloġikament sostenibbli.

Tajjeb ukoll li jkun hemm inċentivi fiskali għal prattiċi innovattivi, ekoloġiċi u soċjalment ġusti, bħalma hu l-impjieg ta’ persuni minn gruppi u kategoriji soċjali żvantaġġati, bħalma huma l-ħaddiema ta’ età kbira, li kemm-il darba huma vittmi ta’ preġudizzju u diskriminazzjoni. Jista’ jkun hemm ukoll għajnuniet għal negozji żgħar li ma jistgħux ikampaw mal-prezz tal-proprjetà, liema għajnuniet ikunu marbutin ma’ kundizzjonijiet li jippromwovu prattiċi sostenibbli. Jista’ jkun hemm ukoll għajnuniet indiretti li permezz tagħhom in-negozji żgħar ikollhom inqas piżijiet f’dak li għandu x’jaqsam ma’ burokrazija żejda. Minbarra hekk, tajjeb li l-Gvern ibiddel il-mekkaniżmu tas-soprataxxa b’mod li tiġi penalizzata l-ħela u mhux il-konsum bażiku tad-dawl.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-politika ekonomika tal-Unjoni Ewropea u n-negozji żgħar u lokali, tajjeb li wieħed janalizza l-iżviluppi fid-Direttiva tas-Servizzi, li tippromwovi iktar ċaqlieq ħieles ta’ negozji u ħaddiema.

Filwaqt li huwa tajjeb li jkun hemm politika li twassal għal iktar produttività u kompetizzjoni ġusta, fl-istess ħin, din m’għandiex twassal għal proċess fejn il-kumpaniji kbar jibqgħu jikbru u jaqilgħu lil dawk iż-żgħar mis-suq. Dan jista’ jiġri jekk id-‘dumping’ soċjali jiġi permess, fejn kumpaniji jingaġġaw ħaddiema barranin b’pagi iktar baxxi u kundizzjonijiet agħar minn dak permess fil-pajjiż rispettiv.

L-Alternattiva Demokratika se tagħti importanza xierqa lin-negozji żgħar u lokali fil-proposti tagħha għall-Bagit.

Dan inpoġġuh f’kuntest fejn nappoġġjaw ukoll prattiċi ta’ kummerċ ġust, drittijiet tal-konsumaturi u kundizzjonijiet tajbin ta’ xogħol għall-ħaddiema.

No comments: